Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dokument konsultattiv / abbozz leġiżlattiv

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe dokument konsultattiv jew abbozz leġislattiv li jimplimenta t-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni? Fi kwalunkwe każ, jista’ l-Ministru jindika jekk il-Gvern identifikax dipartment responsabbli għal din it-traspożizzjoni, hu liema hu, u jekk inbediex jew tlestiex l-abbozzar tal-liġi li timplimenta t-traspożizzjoni?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Id-Direttorat tal-iStrateġija u Sapport fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza flimkien mal-uffiċċju tal-Avukat tal-Istat se jkunu qed imexxu din it-traspożizzjoni. Minħabba li l-liġi kif proposta qiegħda fil-fażi ta’ abbozz, dan jitqies bħala dokument intern u ma jkunx għaqli li jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qrati tal-Ġustizzja – awli attrezzati għal smigħ ta’ seduti online

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm awli fil-bini tal-Qrati tal-Ġustizzja u kemm minn dawn huma mgħammra bil-faċilità għall-smigħ ta’ seduti online?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Qorti ta’ Malta hemm tliet (3) Awli li huma mgħammra bil-faċilità għall-smigħ ta’ seduti online. Hemm ukoll żewġ (2) sistemi portabbli għall-smigħ ta’ seduti online li jintużaw f’dawk l-Awli li sal-llum m’humiex mgħammra bil-faċilità għall-smigħ ta’ seduti online. L-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati qegħda fil-proċess sabiex sal-aħħar ta Jannar 2021 ikun hemm ħames (5) Awli oħra mgħammra bil-faċilità għall-smigħ ta’ seduti online. Fil-bini tal-Qorti ta’ Għawdex hemm tlett awli li tnejn minnhom huma mgħammra bil-faċilità (waħda minnhom portable) għall-smigħ ta’ seduti online.

Amministrazzjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja – persuni li jħaddmu seduti online

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna hemm addetta mill-amministrazzjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja biex jitħaddmu l-awli fejn jistgħu jsiru seduti online, apparti l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li jagħmel xogħol sfieq u dedikat?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li fil-Qorti ta Malta hemm numru ta’ Deputati Registraturi tal-Qorti li huma mħarrġa biex iħaddmu l-apparat għal seduti online. Hemm ukoll erba’ impjegati tekniċi oħra li d-dmirijiet tagħhom jinkludu li jaraw li jitħaddem l-apparat għal seduti online. Is-s-salary scale tagħhom hija kif ġej: Deputati Registraturi: Skala bejn 6 – 12 ICT Officer: Skala 5 Senior Systems Administrator Skala 7 Principal Technical Officer Skala 9 ICT and Audiovisual Support Officer Skala 10

Amministrazzjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja – salary scale

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu s-salary scale tal-persuna teknika addetta mill-amministrazzjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja li għandu d-dmir, fost oħrajn, li jara li jitħaddem l-apparat għal seduti online?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt f’mistoqsjia parlamentari 17998.

Pjazza ta’ Raħal Ġdid u Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – irwejjaħ insapportabbli

Question

Jista’ l-Ministru jordna li ssir investigazzjoni biex jinstab il-kaġun u tittieħed l-azzjoni neċessarja kontra l-irwejjaħ insapportabbli li ta’ kull filgħaxija qed jaħkmu l-akkwati tal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid u l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u l-madwar għal dawn l-aħħar jiem bin-nies jispiċċaw bl-imkatar ma’ wiċċhom? Jista’ jkun daqstant ġentili li jagħtini tweġiba anke issa waqt li s-seduti tal-Parlament jinsabu weqfin sal-11 ta’ Jannar 2021?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul ix-xahar ta’ Diċembru u fl-ewwel jiem ta’ Jannar l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ma kellha l-ebda lmenti dwar irwejjaħ f’Raħal Ġdid jew fil-madwar. Intant inħeġġeġ lill-Onorevoli interpellant sabiex jagħraf jiggwida lil min ressaqlu dawn l-ilmenti biex jagħmel rapport lill-ERA.

Pjazza ta’ Raħal Ġdid u Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – irwejjaħ insapportabbli

Question

Jista’ l-Ministru jordna li ssir investigazzjoni biex jinstab il-kaġun u tittieħed l-azzjoni neċessarja kontra l-irwejjaħ insapportabbli li ta’ kull filgħaxija qed jaħkmu l-akkwati tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u l-madwar għal dawn l-aħħar jiem bin-nies jispiċċaw bl-imkatar ma’ wiċċhom? Jistax ikun daqstant ġentili li jagħtini tweġiba anke issa waqt li s-seduti tal-Parlament jinsabu weqfin sal-11 ta’ Jannar 2021?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn l-irwejjaħ ma kinux ġejjin mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

1970 UNESCO Convention on the Illict Import, Export and Transfer of Ownership of Cultural Property — firmatarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta hijiex firmatarja tal-1970 UNESCO Convention on the Illicit Import, Export and Transfer of Ownership of Cultural Property? Jekk iva, meta saret firmatarja u jekk le, jista’ jgħid jekk jaqbilx li Malta ssir firmatarja?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Malta mhix firmatarja tal-1970 UNESCO Convention on the Illicit Import, Export and Transfer of Ownership of Cultural Property. Madankollu dak rikjest mill-Konvenzjoni diġa jinsab fil-Liġijiet ta Malta Kap 445.

