Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex meta jiġi prelevat kampjun tiġi aċċertata t-traċċabilità tal-prodott li minnu jkunu qed jiġu prelevati l-kampjuni? Jista’ jikkonferma jekk hijiex ukoll qed tintuża sistema ta’ double coding biex tassigura li min ikun qed jagħmel l-analiżi ma jkunx jaf l-identità tal-produttur?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li kull kampjun li jiġi pprelevat jiġi mpoġġi f’boroż ġodda tal-plastic u ssiġillat permezz ta’ siġil b’numru uniku quddiem sid il-prodott stess. Dan in-numru jitniżżel ukoll fuq l-irċevuta relevanti għal dak il-prodott. Kull korrispondenza mal-laboratorju, inkluż ir-riżultat, rigward il-prodott elevat tirreferi biss għal dan in-numru uniku sabiex tkun żgurata il-kunfidenzjalita ta’ sid il-prodott.
Jista’ l-Ministru jelenka x’inhi l-proċedura stabbilita ta’ meta jinġabar kampjun ta’ oriġini veġetali biex jiġi ttestjat għar-residwi tal-pestiċidi? Kemm jinżammu numru ta’ kampjuni biex ikun iggarantit li f’każ ta’ appell mingħand is-sid tal-prodott li jkunu rriżultaw li fihom ir-residwi ta’ pestiċidi jistgħu jiġu kkonfermati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li kampjuni jittieħdu tlieta ta’ bejn wieħed u ieħor kilo il-wieħed li jiġu ssiġillati individwalment u jingħtaw numru uniku. Żewg kampjuni jinżammu mill-uffiċjali tal-Awtorita’ ġewwa freezer apposta sakemm ikun hemm bżonn, filwaqt li wieħed jingħata lura lis-sid tal-prodott issiġillat sabiex iżommu fil-freezer sakemm joħroġ ir-riżultat. Wieħed miz-żewġ kampjuni li jinżammu mill-uffiċjali tal-Awtorita’ jintbagħat il-laboratorju sabiex ikun ittestjat filwat li l-ieħor jibqa’ fil-freezer tal-Awtorita’ sakemm joħroġ ir-riżultat jew sakemm il-każ jintemm mill-Qorti.
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra id-dokument bi proċedura SP-TRD-902.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li jelenka meta kienu d-dati ta’ meta nġabru l-kampjuni biex jiġu ttestjati għar-residwi ta’ pestiċidi ta’ oriġini veġetali matul is-sena 2017 sal-ġurnata tal-lum u kif ukoll id-dati ta’ meta r-riżultati ta’ kull kampjun ġew f’idejn l-awtoritajiet kompetenti għal kull kampjun li ġie pprelevat?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor, Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 6815.
Intant, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati aġġornati ta’ sena 2018.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn għadu ma ġiex ippubblikat (fil-jum li fih qed issir din l-interpellanza) l-Avviż Legali li jipprovdi għat-twaqqif tat-Tielet Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell? Jaf il-Ministru li l-amministrazzjoni tal-Qrati għandha struzzjonijiet biex ma jkunux appuntati appelli quddiem din it-Tielet Sezzjoni tal-Qorti tal-Appell? Jekk il-backlog ta’ kawżi fil-Qorti tal-Appell kulħadd jaf li hu problema, għaliex dan id-dewmien biex jiġi ppubblikat dan l-Avviż Legali li l-amministrazzjoni tal-Qorti qed tinsisti għalih?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Membru Interpellant illi r-Regoli tal-2018 li jemendaw ir-Regoli dwar id-Distribuzzjoni ta’ Kawżi fil-Qorti tal-Appell li jipprovdu għad-distribuzzjoni ta’ kawżi quddiem l-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Sezzjonijiet tal-Qorti tal-Appell ġew pubblikati fil-25 ta’ Settembru 2018 permezz tal-Avviż Legali 301 tal-2018.
