Legislature:
Category:
Reset
Active:

Raħal Ġdid — Pjazza Antoine de Paule - studju dwar pavimentar

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fil-ġimgħat li ġejjin ser isir xogħol ta’ studju dwar il-pavimentar ta’ Pjazza Antoine de Paule f’Raħal Ġdid?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-kumpanija li ntażgħlet permezz ta 'call for quotations' li ser tistudja l-pavimentar tkun tista tibda x-xogħol appena Transport Malta jinfurmawha li dan jista jibda.

Raħal Ġdid — Pjazza Antoine de Paule - studju dwar pavimentar

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fil-ġimgħat li ġejjin ser isir xogħol ta’ studju dwar il-pavimentar ta’ Pjazza Antoine de Paule f’Raħal Ġdid?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari numru 23261.

Raħal Ġdid — Pjazza Antoine de Paule – pavimentar ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-pavimentar tal-porfido fi Pjazza Antoine de Paule f’Raħal Ġdid se jinqala’ mill-ġdid fl-2022?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li dalwaqt ser jibdew isiru testijiet tal-porfido fit-triq imsemmija sabiex jinstab jekk il-ħsarat ta’ din il-parti tat-triq ġietx ikkawżata purament mit-traffiku voluminuż jew għaliex din ma nbnietx sew. Minn hemm jittieħdu d-deċiżjonijiet bl-iskop li fil-2022 din il-parti tat-triq (porfido) tiġi rranġata.

Food Delivery Platform

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20151, jista’ l-Ministru issa jgħid x’inhi l-paga medja ta’ impjegat ta’ food delivery platform li kien hemm imsemmi f’dik l-interpellanza, peress li fit-tweġiba tiegħu kien qalli li l-informazzjoni tingħata wara diskussjonijiet mal-operaturi kollha fis-settur?

Response (ABELA, CARMELO)

L-istħarriġ u l-ħidma mall-operaturi għadha għaddejja iżda d-Dipartiment mhux neċessarjament ħa jkollu l-informazzjoni dwar il-paga medja totali tal-ħaddiema kollha f’dan is-settur minħabba li hemm diversi kumpaniji li joffru dan is-servizz u diversi fatturi li jaffettwaw l-paga tal- Courier.

Xogħlijiet fuq il-mini prinċipali

Question

Jista’ l-Ministru, filwaqt li nirringrazzjah għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22801, jgħid: a) min kienu l-kuntratturi li għamlu x-xogħlijiet; b) liema minnhom kienu magħżula b’direct order; u c) liema kienu b’sejħa pubblika?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ntqal il-kunratt ewlieni ma ngħatax b’direct order imma wara proċess li beda b’sejħa pubblika u kien konkluż b’negotiated procedure. Il-kuntratt ewlieni ngħata lil BIFRA JV kif ukoll xogħlijiet addizzjonali marbuta mal-istess skop. Waqt li xogħlijiet oħrajn kumplimentari għall-proġett li ma setax jesegwihom il-kuntrattur ewlieni ngħataw lil E&L Enterprises Ltd. u Vincent Farrugia.

Xogħlijiet fuq il-mini prinċipali

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22295 dwar ix-xogħlijiet fuq il-mini prinċipali, peress li fit-tweġiba ta’ żewġ faċċati li tani l-Ministru (u li għaliha nroddlu ħajr) ħalla barra parti essenzjali tad-domanda oriġinali, jistax il-Ministru issa jgħidli x’kienet l-ispiża globali u liema xogħol sar b’direct order jew le?

Response (BORG, IAN)

