Xogħlijiet fuq il-mini prinċipali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa x-xogħol li sar fuq il-mini prinċipali tal-pajjiż fl-2021 u jgħid għala x-xogħlijiet li kienu imwiegħda li kellhom ikunu lesti fl-aħħar ta’ Ġunju, fil-fatt għadhom għaddejjin? Jista’ jgħid jekk ix-xogħol hux qed isir b’direct order jew le?
Response (BORG, IAN)
Il-proġett minn Infrastructure Malta biex tirranġa u ssebbaħ l-istrutturi tal-mini f’Ħal Kirkop, Santa Venera, Tal-Qroqq u Ta’ Giorni wasal fl-aħħar ftit xogħlijiet tiegħu. Permezz ta’ dan il-proġett, il-Gvern qed jagħti ħajja ġdida lil dawn il-mini, li flimkien iġibu total ta’ 4.8 kilometri ta’ korsiji bħala parti mix-xibka tat-toroq arterjali ta’ pajjiżna.
Dawn il-mini nbnew bejn l-1967 u l-1996, bl-eqdem struttura hija dik Ta’ Giorni u l-iżjed waħda riċenti ta’ Tal-Qroqq. Minħabba li kien ilhom snin twal fi stat ta’ telqa, l-erba’ strutturi kellhom bżonn ħafna tiswijiet, manutenzjoni u modernizzar sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-ogħla standards internazzjonali ta’ kwalità u jkunu armati bl-aħħar teknoloġiji ta’ saħħa u sigurezza għall-eluf ta’ persuni li jgħaddu minnhom ta’ kuljum. Ix-xogħlijiet kollha saru minn kuntrattur li ntgħażel wara evalwazzjoni tal-offerti mitfugħa skont ir-regolamenti applikabbli. Il-kuntrattur magħżul kellu l-esperti meħtieġa biex iwettaq dan ix-xogħol, skont ir-regolamenti applikabbli.
Fil-fażi inizjali tal-proġett, tnaddfu l-ħitan minn saffi ta’ nugrufun u ħmieġ ieħor li tħalla jinġema għal għexieren ta’ snin, li matulhom dawn il-mini ftit li xejn raw manutenzjoni jew tindif. Imbagħad bdew it-tiswijiet tal-istrutturi u l-faċċati tagħhom li partijiet minnhom kellhom ħsarat estensivi u kienu jeħtieġu anke xogħol kbir ta’ restawr fil-ġebel u l-konkos tagħhom. Fil-każ tal-mini ta’ Santa Venera u Ta’ Giorni, li t-tnejn tħaffru fil-blat, sar ukoll studju bl-użu ta’ radar biex ġew identifikati xquq li kienu jeħtieġu interventi addizzjonali.
Infrastructure Malta rrestawrat il-faċċati tad-daħliet tal-mini ta’ Santa Venera, Ħal Kirkop u Ta’ Giorni għad-dehra oriġinali tagħhom, bil-ġebla tal-franka. L-aġenzija talbet ukoll li d-daħliet tal-konkos mikxuf tal-Mini Tal-Qroqq, li kienu swiedu u kriehu bi snin ta’ dħaħen u nuqqas ta’ tindif, jingħataw dehra aktar sabiħa b’materjal ikkulurit li ma jaqbadx ħafna ħmieġ miegħu u li jkun jista’ jitnaddaf b’mod eħfef.
Permezz ta’ dan il-proġett ġew mgħoddijin cables u katusi għall-entitajiet tas-servizzi fl-istess mini, u wara nksew b’saffi t’asfalt ġodda. Saru wkoll xogħlijiet ta’ titjib fis-sistemi tal-ilqugħ tal-ilma tax-xita li diġa kien hemm f’dawn il-mini.
Għal kull wieħed mill-erba’ settijiet ta’ mini, nbnew kmamar tal-kontroll fuq barra li minnhom se jkunu jistgħu jiġu kkontrollati s-sistemi ġodda ta’ saħħa u sigurezza, fosthom cameras ta’ sorveljanza, alarms ta’ kontra n-nirien, apparat li jkejjel il-kwalità tal-arja fil-mini, tabelli elettroniċi u tagħmir ta’ komunikazzjoni f’każi t’emerġenza. Infrastructure Malta qed tqabbad il-kontroll ta’ dawn is-sistemi maċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kontroll tat-Traffiku ta’ Transport Malta, biex ikun hemm monitoraġġ kontinwu. Is-sistema avvanzata ta’ cameras li se jkun hemm fil-mini se jkollha l-kapaċità li awtomatikament tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet jekk ikun hemm xi diffikultajiet, bħal xi karozza wieqfa fil-mina jew nirien, sabiex tintbagħat l-għajnuna minnufih.