Awtorità tal-Artijiet – Home Ownership Plot

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fl-2016, l-2017 u l-2018 kemm-il Home Ownership Plot ġew akkwistati/mixtrija/imħallsa mill-Awtorità tal-Artijiet u fejn, sena b’sena?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Inkejsta Maġisterjali dwar Bank – proċess verbal

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fix-xahar ta’ Diċembru 2020 l-Avukat Ġenerali rċeviet il-proċess verbal mill-Maġistrat Inkwirenti dwar l-Inkjesta Maġisterjali fuq il-Bank li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, liema inkjesta kienet inbdiet fl-2018? Jista’ jikkonferma li l-Maġistrat Inkwirenti rrakkomanda: (a) passi kriminali għall-ħasil ta’ flus kontra l-Bank qua Bank; (b) passi kriminali għall-ħasil ta’ flus kontra s-sidien tal-Bank; (c) passi kriminali fuq ħasil ta’ flus kontra d-Diretturi tal-Bank u kontra l-Money Laundering Reporting Officer; (d) li jiġi investigat l-operat tal-FIAU u tal-MFSA għal possibbli ksur ta’ liġi fl-għoti tal-liċenzja lill-Bank li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u kompliċità kriminali għal ħabi ta’ ksur tal-liġi kriminali da parti tal-Bank? Jista’ jgħid għaliex il-Gvern għadu ma għamel xejn sal-lum biex jitlob l-estradizzjoni lejn Malta ta’ dawk kollha indikati mill-Maġistrat Inkwirenti li għandhom jitressqu l-Qorti fuq money laundering?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Waqt li huwa magħruf li inkjesti maġisterjali huma kunfidenzjali fin-natura tagħhom, l-Onorevoli interpellant imissu jaf aħjar kif, bħala professjonist legali u eks-Ministru, m’għandux jidħol f’din il-materja, irrispettivament mill-fatt jekk hux inkjesta pendenti jew konkluż. Ilkoll nafu tajjeb li parti mill-proċess ta’ saltna tad-dritt b’saħħitha hu li l-istituzzjonijiet jitħallew jaħdmu mingħajr indħil politiku, kif jien u dan il-Gvern ninsabu determinati li nkomplu nagħmlu. Irrid nissoleċita lill-Onorevoli interpellant biex jagħti spjega ta’ minn fejn ġab din l-informazzjoni, li fin-natura tagħha hi sigrieta skont il-Liġi. Tali informazzjoni fil-pussess tiegħu, dejjem jekk hi waħda fattwali, tista’ tippreġudika l-eventwali proċess kriminali u mandati li jistgħu jinħarġu mill-awtoritajiet kompetenti għall-buon amministrazzjoni tal-ġustizzja. Għaldaqstant intenni lill-Onorevoli interpellant biex jieqaf jinqeda bil-vesti tiegħu ta’ avukat ħalli jikseb xi kapital politiku. Nistenna li mġieba simili tiġi wkoll sindakata mill-organi kollha kompetenti.

Appelli Ċivili Superjuri pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ Appelli Ċivili Superjuri pendenti fl-1 ta’ Jannar 2019, fl-1 ta’ Jannar 2020 u fl-1 ta’ Dicembru 2020?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li L-Appelli Ċivili Superjuri pendenti fl-1 ta’ Jannar 2019, fl-1 ta’ Jannar 2020 u fit-3 ta’ Diċembru 2020 kienu 1544, 1460, 1362 rispettivament. Dawn il-figuri ma jinkludux Appelli kostituzzjonali u rikorsi dwar ratifika tad-deċiżjoni tat-Tribunal Ekklesjastiku.

Awtorità tal-Artijiet – proċess ta’ digitisation

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex għaddej proċess fl-Awtorità tal-Artijiet biex il-files kollha li hemm ikunu digitised b’mod intelliġenti (jiġifieri, mhux scanned)?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet tinsab fil-proċess ta’ scanning tal-files kollha għad-dispożizzjoni tagħha, bħala parti mit-tħejjija ta’ strateġija ‘paperless’. Dan qed tagħmlu sabiex tnaqqas l-użu ta’ files fiżiċi.

