Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – każijiet ta’ droġa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ droga kien hemm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin f’April 2020 u x’kienet id-droga li nstabet? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu u jikkonfermax li f’każ minnhom ġiet imkeċċija uffiċjal korrettiv?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul ix-xahar ta’ April 2020 ma nstabet l-ebda droga fil-ħabs u lanqas tkeċċiet xi Uffiċjal Korrettiv kif qed jingħad fid-domanda tal-Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32730 tat-Tnax-il Leġiżlatura u ċjoè: Jista’ l-Prim Ministru jagħti spjegazzjoni lill-Kamra għal liema raġuni qed issir talba ta’ €3,200,000 għal Vot 5365 CHOGM 2015 u jgħid:
a) x’pagamenti ser ikunu qed isiru sabiex jitħallas dan l-ammont ta’ flus mitluba;
b) lil min ser ikunu qed isiru;
c) x’pagamenti ser ikunu qed isiru jew saru b’direct order; u
d) x’pagamenti saru jew ser ikunu qed isiru fil-proċess ta’ tendering għall-attività ta’ CHOGM 2015?
In vista tal-aħbar sabiħa li vittmi ta’ vjolenza domestika se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna legali, jista’ l-Ministru jispjega jekk saritx konsultazzjoni mal-Aġenzija jew mal-avukati tal-għajnuna legali?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat li l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali Malta (Legal Aid Malta Agency) ġiet ikkonsultata kemm dwar l-estensjoni ta’ dan is-servizz, kif ukoll meta ġie introdott il-kunċett ta’ għajnuna legali għal vittmi ta’ vjolenza domestika fl-Att dwar il-Vittmi tal-Kriminalità permezz tal-Att XIII tal-2018. Dan l-Att kien strumentali sabiex il-liġijiet ta’ pajjiżna fil-fatt saru konformi mal- Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika.
L-Aġenzija Apoġġ tat il-kontribut tagħha wkoll. Tlett avukati tal-għajnuna legali għal dan is-servizz ġew maħtura fl-24 t’April 2020 mill-Ministru tal-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza a tenur ta’ artikolu 89 tal-Kap 12 tal-Liġijiet ta’ Malta u n-nomenklatura tagħhom hija “Avukati tal-Ghajnuna Legali għall-vittmi ta’ vjolenza domestika”. L-Avukati l-ġodda huma Dr Richard Sladden, Dr Anita Giordimaina u Dr Juliana Scerri Ferrante.
In vista tal-aħbar sabiħa li vittmi ta’ vjolenza domestika se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna legali, jista’ l-Ministru jispjega jekk saritx konsultazzjoni mal-Aġenzija jew mal-avukati tal-għajnuna legali?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tkun qed tingħata waqt seduta oħra.
Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni – karigi u uffiċċji battala
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx karigi jew uffiċċji battala fi ħdan il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat li fir-rigward ta vaganza fil-Kummissjoni Permanenti Kontra il-Korruzzjoni li inħolqot matul ix-xahar li għadda minħabba mwiet, din ġiet mimlija fil-granet li għaddew hekk kif stipulat mill-liġi.
Abbozz tal-Liġi li jirregola l-Koabitazzjoni — konsulenzi u direct orders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus mill-Gvern, inkluż mill-Ministeru tiegħu, sabiex inħema l-abbozz ta’ Liġi li jirregola l-Koabitazzjoni (2020), inkluż fuq konsulenzi? Kemm minn din in-nefqa kienet f’direct orders? Jista' jagħti rendikont lil min tħallsu dawn il-flejjes, u d-data? Jistax jgħid ukoll kemm hemm kontijiet pendenti x’jitħallsu għall-istess skop?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onoreveli Interpellant illi l-Att tal-2020 dwar il-Koabitazzjoni kien Abbozzat mill-esperti legali fi ħdan id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem. Għalhekk ma kien hemm ebda ‘’Direct Order’’.
Dan l-Abbozz ta’ Liġi ġie mfassal f’koordinament bi qbil mal-Kunsill Nutarili u l-Kamra tal-Avukati.
