Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Ippjanar – proċess għal reviżjoni tal-pjani lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jiġu reveduti l-pjani lokali mill-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq ir-reviżjoni komprensiva tal-Pjanijiet Lokali kollha għal Malta u Għawdex kompla għaddej u issa qed ikun hemm focus fuq numru ta’ issues li huma ta’ natura aktar strateġika u li jinħtieġ ġbir ta’ aktar informazzjoni u evalwazzjoni ta’ options differenti.

Family Park ta’ Sant’ Antnin – environment friendly cleaning services

Question

B’referenza għall-Avviż fil-Gazzetta tal-Gvern datata 13 ta’ Frar 2018 (7/2013/44 Advert 5/2018) għal Environmentally Friendly Cleaning Services fil-Family Park ta’ Sant’Antnin, jista’ l-Ministru jispjega għala saret din is-sejħa u jindika kemm hu l-budget li l-Ministeru alloka għal dan is-servizz?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant li s-sejħa ta’ Environmentally Friendly Cleaning Services fil-Family Park ta’ Sant’Antnin ġewwa Marsakala, hija għal ‘period contract’ biex isir it-tindif tal-blokka amministrattiva, il-latrini pubbliċi u l-partijiet esterni ġewwa l-istess Park permezz ta’ materjali, fejn applikabbli, li jirrispettaw l-ambjent. Il-budget allokat ghal dan is-servizz fuq perjodu ta’ tnax-il xahar huwa ta’ €12,168.

Total ta’ Skart miġbur minn Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-total tal-iskart li jinġabar minn Għawdex fis-sena u li jiġi trasportat għal Malta? Kif qed jiġi trasportat bħalissa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ skart li jinġabar f’tal-Kus Għawdex fis-sena u li jiġi trasportat jew mibjugħ lejn Malta huwa dak ta’ madwar 16,000 tunellata fis-sena. Fil-preżent il-MSW (borża sewda), skart organiku (borża bajda) u materjal ieħor simili qiegħed jiġi trasportat lejn Malta permezz ta’ containers speċjali “hermetically sealed” li jkunu ssiġillati, filwaqt li materjal bħal injam, tyres u oħrajn simili qed jiġu trasportati b’containers li jkunu miftuħin minn naħa ta’ fuq (open-top containers). Il-borża tal-iskart riċiklabbli tiġi pproċessata fil-faċilità tal-Kus, fejn jigi sseparat il-materjal li jiġi mballat u preparat biex jinbiegħ. Il-parti l-kbira ta’ dan il-materjal mballat jinġabar dirett mill-facilità f’Tal-Kus u ġieli jkun hemm materjal imballat li jitwassal Malta fil-faċilità tal-Wasteserv minn fejn jiġi miġbur mill-klijent.

Nature Reserves — rangers

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-Gvern għandu xi pjanijiet biex in-nature reserves ikollhom rangers b'poteri eżekuttivi kif għandhom diversi pajjiżi barranin qrib tagħna?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux eskluż li l-Ministeru jadotta sistema simili ta’ rangers. Dan in vista ta’ żieda tat-territorju ta’ kapital naturali ta’ pajjiżna, taħt ir-responsabbilita’ tal-Ministeru, li qiegħed dejjem jiżdied. Bħalissa d-Direttorat tal-Infurzar ġewwa l-ERA flimkien mal-Pulizija u entitajiet oħra diġà jieħdu ħsieb it-tlett Riżervi Naturali ta’ Malta, li huma Filfla, Ħaġret il-Ġeneral u Selmunett. Fil-każ ta’ siti protetti oħrajn, il-Ministeru, permezz tal-ERA u Ambjent Malta, għandu diversi ftehim dwar it-tmexxija ma’ entitatijet biex jamministraw dawn is-siti protetti, u jaħdem ma’ dawn l-entitajiet biex jimplementa u jinforza l-liġi permezz tad-Direttorat tal-Infurzar fl-ERA, il-Pulizija u entitajiet relevanti oħra.

