Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kummissarju tal-Pulizija – parir bil-miktub dwar il-ħatra

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-parir bil-miktub li huwa rċieva/ingħata mill-Kummissjoni Venezja dwar il-metodu tal-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-parir tal-Kummissjoni Venezja dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija f’Malta ngħata f’rapport dwar pajjiżna li kif jaf l-Onorevoli Interpellant kien wieħed pubbliku. Dan ir-rapport kien jgħid li għandu jkun hemm sejħa pubblika.

Dokument li ntbagħat lill-Kummissjoni Venezja dwar pakkett ta’ riformi kostituzzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument li huwa bagħat lil Kummissjoni Venezja dwar pakket ta’ riformi kostituzzjonali wara li llum ir-Rapporteur Pieter Omtzigt tal-Kunsill tal-Ewropa ħareġ stqarrija pubblika fejn qal"“When I visited Malta in February, I was encouraged to hear from the government that an extensive package of reform proposals was almost ready for publication and would be presented to the Venice Commission for its opinion” u li allura sirna nafu li l-Gvern Malti ilu presubbilment minn Frar 2020 bil-proposti lesti u konklużi? Jaqbilx il-Ministru li l-ħabi u s-satra tal-Gvern Malti, fl-ispirtu u fl-għemil, f’ħaġa hekk sensittiva bħalma hija riforma kostituzzjonali, ma jispirawx fiduċja u li l-għaqal jiddetta li tali provost ta’ riformi għandhom ikunu pubbliċi u trasparenti?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Il-Ministeru jidderiġi lill-Onor. Interpellant għal dak li ġja ġie ppubblikat mill-Gvern u li għalhekk jinsab fid-dominju pubbliku.

Dokument li ntbagħat lill-Kummissjoni Venezja dwar pakkett ta’ riformi kostituzzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-data meta huwa bagħat lill-Kummissjoni Venezja d-dokument dwar ir-riformi kostituzzjonali li fi Frar li għadda huwa qal lil Rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa Pieter Omtzigt li kien għoddu lest għall-pubblikazzjoni u li kien konkluż?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Il-Ministru jinforma l-Onor. Interpellant li l-istess interpellant għandu japprezza, lill-mertu tad-domanda tiegħu ġie sorvolat.

Dokument li ntbagħat lill-Kummissjoni Venezja dwar pakkett ta’ riformi kostituzzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwa infurmax jew wera lir-Rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa Pieter Omtzigt id-dokument bil-proposti għal riformi kostituzzjonali li huwa allegatament bagħat lill-Kummissjoni Venezja? Jekk iva, jista’ jgħid meta dan sar, u jekk le jistax jgħid għala ma sarx?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Il-Ministru jinforma l-Onor. Interpellant li l-istess interpellant għandu japprezza, lill-mertu tad-domanda tiegħu ġie sorvolat.

Pulizija ta’ Malta — Twaqqif ta’ Joint Investigation Team

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-Pulizija ta’ Malta sal-lum ma talbitx lill-Europol biex jitwaqqaf Joint Investigation Team (li mudell tiegħu jinsab f'Council Resolution (2017/C 18/01) liema Riżoluzzjoni “encourages the competent authorities of the Member States that wish to set up a Joint Investigation Team with the competent authorities from other Member States, in accordance with the terms of the Framework Decision and the Convention, or from non-EU States, on the basis of the relevant international instruments, to use, where appropriate, the Model Agreement […] in order to agree upon the modalities for the joint investigation team” fl-investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Fl-investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-Aġenzija Europol ilha involuta biex tassisti sa mill-ewwel mumenti tal-investigazzjonijiet. Infurmat illi dak li hu mistenni min JIT qiegħed effettivament jiġi ottenut mill-assistenza kontinwa tal-Europol anke tramite Task Force imwaqqaf għal dan l-iskop, fejn uffiċjali tal-Europol jkunu Malta bħala parti mill-ħidma ta’ din it-task force.

Direct order għall-provvisti ta’ munizzjoni u/jew armi tan-nar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14064 li oriġinarjament saret lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu jelenka l-kuntratti kollha li ngħataw fl-2014 u l-2015, sija b’direct order u sija wara sejħa, għall-provvista ta’ munizzjon u/jew armi tan-nar ta’ kwalsiasi tip, l-ammont involut f’kull każ u l-isem tas-supplier?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.