Ta’ min infakkar, illi dan l-Att hu parti minn sensiela twila ta’ riformi u liġijiet fil-qasam tal-Ugwaljanza li nħadmu minn esperti legali ingaġġati f’dan id-Direttorat. Liġijiet ġodda li fissru aħjar u li taw dinjita lil numru kbir ta’ ċittadini.
Uffiċċju ta' Informazzjoni/Komunikazzjoni tal-Qrti tal-Ġustizzja
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax li jara li jkun hemm Uffiċċju ta’ Informazzjoni/Komunikazzjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja li jkun indipendenti mill-Gvern?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Kif jaf l-Onor. Membru l-Qrati tal-Ġustizzja huma ndipendenti mill-Gvern u l-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati ġiet iffurmata ukoll biex issaħħah dik l-indipendenza ukoll fuq il-livell amministrattiv. Dan ifisser illi jekk il-qrati jiddeċiedu li jkollhom uffiċċju ta’ Informazzjoni, tal-Kommunikazzjoni jew tal-Midja dan ikun jaqa’ fil-qafas tal-qrati u tal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati u jkun professjonalment indipendenti mill-Gvern.
Kodiċi Kriminali — introduzzjoni ta' obstruction of justice
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax jikkunsidra li fil-Kodiċi Kriminali jkun introdott id-delitt tal-intralċ jew ostaklu għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (hekk imsejjaħ "obstruction of justice")?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Kif jaf l-Onor. Membru l-Kodici Kriminali jinkludi numru ta’ reati kontra l-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja. Madankollu l-Gvern huwa dispost li jikkunsidra li jżid ma’ dawn ir-reati diment li dak li jiżdied ma jkunx jirdoppja dak li jeżisti diġa u jkun jilħaq il-grad ta’ ċertezza u kjarezza meħtieġa fil-kamp tad-dritt penali.
Qrati Ċivili – introduzzjoni ta’ sentenzi ex tempore
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax l-introduzzjoni ta’ sentenzi fil-Qrati Ċivili tal-hekk imsejħa “ex tempore” għal iktar speditezza fl-amministrazzjoni tal-Ġustizzja?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat illi l-possibilità ta’ sentenzi ex tempore mhux l-ewwel darba li ġiet studjata fil-kamp tad-dritt proċesswali ċivili Malti. Mi¿ura bħal din pero tkun tiddependi mill- aċċettazzjoni da parti tal-professjoni legali u tal-ġudikatura u għalhekk l-introduzzjoni ta’ tali sistema trid tkun il-frott ta' impact assessment u ta feasibility study u fuq kollox kemm jista jkun ta’ qbil fis-settur. Preżentement il-priorita’ fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja ċivili huwa l-backlog fil-grad ta’ appell pero l-Gvern huwa dejjem miftuħ għal suġġerimenti oħra li jistgħu iġibu titjib f'dan il-qasam u bl-ebda mod ma jeskludi miżuri oħra li jkunu fattibbli.
Jistax l-Ministru jikkunsidra li jintroduċi emendi leġiżlattivi sabiex is-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali li jiddikjaraw xi liġi bħala waħda invalida għax tikser id-drittijiet fondamentali tal-bniedem, jibdew ikollhom effett erga omnes, u ċjoè ma jorbtux biss il-partijiet f’dik is-sentenza partikolari iżda b’effett awtomatiku ta’ dik is-sentenza kostituzzjonali dik il-liġi tiġi awtomatikament nulla minn dakinhar ’l quddiem?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Kif jaf l-Onor. Membru s-sistema li qed jirreferi għaliha hija estraneja għall-ordinament ġuridiku Malti u l-introduzzjoni tagħha tista’ ukoll tagħti lok għal iżjed problemi legali milli tirriżolvi. F'dan l-istadju l-Gvern jippreferi li jibqa konsistenti mas-sistema preżenti li taħtha meta l-Qorti Kostituzzjonal tiddikjara li liġi tivvjola l-Kostituzzjoni r- rimedju jkun jispetta lill- Parlament.