L-aġenzija tejbet ukoll il-passaġġi u bibien ta’ ħruġ ta’ emerġenza minn kull mina b’diversi tagħmir bħalma huma bibien re¿istenti għan-nirien u apparat biex iċċempel għall-għajnuna bħalma nsibu fil-liftijiet, kif ukoll sinjali u dwal li jidderiġuk minn fejn għandek toħroġ.
F’kull mina, il-kuntrattur tal-proġett installa ukoll sistemi għall-provvista tal-ilma għat-tifi tan-nar u apparat ieħor għal kontra n-nirien bħalma huma fire hydrants. Għal dawn is-sistemi kontra n-nirien b’kollox ġew mgħoddijin minn taħt l-art ftit aktar minn tliet kilometri ta’ pajpijiet għall-ilma. Barra minn hekk, wara konsultazzjonijiet mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Infrastructure Malta bniet ukoll ġibjuni taħt l-art barra tnejn mill-istrutturi minħabba li ma kienx hemm l-ebda provvista t’ilma disponibbli għal dawn is-sistemi ġodda għat-tifi tan-nar.
Fl-aħħar fa¿ijijiet tal-proġett, Infrastructure Malta biddlet is-sistemi tad-dwal biex il-mini ma jibqgħux imdallmin u ksiet il-ħitan tal-ġnub tal-mini b’materjal apposta li jsebbaħhom u jdawwalhom aktar. Minbarra li jipprovdi viżibilità aħjar fil-mini, dan il-materjal għandu jiffaċilita wkoll it-tindif u l-manutenzjoni li jkun hemm b¿onn isiru kull tant ¿mien. Bis-sistema l-ġdida tad-dwal speċjalizzata għal mini bħal dawn, il-qawwa tad-dawl ġewwa l-mini tinbidel skont il-ħin u skont it-temp, billi jitbaxxa jew jogħla mal-ħin, ħalli l-għajnejn tas-sewwieqa joqgħodu mill-ewwel meta tidħol fihom.
Sabiex tagħmel ix-xogħlijiet meħtieġa biex tiżgura s-sigurtà u l-istabbilità tal-mini għal tul ta’ żmien, fl-2018 Infrastructure Malta kkummissjonat studji tekniċi bl-għajnuna t’esperti internazzjonali rinomati f’dan il-qasam. Permezz ta’ dawn l-istudji, ħareġ li t-tmien mini kien jeħtieġ li ssirilhom manutenzjoni sostanzjali u tiswijiet f’diversi sistemi tagħhom. Fost affarijiet oħrajn irri¿ulta li s-sistema tal-elettriku u tad-dwal fil-mini kollha kienet antikwata u kien jeħtieġ li tinbidel biex tkun skont standards internazzjonali. Kien hemm bżonn ukoll li jsir titjib kbir fis-sistemi ta’ sigurezza u ta’ kontra n-nirien, kif ukoll fil-passaġġi u l-bibien tal-ħruġ mill-mini f’każ t’emerġenza.
Waqt li kien qed isir il-proġett inqalgħet il-ħtieġa ta’ xogħljiet oħrajn li ntalbu mill-entitajiet rispettivi biex dawn isiru mill-aġenzija, fosthom tqegħid ta’ pajpijiet ġodda tal-ilma u cables tad-dawl taħt waħda mill-karreġġjati tal-mini, liema rekwi¿iti ma kienux magħrufa meta ngħata l-kuntratt. Barra minn hekk, Infrastructure Malta tejbet il-kwalità tal-asfalt għall-kisi tal-karreġġjati fil-mini billu użat il-polymer modified asphalt, tip t’asfalt li nediet fit-toroq arterjali f’Malta fl-2020. Għaldaqstant, meta fl-2019 saret is-sejħa għall-offerti għall-proġett tal-mini, kienet għadha ma ntroduċietx f’pajjiżna l-użu ta’ dan il-materjal li huwa aktar b’saħħtu u jservi iżjed.
Kif isir normalment, sabiex ma jkunx hemm diffikultajiet ta’ kordinazzjoni bejn kuntratturi differenti fl-istess post, ix-xogħlijiet addizzjonali ngħataw lill-kuntrattur li kien diġà mqabbad permezz tas-sejħa għall-offerti. Filwaqt li l-kuntratt oriġinali kien jammonta għal €12.5 miljun, l-ispiża finali tkun magħrufa meta jiġi konkluż il-proġett.
It-titjib ta’ dawn il-mini jingħaqad mal-investiment bla preċedent li qed isir minn Infrastructure Malta f’ħafna toroq arterjali oħrajn, fosthom dawk li jagħtu għall-istess strutturi, biex pajji¿na jkollu infrastruttura tal-ivvjaġġar aktar sigura, aktar effiċjenti u aktar sostenibbli.