In vista tal-artiklu fit-sit tvm.com.mt tat-3 ta’ Awwissu 2018 intitolat “Ambjent Malta, a guardian for Malta’s environment”, fejn hemm rappurtat li "Ambjent Malta has been formally established to act as an environmental guardian….Minister for the Environment José Herrera said that every directorate related to the environment will be working within the operation of Ambjent Malta. He said that among other things it has a mandate to manage the Natura 2000 site. It will also manage natural heritage and implement environmental initiatives...”, u peress li sal-jum li fih qed issir din l-interpellanza ma jidhirx li ġie ppubblikat l-Avviż Legali li jwaqqaf Ambjent Malta, kif tgħid il-Liġi għal kull Awtorità/Aġenzija, jista’ l-Ministru:
a. jispjega kif u b’liema jedd titwaqqaf Awtorità/Aġenzija mingħajr is-saħħa tal-Liġi li twaqqafha, bżonnjuża u siewja kemm trid;
b. jagħti spjegazzjoni peress li sakemm ma jiġix ippubblikat dan l-Avviż Legali, Ambjent Malta m’għandha ebda mandat legali u kull azzjoni li qed tagħmel huwa
ultra vires;
c. jekk kienx infurmat fit-3 ta’ Awwissu 2018 meta hu tkellem dwar Ambjent Malta, li f’għajnejn il-Liġi din kienet fatat u
non entity
għax ma kinetx imwaqqfa b’Liġi;
d. jagħti l-ismijiet tal-persuni li huma inkariga biex iwaqqfu Ambjent Malta u meta tahom dan l-inkarigu;
e. kif jispjega l-fatt li fl-14 ta’ Lulju 2018 it-timesofmalta.com irrapurtat hekk "
The Ambjent Malta agency has still not been formally launched, despite Environment Minister José Herrera having told the Times of Malta it would be up and running before the summer. In May (2018), Dr Herrera told Times of Malta that “work on Ambjent Malta was at a very advanced stage” and the agency would be launched “
definitely before summer
”, u minkejja t-trapass ta’ dawn ix-xhur kollha, l-Ministeru tiegħu ma ħax il-briga li jippubblika l-Avviż Legali rispettiv?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil Onor. Interpellant li Ambjent Malta giet imwaqqfa fit-3 ta’ Awwissu 2018 minn dak li qabel kien id-Direttorat tal-PARKS fi ħdan il-Ministeru għall- Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima. Din twaqqfet bħala direttorat ġenerali fis-servizz pubbliku u mhux bħala aġenzija jew awtorità. Għaldaqstant ma hemmx bżonn ta’ Avviż Legali għat-twaqqif tagħha għaliex hi ggvernata mill-Kostituzzjoni u l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika. Għalhekk kull azzjoni li ħadet Ambjent Malta hi skont il-liġi u ma ħadet l-ebda azzjoni ultra vires.
Is-sur Herman Galea gie appuntat Direttur Ġenerali ta’ Ambjent Malta fit-13 ta’ Ġunju 2018 bl-inkarigu amministrattiv li jwaqqaf dan id-Dipartiment. Is-sur Galea huwa assistit mis-sur Francis Farrugia li ġie appuntat Direttur (
Operations
) fl-20 ta’ Lulju 2018 flimkien ma Direttur (
Embellishment
) li s’issa għadu mhux maħtur. Ġie maħtur
Board of Governors
biex jgħin u jassisti lill-Ministru biex jipprovdi d-direzzjoni li għandu jieħu l-istess Dipartiment fl-immaniġġjar tal-wirt u kapital naturali Malti.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn, fit-twaqqif ta’ Ambjent Malta, id-Direttorat għall-Ambjent fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qatt ma ġie kkonsultat jew involut?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil Onor. Interpellant li kemm id-Direttorat għall-Ambjent fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti kif ukoll is-Segretarju Permanenti kienu involuti bi sħiħ fit-twaqqif ta’ Ambjent Malta.
Kampjuni ta’ oriġini veġetali – ittestjar ta’ residwi ta’ pestiċidi u kontaminanti
Question
Jista’ l-Ministru jelenka kemm inġabru kampjuni ta’ oriġini veġetali biex jiġu ttestjati għar-residwi ta’ pestiċidi u kontaminanti oħra matul il-perjodu li jkopri mis-sena 2013 sal-ġurnata tal-lum maqsuma sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Hawn taħt tinsab tabella bl-informazzjoni mitluba.