Bidders għall-provvisti ta’ armi tan-nar/munizzjon

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14065 u li oriġinarjament saret lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jelenka min kienu l-bidders f’kull sejħa li kien hemm fl-2014 u 2015 għall-provvista ta’ armi tan-nar u/jew munizzjon? Jista’ għal kull sejħa f’kull każ jgħid minn min intrebħet dik is-sejħa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq l-mejda tal-kamra.

Ministeru għas-Saħħa – direct orders

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-parti tal-mistoqsijiet parlamentari 14113 u 13614 fejn tlabtu l-valur/prezz ta’ kull direct order mill-1 ta’ Jannar 2020 peress li din il-parti tal-interpellanza ma ġietx imwieġba?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13614. Peress illi din l-informazzjoni diġa tpoġġiet fuq il-mejda tal-kamra u allura issa hija pubblika, kull informazzjoni oħra relatata ma’ prezzijiet tkun qed tikser il-kunfidenzjalita kummerċjali.

Uffiċċju tal-MIP

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 14156 u 13959 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13592, jista' l-Ministru jwieġeb l-ewwel parti tal-mistoqsija u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li permezz tiegħu l-Malta Industrial Parks (MIP) qed tikri l-uffiċċji tagħha f’Valley Road, Birkirkara?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-kuntratt rikjest, eskluż informazzjoni li skont Malta Industrial Parks Limited hija kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva.

Inkjesti Maġisterjali pendenti f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Inkjesti Maġisterjali pendenti f'Għawdex? Quddiem liema Maġistrat? Kemm minnhom ilhom anqas minn sena, bejn sena u sentejn u aktar minn sentejn?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li f’Għawdex, sal-aħħar ta’ April 2020, hemm 335 Inkjesti Maġisterjali pendenti. Dawn l-Inkjesti jinsabu quddiem il-Maġistrati kif muri hawn taħt: MaġistratNumru ta’ inkjesti pendenti Dr Josette Demicoli20 Dr Monica Vella116 Dr Simone Grech110 Dr Brigitte Sultana89 TOTAL:335 Hemm 52 inkjesta li ilhom inqas minn sena (sal-aħħar ta’ April 2020) Hemm 18 inkjesta li ilhom bejn sena u sentejn (sal-aħħar ta’ April 2020) Hemm 265 inkjesta li ilhom aktar minn sentejn (sal-aħħar ta’ April 2020)

Qorti ta-Maġistrati Għawdex – kawżi pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem il Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) Ġurisdizzjoni Superjuri? Quddiem liema Maġistrat jinsabu dawn il-kawżi? Kemm-il sena ilhom pendenti dawn il-kawżi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li l-kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex Ġurisdizzjoni Superjuri hemm 405. Dawn il-każijiet huma pendenti quddiem il-Maġistrati, kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MITA – impjiegi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il impjieg ġdid sar fil-MITA mill-15 ta’ Jannar 2020 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-15 ta’ Jannar 2020 sal-llum zewġ ħaddiema ġodda bdew l-impjieg tagħhom mal-MITA.

Malta Communication Authority – impjiegi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il impjieg ġdid sar fil-Malta Communications Authority mill-15 ta’ Jannar 2020 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni, ġiet impjegata persuna waħda (1) mill-15 ta’ Jannar 2020 sa llum.

Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji – nefqa fuq virtual meetings

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il eluf ta’ euro intefqu mill-Ministru tiegħu u minn kull entità li taqa’ taħtu mill-15 ta’ Jannar 2020 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza f’virtual meetings bħal Zoom eċċ? Kemm minn dawn kienu relatati mal-ħidma tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aġenzija tal-informatika tal-Gvern, MITA, ilha għal dawn l-aħħar tliet snin tinvesti f’inizjativa msejħa “Government Modern Workplace Initiative”, li tagħti għodda lill-impjegati fis-Servizz Pubbliku sabiex ikunu jistgħu jaħdmu minn djarhom. Fir-rigward tal-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji u l-entitajiet li jaqgħu taħt dan id-dekasteru, għadna 1,861 liċenzja għal faċilita’ ta’ xi tip ta’ virtual meetings. Kull liċenzja tiswa medja ta’ € 20 fix-xahar.