Hazardous waste — landfills

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' hazardous waste li kellna sena b'sena mis-sena 2004 sal-lum? Fejn qed jiġi maħżun? Dan qed isir f'xi landfill? Għandna hazardous waste landfills kif jitolbu d-direttivi tal-EU?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-ammont ta’ skart perikoluż bejn l-2004 u l-2016. L-iskart perikoluż huwa maħżun ġewwa faċilitajiet għall-imaniġġar ta’ l-iskart awtorizzati mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi biex jaċċettaw tali skart u mhux ġewwa landfills . F’Malta m’għandna l-ebda landfill awtorizzata għal skart perikoluż.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – tħawwil ta’ siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew imħawwla siġar mill-Ministeru tiegħu, u jgħid x’persentaġġ minnhom ġew importati minn barra minn Malta u x’persentaġġ tnisslu minn siġar lokali? Jista' jgħid ukoll xi spiża saret biex ġew impurtati dawn is-siġar?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant li matul din is-sena, l-Ministeru għall-Ambjent, Żvillup Sostennibili u Tibdil fil-Klima, ħawwel il-fuq minn 7,500 siġra u arbuxxel. Huwa proġettat li sa l-aħħar tas-sena bħala total ikunu tħawwlu l’fuq minn 12,000 siġra u arbuxxel. 60% ta’ dawn l-speċi ġew impurtati minn barra, b’ 40% kienu mkabbra fil-mixtla ġewwa Ta’ Qali. Huwa stmat li l-spiża sa l-aħħar tas-sena ser tlaħħaq €35,000.

Database ta’ Hazardous Wastes

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed tinżamm database kif suppost u reġistru tas-sorsi ta’ hazardous waste kif ukoll dwar x’tip hu, minn fejn qed joriġina u fejn qed jispiċċa? Jinżammu records dwar kemm minnu qed jiġi esportat u jekk iva, primarjament lejn fejn?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi żżomm database ta’ hazardous waste. F’din id-database hemm informazzjoni dwar l-ammonti ġenerati, minn fejn u kemm qed joriġina u anke x’qed isir minn dan l-iskart. Fost din tal-aħħar tinkludi informazzjoni dwar min qed jesporta u f’liema entità u pajjiż qed imur primarjament lejn Spanja, l-Italja, Franza u l-Ġermanja.

Żamma ta’ Hazardous Wastes

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn qed jinżamm il-hazardous waste llum? X’persentaġġ minnu jaħseb li qed jiġi stored fl-istess azjendi li jipproduċuh?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskart perikoluż (hazardous waste) jista’ jinżamm fil-faċilità fejn jiġi ġġenerat jew f’faċilitajiet awtorizzati mill-ERA sabiex jaċċettaw dan it-tip ta’ skart għall-immaniġġjar tiegħu (jiġifieri għar-rimi, jew irkupru, jew għall-ħażna temporanja sakemm jintbagħat f’siti oħra). Il-provedimenti tal-liġi (SL 549.63) jistipulaw li dan l-iskart jista’ jinżamm fis-siti ta’ ġenerazzjoni jew immaniġjar għal 12-il xahar jekk dan ikun destinat għar-rimi; jew għal tlett snin jekk ikun destinat għall-irkupru. It-trasferiment ta’ skart perikoluż huwa ukoll suġġett għal permess ta’ kunsinna ( Consignment Notification ) li jinkorpora sistema ta’ notifikazzjoni għal kull trasferiment minn sit għal ieħor skont Regolament 14 tal-L.S. 549.63. Għall-esportazzjoni ta’ dan it-tip ta’ skart barra minn Malta, huwa meħtieġ permess tat-TFS ( Trans-Frontier Shipment ) mill-ERA skont ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Fir-rigward tal-perċentwali li minnu huwa maħsub li qed jiġi maħżun fl-istess azjendi li jipproduċuh, l-ERA m’għandiex din l-informazzjoni speċifika, però żżomm informazzjoni rigward: • Ammonti ta’ skart aċċettati minn faċilitajiet li jipproduċu l-iskart u l-ammonti ta’ skart li joħorġu minn faċilitajiet li jimmaniġġjaw l-iskart; • Ammonti ta’ skart iġġenerat mingħand xi azjendi li huma koperti b’permess ambjentali mill-ERA; • Informazzjoni ta’ trasferiment ta’ skart perikoluż bħala parti mill- permessi ta’ kunsinna jew permessi tat-TFS.