Kif diġà spjegajt b’mod dettaljat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22295, bħalma tagħmel f’kull proġett ieħor, Infrastructure Malta għamlet koordinazzjoni mal-entitajiet u kumpaniji tas-servizzi kollha qabel ma ġiet ippublikata s-sejħa għall-offerti tal-proġett tal-mini, u x-xogħlijiet li kienu mitluba minnhom ġew inklużi fis-sejħa għall-offerti. Madankollu, wara li kien diġà beda x-xogħol fuq is-siti, uħud mill-entitajiet rispettivi aġġornaw il-pjanijiet tagħhom u kien hemm il-ħtieġa li jiżdiedu xi xogħlijiet oħrajn għas-servizzi li ntalbu biex isiru wkoll mill-aġenzija. Peress li x-xogħlijiet addizzjonali għas-servizzi kienu se jgħaddu taħt uċuh ta’ bankini u asfalt ġodda, dawn saru bħala parti mill-proġett. Barra minn hekk, ix-xogħlijiet tal-kuntratt oriġinali kienu jirrikjedu li fil-fażi inizjali tal-proġett kellhom isiru tindif estensiv tal-ħitan tal-mini minn saffi ta’ nugrufun u ħmieġ li tħalla jinġema għal għexiern ta’ snin minħabba nuqqas ta’ manutenzjoni, kif ukoll testijiet u investigazzjonijiet fuq l-istrutturi, inkluż studju bl-użu ta’ radar (GeoRadar scanning). Wara t-tindif u l-investigazzjonijiet wieħed seta’ janalizza aħjar il-qafas tal-istrutturi tal-mini, tant li ġew identifikati ħsarat oħrajn fosthom xquq li kienu jirrikjedu interventi addizzjonali. Wara li ħarġet s-sejħa għall-offerti, Infrastructure Malta ġiet infurmata wkoll minn Transport Malta li s-sistemi li kienu speċifikati fl-offerta wkoll kellhom jiġu aġġornati biex ikunu konformi mas-sistema taċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kontroll tat-Traffiku. Dawn is-sistemi ser jippermettu li l-mini jkunu iktar siguri permezz ta’ possibbiltà ta’ monitoraġġ kontinwu miċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kontroll tat-Traffiku. L-ispiża ċċertifikata s’issa ta’ dan il-proġett tammonta għal €14,759,022.71 (VAT eskluża).
Leg 13 PQ #22616 Sitting 512 2021-11-03 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Pakkett finanzjarju tal-ħaddiema taċ-Ċivil li jaħdmu fuq il-Fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Prim Ministru jikkonferma u jispjega jekk jarax diskriminazzjoni fil-pakkett finanzjarju tal-ħaddiema taċ-Ċivil li jaħdmu fuq il-Fondi Ewropej li għandhom klawżola marbuta fis-sejħa tal-applikazzjonijiet u kuntratt ma' telf ta’ disturbance allowance għal dawk li jagħmlu użu mit-telework jew reduced hours? (sejħa tal-applikazzjonijiet kif maħruġa fil-Gazzetta tal-Gvern 10 ta’ November 2017 numru 18,898 u tal-24 ta’ Settembru 2021 numru 20,706)? Jista’ l-Prim Ministru jiċċara kif din il-klawżola fis-sejħa tal-applikazzjonijiet u konsegwentament fil-kuntratti tista’ titqies bħala pass favur miżuri favur il-familja u l-bilanċ bejn fil-familja u x-xogħol? (sejħa tal-applikazzjonijiet kif maħruġa fil-gazzetta tal-Gvern 10 ta’ November 2017 numru 18,898 u 24 ta’ Settembru 2021 numru 20,706)?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għall-policy ġdida dwar ir-remote working li ippublika s-Servizz Pubbliku: https://publicservice.gov.mt/en/Documents/Public%20Service%20Management%20Code/PSMC%20Manuals/Manual_on_Work-Life_Balance_Measures.pdf, li qed inpoġġi kopja tagħha fuq l-Mejda tal-Kamra. Din l- policy tindirizza każijiet bħal ma qed isemmi l-Onor Interpellant.
Leg 13 PQ #22617 Sitting 512 2021-11-03 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema li jaħdmu bit-telework jew reduced hours – disturbance allowance

Question

Jista’ l-Prim Ministru jispjega x’inhi r-raġuni li d-disturbance allowance ngħatat lill-uffiċjali pubbliċi kollha, anke lil dawk li l-kuntratt tagħhom jistipola li mhumiex eleġibbli għal din l-allowance jekk jagħmlu użu mit-telework jew reduced hours meta Direttiva numru 13 kienet fis-seħħ fl-2021?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li jekk wieħed jara sew id direttiva, l-Onor Interpellant jinnota li filwaqt li Direttiva 13 tagħti parir, Direttiva 13.3 kienet direzzjoni tassattiva u dik tagħmel id- differenza kollha.
Leg 13 PQ #22618 Sitting 512 2021-11-03 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjegati taċ-Ċivil – remote working

Question

Jista’ l-Prim Ministru jikkjarifika jekk impjegati taċ-Ċivil li japplikaw għar-remote working hux ser ikunu jistgħu jagħmlu xi ġranet mill-uffiċċju, simili tal-prassi kurrenti fejn jidħol it-teleworking?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 22616.
Leg 13 PQ #22619 Sitting 512 2021-11-03 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Policy ġdida tar-remote working

Question

Jista’ l-Prim Ministru jelabora kif il-policy il-ġdida tar-remote working ser tkun qiegħda tiġi mħaddna fi ħdan il-miżura favur il-familja u l-bilanċ bejn il-familja u x-xogħol meta fil-preżent impjegati taċ-Ċivil li jaħdmu fi ħdan l-Uffiċju tal-Prim Ministru mhux qegħdin jirċievu d-disturbance allowance għax jagħmlu użu mit-telework u/jew reduced hours?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 22616.