Qrati — seduti

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew imqar jitfa’ ftit dawl fuq il-possibilità li sal-aħħar ta’ dan ix-xahar ċertu seduti fil-Qrati (eż. fil-Qorti tal-Appell) ser ikunu jistgħu jergħu jibdew jinżammu?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

F’dan l-istadju għadu prematur li wieħed ibassar l-effetti tar-rilassament tal-miżuri li ttieħdu mis-Supretendent tas-Saħħa f’dawn l-aħħar jiem. Il-Qorti tal-Appell għandha seduti appuntati għal Ġunju u Lulju u jekk iċ-ċirkostanzi jkunu tali lejn l-aħħar ta’ Mejju li jiġġustifikaw li jsiru seduti f’ambjent sikur u perikolu għas-saħħa kemm jista’ jkun limitat, il-qrati fosthom il-Qorti tal-Appell qed isibu mezzi biex ikunu jistgħħu jerġgħu jiffunzjonaw kemm jista’ jkun b’mod normali. Tajjeb jingħad li mindu ħareġ l-Avvizi Legali 65 tat 2020, seduti li kienu ta’ natura urġenti baqgħu jinżammu b’mod regolari kemm fil-Qrati Kriminali u kemm fil-Qrati Ċivili. F’dan il kuntest, l-amministrazzjoni tal-Qrati qed ikollha diskussjonijiet kontinwi mal-membri tal-Ġudikatura, mal-Kamra tal-Avukati u mal-Kamra tal-Prokuraturi Legali. Miżura oħra li ttieħdet hija dik l-ordni li permezz tagħha b’effett mill 4 ta’ Mejju r-Reġistri tal-Qrati reġgħu infetġu. biss, it-termini legali kollha li kienu sospiżi ser jibqgħu sospiżi u dan għalhekk ifisser li d-drittijiet u pretensjonijiet legali tal-individwi sejrin jibqgħu salvagwardjati b’tali sospensjoni tat-termini

Forzi Armati ta’ Malta – direct orders

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14063, jista’ l-Ministru jagħti break down għal kull sena mill-2017 ‘l quddiem biex juri għalxiex intuża kull direct order u mingħand min sar ix-xiri?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal tweġiba parlamentari 14063.

Korp tal-Pulizija — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il accountant u/jew awditur huma impjegai mal-Korp tal-Pulizija u f’liema taqsima jaħdmu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi mal-Korp tal-Pulizija hemm żewġ uffiċjali li għandhom il-kwalifiki ta’ ‘accountancy’. Dawn jaħdmu fid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali Finanzjarji. Il-Korp tal-Pulizija hu impenjat li jkompli jżid il-persuni espert f’dan is-settur anka b’sejħiet għal persuni ċivili.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin – rekluta – proċeduri interni

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li f’dawn l-aħħar ġimgħat ġiet imkeċċija jew għaddejjin proċeduri interni jew simili kontra mara li kienet rekluta bħala uffiċċjal korrettiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Jekk iva, jista’ jgħid x'sustanzi nstabu fuqha?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ir-reklutaġġ mas-Servizzi Korrettivi jservi mhux biss biex jgħallem lin-nies li ġejjin minn barra dan l-ambjent id-dixxiplina tax-xogħol delikat tal-ħabs, iżda jservi wkoll biex jiġu magħżula l-aħjar elementi biex iservu lil pajjiżna ġewwa istituzzjoni li tirrikjedi serjetà assoluta. Ir-reklutaġġ hu parti mill-proċess tal-għażla u hija prassi normali li xi rekluti ma jwasslux sal-aħħar tal-kors u dan iseħħ fl-aħjar interess tas-servizz. Fl-aħħar reklutaġġ li ntemm fit-22 ta’ April kien hemm żewġ rekluti li ma waslux sal-aħħar ta’ dan iż-żmien ta’ prova u b’hekk ġie tterminat il-kors tagħhom meta kienu għadhom ma ħadux il-ġurament bħala Uffiċjali Korrettivi.

eBiznify – nefqa fuq marketing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu s’issa flus fuq marketing tal-eBiznify?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minn meta reġa’ ġie mniedi l-programm eBiznify fid-29 t’April 2020, sal-20 ta’ Mejju 2020, intefqu Euro 1,051 eskluż il-VAT f’marketing marbut ma din l-inizjattiva.