Sit identifikat għall-fabbrika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huwa s-sit identifikat u d-daqs, għall-fabbrika li l-Malta Industrial Parks (MIP) tinsab fil-proċess li talloka lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dan l-istadju l-informazzjoni ma tistax tingħata għax hija ta’ sensittività kummerċjali.

Ta’ Kandja – Shooting Range – Field Officer u Project Manager

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-Field Officer u l-Project Manager tax-Shooting Range f’Ta’ Kandja? Kif intgħażlu? X’inhu s-salarju u l-perkaċċi tagħhom? X’kundizzjonijiet ta’ xogħol u doveri għandhom dettaljatament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Site Officer tax-Shooting Range f’Ta’ Kandja ġie magħżul b’direct order b’salarju ta’ €18.00 (mingħajr VAT) għal kull siegħa, sa massimu ta’ €33,264.00. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-doveri ta’ din il-persuna, li isimha qiegħed jingħata separatament lill-Onor. interpellant, qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Il- Project Manager tax- Shooting Range f’Ta’ Kandja kienu G.C. Consultants Ltd., li kienu ingaġġati għal numru ta’ proġetti u li x- shooting range kien wieħed minnhom. Din il-kumpanija, li titħallas €5,000.00 (mingħajr VAT) fix-xahar, intagħżlet b’ direct order u tipprovdi xogħol ta’ konsulenza. Ebda wieħed minn dawn t’hawn fuq m’għandu perkaċċi.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – ħaddiema part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema part-timers ingaġġati mad-dipartiment, entitajiet, azjendi parastatali, korporazzjonijiet u anke ministeri li kienu jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu sad-data li din l-interpellanza tkun imwieġba li lkoll kienu qegħdin jitħaddmu fuq bażi ta' ħaddiema part-time iżda li kienu reġistrati bħala self employed?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ingaġġi part-time huma normalment dawk li jsiru ad hoc fuq bażi “on trust”. Minn dawn, fil-Ministeru tiegħi, fil-preżent hemm sitta u għoxrin (26) li minnhom hemm erbgħa (4) li huma ngaġġati part-time. Ir-reġistrazzjoni ta’ dawn l-impjegati ma ssirx bħala self-employed iżda bħala impjegati tal-Ministeru fuq kuntratt definit.