MIP — concession fuq is-Sit tal-Malta Shipbuilding

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17147 u jgħid min awtorizza, u meta kien, li l-Malta Industrial Parks (MIP) ħarġet ittra lil dik li kienet Ablecare Oilfield Services Holding (illum Mediterranean Maritime Hub, u li fl-2016 ngħatat il-concession fuq is-sit li kien il-Malta Shipbuilding fil-Marsa) biex minflok l-użu jkun speċifikament limitat għal xogħol fuq vapuri (kif kien jgħid il-public tender tal-2016) jibda jsir ukoll storage u manutenzjoni ta’ yachts lokali? Min awtorizza l-bdil fl-użu tal-concession li ngħatat wara sejħa pubblika?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-informazzjoni għadha qed tingabar.

Awtorità tal-Artijiet – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jelenka d-direct orders ta’ bejn €15,000 u d-€19,999 li l-Awtorità tal-Lands ħallset kull xahar wara l-2014 sal-lum?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mill-2017 sa issa, ċjoè minn meta tnediet l-Awtorità tal-Artijiet, ma kienx hemm direct orders ta’ bejn €15,000 u €19,999 li tħallsu lill-entità waħda jew persuna waħda kull xahar. Dan jeskludi repair works.

Awtorità tal-Artijiet — sejħa pubblika għal xiri ta' proprjetà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk mill-2017 sal-lum l-Awtorità tal-Artijiet ħarġitx sejħa pubblika għal xiri ta’ proprjetà żgħira, bla arja, fuq wara tar-residenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u jekk iva, jistax jindika d-data tas-sejħa u n-numru tagħha?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet li ħarġet sejħa pubblika għall-art li qed jirreferi għaliha fit-8 ta’ Marzu 2019.

Ix-Xatt ta' Tas-Sliema — Safety Embarcation Ramps

Question

Jista' l-Ministru jgħid sa meta hu mistenni li jkun lest il-proġett tas-safety embarcation ramps fix-Xatt tas-Sliema?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li dan huwa parti minn proġett estensiv biex intejbu l-faċilitajiet tal-ivvjaġġar bil-laneċ ħalli aktar persuni jitħajru ju¿aw dan il-mezz ta’ vjaġġar alternattiv. Infrastructure Malta qed tibni faċilitajiet ġodda fix-xatt ta’ Tas-Sliema u x-xatt ta’ Bormla għall-passiġġieri li jużaw is-servizz tat-trasport bil-baħar biex jaqsmu lejn il-Belt Valletta permezz tal-laneċ. B’hekk, tkompli titjieb l-aċċessibilità u l-effiċjenza ta’ dan is-servizz ta’ trasport importanti mill-inħawi ta’ Tas-Sliema u l-Kottonera lejn Marsamxett u l-Port il-Kbir. L-investimenti biex isiru dawn il-faċiliatjiet, li se jagħmlu s-servizz aċċessibbli għal kulħadd u iżjed komdu, hu stmat li flimkien se jammontaw għal madwar €5 miljun. Faċilitajiet simili huma ppjanati wkoll għall-Marsamxett. Is-sena l-oħra kien diġà sar proġett pilota f’Marsamxett fejn Infrastructure Malta mmodernizzat il-faċilitajiet tal-irmiġġ, bniet strutturi u rampi aktar siguri u aċċessibbli biex il-passiġġieri jirkbu u jinżlu mil-laneċ b’aktar kumdità. Ix-xogħlijiet li saru kienu jinkludu tiswijiet fuq il-moll, l-introduzzjoni ta’ rampi u passarelli mekkanizzati u l-installazzjoni ta’ strutturi oħrajn relatati mal-irmiġġ. Saru wkoll poġġamani għal aktar sigurtà waqt li ż-żona fuq l-art fejn il-passiġġieri jistennew biex jirkbu l-laneċ ġiet ukoll organizzata aħjar biex tkun aktar aċċessibbli. Wara s-suċċess ta’ dan il-proġett pilota, l-aġenzija bħalissa qed tippjana t-tieni fażi tal-proġett f’Marsamxett li tinkludi breakwater, faċilità ta’ iktar minn irmiġġ wieħed u struttura ta’ kenn għall-passiġġieri f’din iż-żona. Ix-xogħlijiet f’Bormla u Tas-Sliema li qegħdin isiru bħalissa jikkonsistu f’tiswijiet fuq il-mollijiet eżistenti, invellar f’qiegħ il-baħar, bini ta’ pedamenti u t-tqegħid ta’ blokki tal-konkos kif ukoll l-mili tagħhom bil-konkos, kostruzzjoni ta’ piles u l-wiċċ tal-moll biex jinbnew mollijiet ġodda. Il-moll il-ġdid f’Tas-Sliema se jkun kbir 1,326 metru kwadru u biex jiġi ffurmat se jkun hemm bżonn jitpoġġew 182 blokka tal-konkos. Waqt li d-daqs tal-moll ta’ Bormla se jkun madwar 560 metru kwadru magħmul minn 150 blokka tal-konkos. Meta jitlestew il-mollijiet, imbagħad se jiġu mtejbin il-faċilitajiet għall-irmiġġ billi f’kull każ se jsiru żewġ passarelli mekkanizzati, kif ukoll jinbnew strutturi u rampi aktar siguri u aċċessibbli biex il-passiġġieri jirkbu u jinżlu mil-laneċ b’aktar kumdità. F’Tas-Sliema u Bormla wkoll se jinbnew faċilitajiet li se jipprovdu kenn aħjar għal dawk li jkunu qed jistennew ħalli jirkbu l-laneċ biex jaqsmu minn Tas-Sliema lejn Marsamxett jew mill-Kottonera għall-Port il-Kbir. Permezz ta’ dawn il-faċilitajiet ġodda, il-laneċ se jkunu jistgħu jittrakkaw min-naħa tal-poppa u b’hekk ikun possibbli li jsir użu miż-żewġ passarelli f’daqqa, biex l-inżul u t-tlugħ tal-passiġġieri jsir b’aktar effiċjenza. Fl-istess waqt, ma jkunx hemm aktar għalfejn li l-laneċ jintrabtu mal-moll qabel jibdew itellgħu jew iniżżlu l-passiġġieri. B’hekk, jonqos ukoll ir-riskju ta’ dewmien fil-ħinijiet tas-servizz. L-istruttura tal-passarelli mekkanizzati tipprovdi possibbiltà biex il-passiġġieri kollha, anke dawk b’diffikultajiet ta’ mobilità, jkollhom aċċess aktar komdu għal-laneċ ta’ dan is-servizz. Il-passarelli mekkanizzati jkollhom ukoll mekkaniżmu li jikkompensa għat-tibdil ta’ frugħ il-baħar, biex jibqgħu dejjem aċċessibli għal kulħadd. Ix-xogħol fuq l-infrastruttura tal-moll f’Tas-Sliema huwa mmirat li jitlesta fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla, jekk it-temp jippermetti. Imbagħad jinbdew ix-xogħlijiet tal-bini li se jservi ta’ kenn għall-passiġġieri kif ukoll jiġu installati r-rampi u l-passarelli mekkanizzati flimkien ma’ strutturi oħrajn relatati mal-irmiġġ. Dawn ix-xogħlijiet huma ppjanati li jitlestew aktar tard matul l-2021.