Avukat tal-Istat — security of tenure

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għala l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat (art.91A tal-Kostituzzjoni ta’ Malta) m’għandux is-security of tenure li għandu l-Avukat Ġenerali peress li l-imsemmi art.91A mhux entrenched fl-art.66 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta? Għaliex il-Gvern sal-lum ma jridx li l-Avukat tal-Istat ma jkollux is-security of tenure li għandu l-AG? Ma jaqbilx il-Ministru li tali security of tenure hija essenzjali għal ċertu salvagwardji fis-Saltna tad-Dritt?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien dan il-Gvern li wettaq il-qasma tant importanti fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u li llum għandna Avukat Ġenerali fejn l-irwol ewlieni tagħha huwa dak ta’ ‘Prosekutur Pubbliku’, filwaqt li huwa l-Avukat tal-Istat li jagħti pariri lill-Gvern f’ materja ta’ ligi u jirrapreżenta l-Gvern quddiem il-Qrati tagħna. Nirreferi għas-sub-artikolu (5) tal-Artikolu 91A tal-Kostituzzjoni li jesiġi maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Kamra u raġunijiet speċifiċi u pruvati biex l-Avukat tal-Istat jitneħħa mill-kariga

Transport Malta – sejħa għall-promotions

Question

ista’ l-Ministru jgħid kemm-il sejħa għall-promotions interni jew simili, ħarġu minn Transport Malta fix-xahar ta’ Ottubru? Jistax jagħti d-dati meta ħarġu u meta għalqu/jagħlqu u għal liema kariga ħarġu? Kemm applikaw għal kull sejħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Liġi tal-Impjiegi — emenda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21531 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u mistoqsija parlamentari 22077 li otiġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk il-Gvern jaqbilx li l-Liġi tal-Impjiegi tiġi emendata mill-iktar fis, biex ikun illegali li jkun hemm zero hour contracts of employment, sabiex ikunu mħarsa l-ħaddiema minn abbużi?

Response (ABELA, CARMELO)

Kif hemm stipulat fil-Manifest Elettorali, il-Gvern huwa favur li zero hour contracts of employment għandhom jiġu abboliti. Diġà saru diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali biex jinstab l-aktar mekkaniżmu adattat biex issir dan fiċ-ċirkostanzi lokali. Kif ukoll biex ikunu trasposti provedimenti rikjesti mid-Direttiva Ewropea dwar Kundizzjonijiet ta’ Xogħol Trasparenti u Prevedibbli fl-Unjoni Ewropea.
Leg 13 PQ #22590 Sitting 510 2021-11-02 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Bord tal-Malta Further and Higher Education Authority — membri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-membri tal-Bord tal-Malta Further and Higher Education Authority u meta ġew appuntati?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Użu ta’ private jet għal-Libja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22097 u jgħid kemm kienet in-nefqa għall-użu tal-private jet kull meta huwa mar il-Libja fl-2021, inkluż f’Mejju u f’Lulju ta’ din is-sena? Jistax jgħid minn liema ditta inkera u kif saret l-għażla?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'nuqqas ta' titjiriet kummerċjali mill-Ewropa għal Libja, l-Ministeru jutilizza, sa fejn hu possibli, is-servizzi tal-Air Malta u l-Malta Medair. Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal PQ 22278 għaz-zjarat ta' April (mhux Mejju) u Lulju, fejn ġiet spjegata n-nefqa tad-delegazzjonijiet tal-Gvern, li jinkludu vjaġġi lejn il-Libja, u li fiha il-Ministeru kien parteċipi. Għaz-zjara ta' April 2021 il-Ministeru, permezz tal-Malta Medair, intefqu €15,500. Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li vjaġġar lejn il-Libja, fejn l-istedina tkun rikjesta mill-Gvern Libjan, tiġi provduta titjira bi spejjez għal Gvern Libjan.
Leg 13 PQ #22614 Sitting 510 2021-11-02 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema fuq kuntratt definit – użu mit-telework jew bir-reduced hours

Question

Jista’ l-Prim Ministru jiċċara kemm hemm impjegati fuq kuntratt definit li jaħdmu fl-ambitu tal-Fondi Ewropej li jagħmlu użu mit-telework jew li qegħdin fuq reduced hours?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li hemm 28 impjegat fl-ambitu tal-Fondi Ewropej li jagħmlu u¿u mit-telework jew/u qegħdin fuq reduced hours.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali – ħaddiema fuq kuntratt definit – użu mit-telework jew reduced hours

Question

Jista’ l-Ministru jiċċara kemm hemm impjegati fuq kuntratt definit li jaħdmu fl-ambitu tal-Fondi Ewropej li jagħmlu użu mit-telework jew li qegħdin fuq reduced hours?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fil-Ministeru li jien responsabbli minnu, hemm impjegat wieħed fuq kuntratt definit li qed jaħdem bl-użu ta’ telework jew reduced hours b’rabta ma’ proġetti b’fondi Ewropej.

San Ġwann/San Ġiljan – traffic lights mitfija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għala t-traffic lights li hemm biswit l-uffiċini tal-Malta Independent fil-limiti ta’ San Ġiljan/San Ġwann (taħt il-mini ta’ Regional Road) ilhom xhur mitfija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li dawn it-traffic lights qedgħin f’stat ta’ studju biex Transport Malta u Infrastructure Malta jieħdu deċizjoni jekk hemmx bżonn li l-junction tibqgħax t’opera bit-traffic lights jew le. S’issa rrizulta li l-junction qedgħa t’opera aħjar mingħajr dawn it-traffic lights.