Direttivi Ewropej dwar packaging waste

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir mill-Gvern b'mod konkret biex jintlaħqu t-targets tad-Direttivi Ewropej dwar packaging waste f'Malta, kif ukoll dwar id-deadlines marbutin mal-Landfill Directive?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward tad-Direttiva tal-Ippakjar u l-Iskart tal-Ippakjar u l-miri relatati, Malta ma tinsabx ‘il bogħod. Il-produtturi u l-importaturi tal-ippakjar li jinkludi l-materjali plastik, metall, karta u kartun, ħġieġ u injam, huma obbligati b’din l-istess Direttiva biex jiffinzjaw il-ġbir ta’ dawn il-materjali u jilħqu minimu ta’ 55% mill-ammont li jpoġġu fuq is-suq. Biex ikunu konformi ma’ dan l-obbligu, l-produtturi u importaturi jissieħbu ma’ waħda miż-żewġ skemi ta’ rkupru li jagħmlu dan f’isimhom. Iż-żewġ skemi ta’ rkupru privati, jiġbru materjal riċiklabbli mill-industrija, mis-settur kummerċjali u mir-residenzi bi ftehim mal-Kunsilli Lokali. Biex inkomplu nsaħħu s-sistemi eżistenti u biex inżidu aktar ir-rata ta’ riċiklaġġ, tinħtieġ parteċipazzjoni akbar miċ-ċittadini kollha biex jisseparaw l-iskart f’darhom u fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Għal dan il-għan, tfasslu u qed isir xogħol mill-Ministeru tiegħi fuq diversi miżuri li jixxpruna bidla fil-mentalità u l-għaġir tal-poplu Malti, dawn jinkludu: 1. Reviżjoni fil-liġi li diġà saret biex kull Kunsill ikun marbut ma’ skema ta’ rkupru. Dan biex fl-eventwalità li waħda mill-iskemi ma tonorax l-obbligi tagħha, l-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent (l-ERA) tkun tista’ tintervjeni. 2. Tisħiħ fl-Att għall-Protezzjoni tal-Ambjent biex jiddaħal l-obbligu tas-separazzjoni tal-iskart fir-residenzi u s-settur kummerċjali, qed jiġi mfassal taħt il-proviżjonijiet ġodda dwar l-Ekonomija Ċirkulari, li bħalissa qegħdin jiġu ffinalizzati sabiex jiddaħħlu fil-qafas leġislattiv tal-ambjent. 3. L-Avviż Legali li għadu kemm ġie ppublikat dwar ir-rimi abbużiv li jdaħħal fis-seħħ pieni ħorox għal min ma jsegwix mal-iskedi tal-ġbir tal-iskart kif moħruġa mill-Kunsilli Lokali rispettivi. 4. L-iskema dwar ir-rifużjoni tal-flixken tax-xorb li ser tkun implimentata fl-2019. Id-Direttiva tal- Landfill , mill-banda l-oħra titratta l-iskart muniċipali li qed jiġi ġġenerat mir-residenzi u l-intrapriżi. L-ammont ta’ skart muniċipali ġġenerat f’Malta huwa wieħed mill-akbar fl-Ewropa. Iktar ma tiżdied is-separarazzjoni tal-iskart effettiva, inqas skart jkollu jitpoġġa fil-landfill. Dan ilna insaħħuħ. Ħidma biex dan jitnaqqas għaddejja ġmielha fil-kampanja edukattiva, safrattant irid ikun il-poplu nnifsu li jagħmel għażliet għaqlija biex jiġġenera inqas skart. L-infrastruttura eżistenti titratta l-iskart kollu ġġenerat, però meta jitnaqqas l-iskart riċiklabbli, l-iskart li narmu fil-borża s-sewda jmur fil-miżbla. Bl-introduzzjoni tal-ġbir tal-iskart organiku f’Malta u Għawdex kollu, propju se nnaqsu l-iskart organiku milli jintrema fil-borża s-sewda. Għaliex il-borża l-bajda bl-iskart organiku separat tiġi trattata f’impjant apposta li jiġġenera enerġija nadifa u kompost, u allura ma jmurx aktar fil-miżbla. Biex inkomplu nnaqsu aktar l-iskart li jmur fil-miżbla, wara li nżidu r-riċiklaġġ u li nneħħu l-iskart organiku, il-porzjon li jkun fadal, mis-sena 2023 jibda jiġi trattat fl-impjant tal- Waste to Energy .

