Legislature:
Category:
Reset
Active:

Miżuri minħabba Żunżan Bagħal (Oriental Hornet)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jittieħdu miżuri maż-żieda evidenti f'pajjiżna tal-ispeċi Żunżan Bagħal (Oriental Hornet)? Jista’ jispjega kif se nipproteġu l-kultivazzjoni u l-produzzjoni tal-frott Malti u l-għasel fl-interess tal-bdiewa, l-industrija agrikola u l-ekosistema ta' pajjiżna mill-istess speċi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet għall-Annimali joffri assistenza teknika sabiex tiġi kkontrollata l-invażjoni ta’ ċertu pesti u mard tal-pjanti u tal-annimali. Peress li l-ispeċi taż-Żunżan Bagħal (Oriental Hornet) tista’ titqies bħala waħda minn dawn, il-bdiewa jistgħu jiksbu għajnuna dwar il-kontroll ta’ dan il-pesti permezz tal-Extension Service fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali.

Marsaxlokk – bini ta’ pixxina tal-waterpolo

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lil din il-Kamra jekk il-pjanijiet li tinbena l-pixxina tal-waterpolo f’Marsaxlokk għadhomx fis-seħħ? Jekk iva, tista’ tagħti timeline ta’ x’inhu mistenni biex dan l-investiment jikkonkretizza għall-benefiċċju tal-isportivi u r-residenti fiż-żona?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanijiet li tinbena l-pixxina tal-waterpolo f’Marsaxlokk għadhom fis-seħħ. Preżentement, għaddej il-proċess ta’ applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar. F’dawn l-aħħar ġimgħat, ingħata il-clearance rigward il-permess mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi u s-Sovarintendenza tal-Wirt Kulturali. Wara jkun imiss li joħroġ il-permess finali biex finalment ikun jista’ jiskatta l-proċess ta’ tendering għax-xogħlijiet meħtieġa.

Billboards

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm hawn billboards madwar it-toroq Maltin li għandhom permess u x'miżuri mistennija jittieħdu fil-konfront ta' strutturi illegali li hawn fis-suq għaż-żvantaġġ ta' dawk li qed joperaw bil-permessi neċessarji u skont il-liġi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministru kkonċernat.

Sports — miżuri wara li jiġu rtirati r-restrizzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema miżuri se jittieħdu ladarba jiġu rtirati r-restrizzjonijiet biex wieħed jissalvagwardja l-aspetti ta' saħħa u finanzi għall-klabbs, atleti u spettaturi fejn jidħlu: (¡)Team Sports bħal football, basketball, volleyball, waterpolo u rugby; u (ii) Individual Sports bħal atletika, weightlifting, tiġrijiet taż-żwiemel, ġinnastika, tennis, 8ball u motor sports?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, mill-bidu ta’ din ir-realtà ġdida, is-Segretarjat Parlamentari żamm kuntatt kontinwu ma’ numru ta’ federazzjonijiet u assoċjazzjonijiet sportivi kif ukoll mal-Kumitat Olimpiku Malti. Dan kollu sar billi, sa fejn hu possibbli, tiġi faċilitata l-komunikazzjoni mad-dipartiment tas-saħħa u jiġi ppjanat il-futur ta’ dawn l-isports. Ovvjament, wieħed irid jikkonsidra numru ta’ fatturi li jinkludu jekk l-isports huwiex meqjus bħala sport individwali jew inkella bħala tim sport, il-livell ta’ kuntatt li jġib miegħu l-istess sport, spettaturi li jirrikoru għall-istess sport, l-istaġuni rispettivi li fihom isiru il-kompetizzjonijiet u commitments fuq livelli lokali u anke internazzjonali. Tajjeb wieħed jgħid li kull pjan se jitħabbar meta jkun il-waqt u wara li jintemm il-proċess, aktar fuq imsemmi, u jiġi assigurat li m’hemmx periklu għall-atleti tagħna. Fejn għandu x’jaqsam ma’ finanzi, tajjeb wieħed jgħid li s-settur sportiv ibbenefika mill-pakkett t’għajnuna finanzjarja imħabbra mill-gvern u kif ukoll mill-iskema ta’ Fond ta’ Emerġenza għall-għaqdiet volontarji.

PBS – skeda televiżiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli jaġġorna dwar kif il-PBS irreaġixxiet fid-dawl tal-pandemija li għaddejjin minnha u jelenka x'miżuri ttieħdu biex l-iskeda televiżiva ta' TVM tkun aktar attraenti fi żmien li l-pubbliku żdied il-ħin tiegħu d-dar? Apparti l-islot kwotidjan tal-bulettin mediku mill-Kummissarju tas-Saħħa fuq TVM, jista' l-Ministru jagħti lista minn Jannar 2020 sa Ottubru 2020 ta': a. liema huma l-programmi li ppermettu interattivita live mat-telespettaturi?; b. kemm inħolqu programmi li ħasbu fl-aspett psikoloġiku; c. kemm ixxandru programmi ta' għarfien mediku u soċjali; d. kemm ixxandru programmi ta' entertainment; u e. kemm ġie skedat li jintwerew u/jew se jintwerew films matul il-ġimgħa?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

PBS — riforma

Question

Hekk kif ħafna qed jistennew riforma fil-PBS u l-istazzjonijiet li jmexxi, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra fuq punti li jikkontribwixxu fl-aspetti artistiċi u finanzjarji u jgħid: a. kemm hemm Floor Managers impjegati full-time fl-istazzjoni nazzjonali TVM?,; b. liema karigi qed jara li ssir sejħa għalihom fl-immedjat fi ħdan il-PBS biex wieħed jindirizza l-aspett ta' kwalità tal-kontenut mill-iskeda televiżiva li jmiss?; u c. hemmx ħsieb li TVM jagħmel arranġamenti kontrattwali ma' aġenti tar-reklamar biex ikunu jistgħu jbiegħu r-reklamar b'mod esklussiv filwaqt li jagħtu konsistenza u stabbilità ta' introjtu lill-istazzjon nazzjonali?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.