Sena
Numru ta’ Kampjuni
2013
118
2014
133
2015
100
2016
136
2017
121
2018 (sa 30 ta’ Novembru 2018)
212
Jista’ l-Ministru jelenka liema kienu r-residwi ta’ pestiċidi li nstabu f’kampjuni ta’ oriġini veġetali li nġabru kemm li jeċċedu u kif ukoll dawk li ġew kwantifikati li fihom residwi taħt il-Maximum Residue Level, il-ħaxix jew frott li nstabu fih dawn ir-residwi, u l-pajjiż tal-oriġini tal-kampjuni matul il-perjodu li jkopri mis-sena 2013 sal-ġurnata tal-lum maqsuma sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati ta’ snin 2018, 2017, 2016, 2015, 2014 u 2013 li juru liema residwi ta’ pestiċidi nstabu f’oriġini veġetali, x’kien il-livell tagħhom, f’liema tip ta’ ħxejjex, frott, ċereali jew prodotti oħra nstabu, x’kien il-Maximum Residue Level għal kull residwu partikolari, x’kien il-Limit of Detection ta’ kull metodu utilizzat għal kull residwu, u x’kien il-Level of Uncertainty ta’ kull riżultat pożittiv għall-kampjuni.
Attachments:2018results till Nov 2018.pdfPQ6815 - 2017 results.pdfPQ6815 - 2016 results.pdfPQ6815 - 2015 results.pdfPQ6815 - 2013 results.pdfPQ 6815 - 2014 results.pdf
Jista’ l-Ministru jelenka liema residwi ta’ pestiċidi nstabu f’oriġini veġetali, x’kien il-livell tagħhom, f’liema tip ta’ ħxejjex, frott, ċereali jew prodotti oħra nstabu, x’kien il-Maximum Residue Level għal kull residwu partikolari, x’kien il-Limit of Detection ta’ kull metodu utilizzat għal kull residwu, u x’kien il-Level of Uncertainty ta’ kull riżultat pożittiv għall-kampjuni matul il-perjodu li jkopri mis-sena 2013 sal-ġurnata tal-lum maqsuma sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 6815.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn fir-Reġistru tal-Qrati m’hemmx air conditioning,fatt li qed iwassal biex diversi impjegati jilmentaw fil-beraħ, sal-lum stess?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li fir-Registru tal-Qorti Superjuri ġja kien hemm sistema ta’ arja kundizzjonata, liema sistema ¿viluppat ħsara, li fil-fatt ma kienx suġġeriet li tiġi rranġata minħabba l-ispi¿a nvoluta. Għalhekk ittieħdu l-passi neċessarji li permezz tagħhom ġew installati ħames cassette type air conditioning units ġodda u nbeda proċess sabiex jiġu nstallati tlett units oħra tal-istess tip. B’dawn ta’ l-aħħar tkun tlestiet l-installazjoni ta’ sistema ta’ arja kundizzjonata ġdida u aktar effiċjenti li tkopri r-Reġistru tal-Qrati Superjuri.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-Court Attorneys bħalissa, u rispettivament ma' liema membru tal-Ġudikatura huma assenjati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm impjegati 20 Court Attorney li huma adetti ma’ 20 Imħallef. L-ismijiet ta’ dawn il-persuni mhux se jingħataw fit-tweġiba minħabba li din hija data personali skont it-tifsira fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679.
Madanakollu jien dispost li naghti lista tal-ismijiet lill-Onor. Interpellant privatament.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti llum quddiem is-Sinjuri Imħallfin li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, sedenti fil-Qorti tal-Appell Kriminali (Inferjuri)? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll kemm ilha pendenti kull kawża fil-Qorti tal-Appell Kriminali? Jista’ jagħti d-dati għal meta ġew differiti għas-sentenza dawk il-kawżi li jinsabu differiti għas-sentenza?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba skond l-ordni ta kif ingħataw d-dettalji tal-Imħalfin.
Ħal Qormi – persuni barranin f’razzett tal-baqar — azzjonijiet
Question
In vista tal-iżgumbrament li l-Awtorità tal-Ippjanar għamlet ftit jiem ilu ta’ iktar minn 100 persuna barranija minn razzett tal-baqar f’Ħal Qormi, filwaqt li hu tajjeb li jsiru azzjonijiet ta’ infurzar, jista’ l-Prim Ministru jgħid għalfejn il-Gvern ma rax u ppjanax minn qabel l-azzjoni msemmija, biex wara l-iżgumbrament dawn il-persuni kien ikollhom saqaf fuq rashom , u mhux spiċċaw bla post fejn jorqdu (uħud minnhom anke spiċċaw jorqdu fuq pallets tal-injam f’għalqa)? Jista’ l- Prim Ministru jgħid jekk dawn il-persuni għandhomx ikunu stmati aħjar?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lill Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn m’hemmx ilma fil-funtani fil-pjazza prinċipali ta’ Raħal Ġdid, wara l-inawgurazzjoni tal-proġett tal-pjazza l-ġdida?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab nfurmat li kien għad hemm xi xogħolijiet żgħar x’ jitlestew biex il-funtani jkunu kollha funzjonanti. Infurmat li fil-ġranet li ġejjin għandu jitlesta x-xogħol kollu mill-kuntrattur, inkluż dak li għandu x’jaqsam mal-funtana.
Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – ksur ta’ drittijiet mil-liġijiet tal-kera — danni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il eluf ta’ ewro f’danni ġie kkundannat il-Gvern Malti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’sentenzi ta’ kundanna ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem mil-liġijiet tal-kera, inkluż l-Att No. 23 tal-1979, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din l-interpellanza?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2013 u Ottubru 2018 l-Gvern Malti ġie kkundannat s-somma totali ta’ €1,100,200.
Jista’ l-Ministru jgħid meta qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-estimi tal-emissjonijiet tal-karbonju kif mitlub mil-liġi (S.L 543.01 artiklu 7) mill-2015 ‘l hawn?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa korret meta jikkwota li jien għandi l-obbligu li nippreżenta l-figuri tal-inventarju fuq l-Emissjonijiet tal-Gassijiet Serra. Tajjeb li ninforma lill-Parlament li l-obbligu li Malta jkollha inventarju jmur lil hinn mill-obbligi nazzjonali għaliex dan huwa rikjest taħt il-Konvenzjoni tat-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) kif ukoll taħt obbligi mill-Unjoni Ewropea. L-informazzjoni li tiġi ġġenerata minn dan l-inventarju toħrog wara li jiġu segwiti linji gwida speċifiċi u liema linji huma applikabbli għall-pajjiżi kollha li huma Membri tal-Konvenzjoni f’Anness 1. Malta żammet ma dawn l-obbligi u din l-informazzjoni tigi ppublikata fuq is-siti relevanti.
Malta bniet l-ewwel inventarju tagħha fl-2006, fejn minn dak iż-żmien l’hawn ftit saru żviluppi sabiex dan jittejjeb minħabba nuqqas ta’ riżorsi li ġew allokati tul iż-żmien. Madanakollu, Malta fl-aħħar snin ħasbet sabiex ittejjeb dan l-inventarju u għalhekk fl-aħħar sentejn, Malta daħlet fi proġett bil-kollaborazzjoni tal-Kumissjoni Ewropea. L-iskop ta dan il-proġett huwa li ngħollu l-livell tal-inventarju u nsaħħu l-bażi li tintuża sabiex tiġi ġġenerata din l-infomazzjoni. Għal daqstant, ħassejt li peress li din ir-reviżjoni għadha għaddejja, ma nippreżentax l-ebda figuri li huma bbażati fuq informazzjoni bażika ħafna u li nafu li tista tinbidel meta jitlesta l-eżerċizzju tar-reviżjoni.
Tajjeb li nenfasizza li l-infomazzjoni li toħrog min dan l-inventarju hija important u kruċjali għall-iżvilupp tal-politika dwar it-tibdil fil-klima.
Jista’ l-Ministru jelenka d-direct orders kollha li ngħataw in konnessjoni max-shooting range l-ġdida f’Ta’ Kandja, inkluż kull direct order għal site officer jew officers minn Ġunju 2017 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Jista’ f’kull każ jagħti l-ammont ta’ ħlas involut, id-data ta’ meta ngħatat id-direct order, u jekk ikun il-każ, għal kemm żmien kien ingħata (bħal fil-każ tas-site officer/s)? Jista’ f’kull każ jgħid x’kien l-involviment tas-Segretarju Parlamentari għall-iSports, u f’kull każ jgħid min ordna kull direct order?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3947. Dawn intalbu minn SportMalta u ngħataw l-approvazzjoni mill-Ministeru għall-Finanzi skont il-proċeduri finanzjarji stabbiliti.
Public Procurement — kumpaniji li ġew blacklisted fuq impjieg prekarju
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3493 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 456, jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet tat-tliet kumpaniji li ġew blacklisted?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni tinstab fuq is-sit tad-Dipartiment tal-Kuntratti:
https://contracts.gov.mt/en/Circulars/Pages/Circulars.aspx
, speċifikatament iċ-Ċirkularitajiet Numri 8/2014, 9/2014, 12/2014, 16/2014 u 19/2017 li kopja tagħhom qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.