Waste Separation – edukazzjoni fil-media

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani għandu l-Gvern biex jiġu intensifikati l-isforzi nazzjonali għal media education aktar effettiva dwar waste separation, użu ta' bring-in sites u door collection?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent, il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima qed jorganizza kampanja nazzjonali edukattiva biex jiżdied l-għarfien dwar l-immaniġjar tal-iskart li, fost affarijiet oħra, tinkludi aktar għarfien dwar is-separazzjoni tal-iskart, użu ta’ bring-in sites u ġbir ta’ skart organiku mid-djar, bl-iskop li dejjem inżidu aktar ir-riċiklaġġ u nnaqqsu l-ammont li jidħol fil-miżbla. Din il-kampanja – Don’t Waste Waste - bdiet f'April 2016 u hija maħsuba li tintemm fl-ewwel kwart tal-2019. WasteServ Malta qed torganizza wkoll kampanja nazzjonali oħra li tiffoka prinċiparjament fuq is-separazzjoni tal-iskart organiku – Sort it Out . Din il-kampanja hi ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea u bdiet f'Awwissu tal-2018 u maħsuba li tkompli sal-aħħar kwart tal-2019. Iż-żewġ kampanji qed jużaw, fost affarijiet oħra, stazzjonijiet lokali tat-televiżjoni u tar-radju u l-midja soċjali bħal Facebook u Instagram , reklamar fuq diversi siti tal-internet kif ukoll billboards u karozzi tal-linja biex iwasslu l-messaġġ tagħhom. Qed jiġu organizzati wkoll seminars u workshops ma’ setturi differenti tas-soċjetà, bħall-industriji, ż-żagħżagħ, l-anzjani, eċċ, kif ukoll parteċipazzjoni f'attivitajiet organizzati mill-Kunsilli Lokali biex jintlaħqu l-akbar numru ta’ nies possibbli.

Collected waste użat għal resuse projects

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma kemm mill-collected waste qed jintuża għal reuse projects? X'qed jiġri minn dan il-waste u kemm hemm minn dan il-waste li qed jiġi esportat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għaliex qed jirreferi fir-rigward ta’ Reuse Projects. Rigward il-waste, il-Wasteserv titratta skart li tirċievi fil-faċilità tagħha u tesporta dak li jista’ jiġi riċiklat.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — car leasing

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka kemm intefqu flus għal car leasing minn kull entità li taqa’ taħtu, mingħand min sar il-car leasing, kemm-il vettura u d-dati rispettivi, mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, sena b’sena? F’kull każ jista’ jgħid liema kienu b’direct order?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-iSptar Mater Dei, fl-2014 intefqu €25,836 f’car leasing li minnhom €14,543 kienu f’direct orders. Fl-2015 intefqu €103,817.02, fl-2016 €2,499.07 u fl-2017 €6,486.00 li minn dawn ma kien hemm xejn b’direct order. Is-servizzi ngħataw minn Vision Car Leasing, Burmarrad Commercials u Meli Car Rentals. Mill-isptar Monte Carmeli fl-2014, f’ car leasing intefqu €929.10, fl-2015 intefqu €35,016.60, fl-2016 €45,192.30 u fl-2017 €45,192.30 u matul din is-sena sal-aħħar t’Awwissu €30,004.60. Ma kien hemm l-ebda direct order . Is-servizzi ngħataw minn Meli Car Rentals u Freemond Car Rentals. Mill-isptar Ġenerali t’Għawdex fl-2014 intefqu €26,165.61, fl-2015 intefqu €15,534.65 filwaqt li fl-2016 intefqu €17,707.49 f’ car leasin g. Ma kien hemm l-ebda direct order. Is-servizzi ngħataw minn ER Car Hire, Percius Car Hire, FAS Ltd, Burmarrad Commercial, Meli Car Rentals, Raymond Bonnici u Fremod. Mill-POYC fl-2014 intefqu €17,901.49 f’ car leasing , fl-2017 intefqu €43,914.88 li minnhom €34,124.30 kienu f’ direct order filwaqt li matul din is-sena sal-aħħar t’Awwissu intefqu €83,903.52. Fl-2014 u matul din is-sena ma ngħata xejn b’ direct order . Is-servizzi ngħataw minn Burmarrad Commercials, Davico Services, Meli Car Rental, Godwin Garage u Cherubino. Mid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard fl-2014 intefqu €4,097.31 f’ car leasing , fl-2015 intefqu €10,066.70, fl-2016 €17,190.25, fl-2017 €10,066.70 filwaqt li matul din is-sena sal-aħħar t’Awwissu intefqu €6,701.94. Ma kien hemm l-ebda direct order . Is-servizzi ingħataw minn Ventur Motors, Meli Car Rentals u Burmarrad Commercial. Mill-isptar Karen Grech fl-2014 intefqu €1,949.90. Ma kien hemm l-ebda direct order . Is-servizz ingħata minn Meli Car Rental. Mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi fl fl-2014 intefqu €13,815 f’ car leasing, fl-2015 intefqu €16,653, fl-2016 €112,536.04, fl-2017 €8,373.10 filwaqt li matul din is-sena sal-aħħar t’Awwissu intefqu €9,760.97. Ma kien hemm l-ebda direct order. Is-servizzi ingħataw minn Vision Car Lease, Merlin, Festa Ltd u Meli Car Rentals. Mid-Dipartiment tal-Kura Primarja fl fl-2014 intefqu €146.54 f’ car leasing , fl-2015 intefqu €1,613.36, fl-2016 €4,845.27, fl-2017 €5,516.08 filwaqt li matul din is-sena sal-aħħar t’Awwissu intefqu €10,049.01. Ma kien hemm l-ebda direct order. Is-servizzi ingħataw minn Burmarrad Commercials u Meli Car Rentals. Mill-isptar Boffa u miċ-Ċentru tal-Onkologija fl-2014 intefqu €15,943.60 f’car leasing, fl-2015 €680.99, fl-2017 €1,557.60 filwaqt li matul din is-sena sal-aħħar t’Awwissu intefqu €283.20. Ma kien hemm l-ebda direct order. Is-servizzi ingħataw minn Burmarrad Commercials u Meli Car Rentals.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — car leasing