Prefabricated Hospital – request for participation
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min rebaħ/intgħażel ir-Request for Participation ta’ Marzu 2020 għall-bini ta’ prefabricated hospital li kellu jkun ġudikat fuq il-prezz biss?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 13597.
Tal-Pietà – xogħlijiet fuq uffiċċju u proprjetà privata minn Infrastructure Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Infrastructure Malta hijiex involuta b’xi mod biex isiru xogħlijiet fi proprjetà privata (inkluż uffiċċju f’Tal-Pietà) ta’ Membru Parlamentari tan-naħa tal-Gvern? Jekk iva, jista’ jgħid xi proċedura ġiet segwita biex isiru dawn ix-xogħlijiet?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta ma qed tagħmel l-ebda xogħol fi propjetajiet privati f'Tal-Pietà.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex ser jimxi fid-direzzjoni tar-Rapport tal-Kamra tal-Avukati dwar qrati virtwali li hija ppubblikata f’dawn il-jiem?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn l-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati, l-Membri tal-Ġudikatura u l-Kamra tal-Avukati fost oħrajn fuq din il-materja.
Nixtieq inżid li bħalissa għaddejjin ukoll tħejjijiet sabiex jitnieda proġett mill-Ministeru tal-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza li se jwassal sabiex titfassal l-ewwel strateġija diġitali fil-qasam tal-ġustizzja. Dan il-proġett huwa ffinanzjat mill-fondi tas-Social Reform Support Services fi ħdan l-Unjoni Ewropea, taħt id-direzzjoni esperta tal-European Commission for the Efficiency of Justice fi ħdan il Kunsill tal-Ewropa. L-istrateġija diġitali ser tibni fuq l-istrateġija diġitali nazzjonali u ser tirrifletti l-viżjoni tal-Gvern sabiex tamalgama s-servizzi diġitali eżistenti u tifrex f'oqsma ġodda mal-entitajiet li għandhom x'jaqsmu mal-Ġustizzja. Dawn jinkludu ukoll, iżda mhux biss, l-implementazzjoni ta' qrati virtwali fil-Qrati u Tribunali tal-Ġustizzja.
Fil-waqt li inizjattivi fl-immodernizzar teknoloġiku jinsab għaddej, is-suġġerimenti mressqa qed jiġu analizzati minn perspettivi legali, proċedurali u ħiliet fir-rigward ta' teknoloġiji li jistgħu jintużaw. Wieħed sewwa jinnota li l-Web App eCourts.gov.mt introduċiet numru ta’ servizzi elettroniċi li ġew disponibbli fis-snin reċenti għall-Professjonisti Legali, dan jinkludi E-filing għal Atti speċifiċi, kif ukoll ġie aġġornat in-netwerk infrastrutturali tal-Qrati, dan tlesta wkoll biex tippermetti veloċitajiet ta “bandwidth gigabit”u biex inkunu nistgħu nippjanaw inizjattivi simili li taffetwa l-kwalità tal-konferenzi bil-vidjo min-naħa tal-Qrati. Wieħed irid iqis ukoll li l-konnessjonijiet tal-internet tajbin mill-partijiet involuti huma essenzjali biex jiġi żgurat servizz ta’ kwalità.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 13597, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’qed iżomm milli tkun aġġudikata din is-sejħa, wara li fl-aħħar ġimgħat qal pubblikament li dan kien urġenti ħafna, li ma setax jistenna tant li ta tliet ijiem biss għar-Request to Proposal, u li kellu jkun aġġudikat u esklussivament fuq il-prezz biss?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sejħa msemmija qed tiġi aġġudikata u l-offerti qed jiġu skrutinizzati skont il-proċeduri kollha tal-public procurement.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13592, jista' l-Ministru jwieġeb l-ewwel parti tal-mistoqsija u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li permezz tiegħu l-Malta Industrial Parks (MIP) qed tikri l-uffiċċji tagħha f’Valley Road, Birkirkara?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Prim Ministru jelenka l-ispiża jew flejjes kollha minfuqa fuq il-konferenza tal-aħbarijiet li għamel nhar it-Tlieta 24 ta’ Marzu 2020 filgħaxija f’lukanda?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninfurma lill-Onor Interpellant li l-ispiża totali ta’ din l-konferenza tal-ahbarijiet kienet ta’€12,693.82(mingħajr VAT)
Din l-konferenza saret biex jigi ppreżentat pakkett aġġornat ta’ miżuri maqbul mal-imsieħba soċjali fl-MCESD, fejn dan il-pakkett huwa maħsub li jkompli jibni fuq ta’ qabel. Dan sar biex tingħata l-għajnuna lis-settur privat fl-agħar sitwazzjoni li l-pajjiż qed jiffaċċja mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn.
