Tista' l-Ministru tagħti elenku ta’ grants immirati għal kumpaniji ġodda u innovattivi, speċjalment fil-qasam tat-teknoloġija u e-commerce? Kemm intużaw/ingħataw minn tali grants wara l-2017 u x’kien il-każ għal kull tali grant?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar l-iskemi amministrati mill-Malta Enterprise immirati għal kumpaniji ġodda qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Xewkija Għawdex – area tal-Ħofra – allokazzjoni ta’ spazju għal SMEs
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fl-area tal-Ħofra ġewwa x-Xewkija Għawdex fiex wasal il-proċess tal-allokazzjoni ta' spazju għall-SMEs f'dan il-park u min huma d-ditti jew kumpaniji li ntgħażlu s'issa biex jingħataw spazju f'din l-area u kemm minnhom huma kumpaniji lokali u kemm minnhom huma barranin?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-kumpless tal-Ħofra t’Għawdex hemm 15 il-fabbrika zgħira li 13 minnhom huma allokati. Ammont ta’ inkwilini ġodda diġa bdew joperaw waqt li oħrajn qegħdin fil-proċess ta’ relokazzjoni jew fil-proċess li jiffirmaw il-kuntratt ma’ INDIS Ltd. L-iskop prinċipali tal-Malta Enterprise għal dan il-kumpless kien li jakkomoda l-aktar intrapriżi Għawdxin li kienu qegħdin jaħdmu fil-qalba tal-villaġġi Għawdxin. Wieħed mill-operturi ser ikun investiment barrani.
Id-dettalji tal-individwi ma jistgħux jingħataw peress li l-Malta Enterprise hija koperta bil-kunfidenzjalita' imposta skont l-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta u l-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji.
Produzzjoni tal-Kannabis għal Skopijiet Mediċinali u Riċerka – letter of Intent
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm intrapriżi li applikaw, u meta, mal-Malta Enterprise biex tinħarġilhom Letter of Intent għall-produzzjoni tal-Kannabis għal Skopijiet Mediċinali u Riċerka? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn ġew approvati u nħarġitilhom il-Letter of Intent?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise bejn is-sena 2017 sa l-aħħar tas-sena 2020 irċeviet 53 applikazzjoni għall-produzzjoni tal-kannabis mediċinali li minn dawn 33 ġew approvati.
Il-kumpaniji li l-ismijiet tagħhom huma pubbliċi huma; Aurora, Aphria, Alvit, Alta Flora, Materia, MERA, Canapar, MPXI, Emmac Lifesciences, ZenPharm u MGC.
Produzzjoni tal-Kannabis għal Skopijiet Mediċinali u Riċerka – letter of Intent
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm intrapriżi li applikaw mal-Malta Enterprise biex tinħarġilhom Letter of Intent għall-produzzjoni tal-Kannabis għal Skopijiet Mediċinali u Riċerka u fil-każ ta’ dawk li huma diġà pubbliċi tgħid għal kemm talbu spazju f’metri kwadri ta’ art għall-operat tagħhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise approvat 33 proġett għall-produzzjoni tal-kannabis mediċinali. L-ammont ta’ spazju mitlub huwa ta’ 23,626 metri kwadri.
Il-kumpaniji li l-ismijiet tagħhom huma pubbliċi huma Aurora; Aphria; Alvit; Alta Flora; Materia; MERA; Canapar; MPXI; Emmac Lifesciences; ZenPharm u MGC
Applikazzjonijiet għal Skemi ta’ għajnuna tal-COVID-19
Question
Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tan-numru ta’ applikazzjonijiet u numru ta’ impjegati benefiċjarji li rċieviet il-Malta Enterprise sal-lum b’rabta mal-iskemi ta’ għajnuna tal-COVID-19 u tagħti l-informazzjoni maqsuma skont l-iskemi rispettivi? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew milqugħa, kemm ġew miċħuda u kemm għad fadal pendenti? Fil-każ tal-Wage Supplement tista’ tagħti l-informazzjoni mitluba għal dawk li jaqgħu f’Annex A u f’Annex B separatament?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt;
Numru ta’ Applikazzjonijiet: 21,855
- Annex A: 14,987
- Annex B: 3,465
- Ineliġibbli: 3,403
Applikazzjonijiet Approvati: 17,083
Numru ta’ Ħaddiema: 92,443
- Annex A: 54,101 full-time u 10,662 part-time
- Annex B: 25,020 full-time u 2,660 part-time
Pagamenti Approvati: €345,942,993
N.B: data as at end of January 2021
Malta Enterprise – skemi għall-impjieg ta’ ħaddiema ġodda
Question
Tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-iskemi miftuħin mill-Malta Enterprise biex jgħinu fl-impjieg ta’ ħaddiema ġodda?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskemi amministrati mill-Malta Enterprise li minnhom tista’ tingħata għajnuna marbuta ma’ impjiegi ġodda huma;
· Business Start 2021 - skema li tgħin lill-impriżi ġodda żgħar (
small start-ups
) b’assistenza marbuta ma’ mpjiegi
· Start-up Finance 2020 - skema li tista' tipprovdi assistenza lil-impriżi ġodda żgħar (
small start-ups
) fuq pagi ta’ persuni mpjegati full time
· Investment Aid - toffri l-possibilità li l-assistenza tingħata fuq impjiegi ġodda li jinħolqu b’riżultat ta’ l-investiment
· Wage Supplement - skema li tkopri dawk l-impjegati ġodda li ġew ingaġġati wara it-29 ta’ Mejju flok persuni li kien telqu min dak ir-rwol b’mod volontarju. Is-salarji tal-impjegati sostitwiti bdew jitħallsu minn Ottubru 2020.