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm intefqu flus għal car leasing minn kull entità li taqa’ taħtu, mingħand min sar il-car leasing, kemm-il vettura u d-dati rispettivi, mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, sena b’sena? F’kull każ jista’ jgħid liema kienu b’direct order?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta hija fin-negattiv.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — car leasing

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm intefqu flus għal car leasing minn kull entità li taqa’ taħtu, mingħand min sar il-car leasing, kemm-il vettura u d-dati rispettivi, mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, sena b’sena? F’kull każ jista’ jgħid liema kienu b’direct order?

Response (BORG, IAN)

Qed inpoġġi quddiem il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bid-dettalji mitluba li jirreferu għal żewġ perjodi definiti: L-ewwel – Jannar 2008 sa Diċembru 2013 It-tieni – Jannar 2014 sa Awwissu 2018
Leg 13 PQ #3945 Sitting 141 2018-10-08 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — car leasing

Question

Tista’ l-Ministru telenka kemm intefqu flus għal car leasing minn kull entità li taqa’ taħtha, mingħand min sar il-car leasing, kemm-il vettura u d-dati rispettivi, mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, sena b’sena? F’kull każ tista’ tgħid liema kienu b’direct order?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — car leasing

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm intefqu flus għal car leasing minn kull entità li taqa’ taħtu, mingħand min sar il-car leasing, kemm-il vettura u d-dati rispettivi, mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, sena b’sena? F’kull każ jista’ jgħid liema kienu b’direct order?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-informazzjoni kollha mitluba.

Ta’ Kandja – direct order għall kull xogħol relatat max-shooting range

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kull direct order għal kull xogħol relatat max-shooting range f’Ta’ Kandja, lil min ingħatat, id-data ta’ meta ngħatat, l-ammonti rispettivi u f’kull każ jgħid jekk hu kienx infurmat jew approvax kull direct order elenkata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-lista ta' Direct Orders għal kull xogħol relatat max-shooting range f’Ta’ Kandja hija dik li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn intalbu minn SportMalta u ngħataw l-approvazzjoni mill-Ministeru għall-Finanzi skont il-proċeduri finanzjarji stabbiliti.