Dawn l-miżuri ta għajnuna setgħu jigu attwati grazzi għal-frott id-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern fl-aħħar seba’ snin, l-ekonomija ta’ pajjiżna hija b’saħħitha u soda, u issa rridu nkunu bil-għaqal biex ngħinu lill-familji u n-negozji.
Wara li kien diġà ġie mħabbar li l-Gvern se jkun qed jgħin billi jipposponi l-ħlasijiet tat-taxxa tad-dħul (income tax), tal-bolla u tal-VAT tax-xhur ta’ Marzu u April għal data oħra li għad trid tiġi stabbilità u li din waħedha tfisser €700 miljun, issa l-Gvern se jara jekk ikunx meħtieġ posponiment ta’ xhur oħrajn biex ikompli jgħin lill-industrija.
In-nefqa tal-Gvern għall-mizuri diretti kollha se tkun ta’ madwar €65-70 miljun kull xahar.
Dan mhuwiex l-aħħar pakkett li se jkun qed iħabbar il-Gvern. Jista’ jkun jerġa’ jasal iż-żmien li jitħabbru miżuri oħra malli tinħass il-ħtiega bil-għan li jkunu ssalvagwardjati l-ħaddiema u l-familji, kif ukoll in-negozji ta’ pajjiżna
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka d-direct orders li kull entità taħtu tat, meta u minn min u l-valur/prezz, mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.
Awditur Ġenerali – investigazzjoni fuq trasferiment tal-art tal-ITS –
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’passi ħa meta sar jaf li l-ex Ministru li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ma aċċettax li jiltaqa’ mal-Awditur Ġenerali li kien qed jinvestiga t-trasferiment tal-art tal-Istitut għall-Istudji tat-Turiżmu (ITS), li r-Rapport tiegħu ħareġ ġimgħa ilu? Jista’ jgħid meta kienet l-ewwel darba li hu sar jaf b’dan u li hija wkoll l-ewwel darba fl-istorja tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) li Ministru rrifjuta li jikkolabora u jiltaqa’ mal-NAO fuq materja li kienet tikkonċerna għemilu bħala Ministru?
Response (ABELA, ROBERT)
Il-Prim Ministru sar jaf li l-persuna konċernata ma ltaqatx mal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali meta ġie ppublikat ir-rapport tal-Awditur, mir-rapport innifsu. Minkejja dan il-fatt, l-Awditur Ġenerali xorta seta’ jkompli, kif fil-fatt għamel, bl-investigazzjoni u fir-rapport tiegħu kkummenta illi “the approach adopted in establishing this value was well-reasoned and sound in terms of the methodology adopted, which factors contributed to the safeguarding of Government’s interests in securing a fairer return for the site”, filwaqt li wasal ghall-konkluzjoni illi t-trasferiment tas-sit in kwistjoni “adhered to the provisions stipulated in the Disposal of Government Land Act”. Il-Gvern ta’ Malta jistrieħ u joqgħod fuq din il-konklużjoni.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13560 u jelenka min huma l-membri tal-Crisis Response Unit (jew ta’ kull entità li rispettivament minn isimha xogħolha huwa li tadotta Standard Operating Procedures għall-Gvern fi żmien ta’ kriżi nazzjonali) fi ħdan l-Uffiċċju tiegħu, u kemm-il darba ssejjaħ mill-2014 sal-lum?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onro. Interpellant biex ikun aktar speċifiku biex ikun jista’ jiġi mwieġeb.