MIP — concession fuq is-Sit tal-Malta Shipbuilding

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min awtorizza, u meta kien, li l-Malta Industrial Parks (MIP) ħarġet ittra lil dik li kienet Ablecare Oilfield Services Holding (illum Mediterranean Maritime Hub, u li fl-2016 ngħatat il-concession fuq is-sit li kien il-Malta Shipbuilding fil-Marsa) biex minflok l-użu jkun speċifikament limitat għal xogħol fuq vapuri (kif kien jgħid il-public tender tal-2016) jibda jsir ukoll storage u manutenzjoni ta’ yachts lokali? Min awtorizza l-bdil fl-użu tal-concession li ngħatat wara sejħa pubblika?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interepellant illi din it- tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Leg 13 PQ #17204 Sitting 400 2020-11-16 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Prim Ministru — Safar

Question

Jista’ l-Prim Ministru jelenka d-destinazzjoni, id-data u minn min kien akkumpanjat f’kull safra l-Prim Ministru bejn Frar u Mejju 2017? Jista’ jgħid ukoll x’kienet ir-raġuni ta’ kull okkażjoni?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 5667.

Enemalta – investigazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17057 u jikkonferma jekk l-Awditur tal-Enemalta li qed jagħmel investigazzjoni fuq il-proġett f’Możura fil-Montenegro jiffurmax parti, jew kienx jagħmel parti mill-Fuel Procurement Committee tal-Enemed? Jekk fl-affermattiv, kemm hija r-remunerazzjoni tiegħu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna msemmija huwa wieħed miż-żewġ osservaturi esterni fuq il-fuel procurement committee ta’ Enemed. Osservaturi f’din il-posizzjoni jitħallsu € 3,000 fis-sena.

EquestriMalta — CEO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu s-CEO ta’ EquestriMalta, meta inħatar u jekk kienx hemm sejħa pubblika?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għadu ma ġiex maħtur CEO għal EquestriMalta.

Transport Malta — Cyber Attack

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16995, jista' l-Ministru jwieġeb u jgħid meta (jum) Transport Malta għamlet rapport lill-Pulizija dwar is-cyber attack?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, l-pulizija ġiet infurmata l-Ħadd, 27 ta’ Settembru 2020.