Proġett minn kumpanija tal-avjazzjoni għal sitt bay hangers
Question
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett li kellu jqum €30 miljun imħabbar mill-Gvern f'Marzu 2017, liema proġett kellu jsir minn kumpanija tal-avjazzjoni fl-ajruport għal kostruzzjoni u tagħmir ta’ sitt bay hangers li kellu jilqa’ ġo fih ajruplani ta’ ċertu kobor?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett li qed jirreferi għalih qed isir mill-kumpaniji privatament u allura m’aħniex f’pożizzjoni li nitkellmu f’isem dan l-investiment dirett barrani.
Kumitat Interministerjali dwar il-Kummerċ u Diplomazija Ekonomika — membri
Question
Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-membri tal-Kumitat Interministerjali dwar il-Kummerċ u d-Diplomazija Ekonomika? Kemm-il darba ltaqa’ minn Marzu 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, sena b’sena? X’kienu s-suċċessi ta’ dan il-Kumitat? X’sar minn dan il-Kumitat sabiex jattira kummerċ u investiment lejn Malta mid-Dijaspora Maltija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Kumitat Interministerjali dwar il-Kummerċ u Diplomazija Ekonomika — membri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kumitat Interministerjali dwar il-Kummerċ u d-Diplomazija Ekonomika? Kemm-il darba ltaqa’ minn Marzu 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, sena b’sena? X’kienu s-suċċessi ta’ dan il-Kumitat? X’sar minn dan il-Kumitat sabiex jattira kummerċ u investiment lejn Malta mid-Dijaspora Maltija?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-Kumitat Interministerjali dwar il-Kummerċ u Diplomazija Ekonomika magħruf aħjar bħala Joint Stakeholders Working Council, huwa ppresjedut mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej. Il-membri tal-Kumitat jinbidlu minn żmien għal ieħor skont l-aġenda li tkun se tiġi diskussa matul il-laqgħat.
Madankollu, parteċipanti regolari ta’ dan il-Kumitat jinkludu l-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija, il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol, TradeMalta, Malta Enterprise, Finance Malta, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta, il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex, u l-Malta Chamber of SMEs. Entitajiet oħra li pparteċipaw f’dan il-Kumitat minn żmien għal ieħor kienu l-Universita’ ta’ Malta, Tech.mt, l-Istitut tal-Istudji Turistiċi u Air Malta.
Minn Marzu 2013 ‘l hawn, dan il-kumitat iltaqa’ tmienja u erbgħin darba. Sena b’sena, in-numru ta’ laqgħat kien ta’ tlieta fl-2013, tmienja fl-2014, għaxra fl-2015, disgħa fl-2016, disgħa fl-2017, tlieta fl-2018, tnejn fl-2019, tlieta fl-2020 u wieħed fl-2021.
Il-Kumitat huwa storja ta’ suċċess fejn jidħol it-titjib fil-komunikazzjoni bejn in-
network
diplomatiku ta’ Malta u entitajiet pubbliċi u privati Maltin involuti fis-settur kummerċjali. Il-Kumitat jipprovdi pjattaforma għal diskussjoni dinamika u jsaħħaħ is-sinerġija bejn dawn l-entitajiet fejn tidħol il-promozzjoni tal-kummerċ u l-investiment. Segwenti tal-laqgħat minn dan il-Kumitat, seħħew iktar attivitajiet ta’ kollaborazzjoni diretti u konkreti bejn l-entitajiet membri u l-ambaxxati biex ikunu implimentati l-attivitajiet kummerċjali diskussi. Dan wassal għal rizultati pozittivi kemm f’affarijiet relatati ma investiment lejn Malta kif ukoll f’opportunitajiet kummerċjali, fost oħrajn, barra minn xtutna.
Il-Kumitat iservi wkoll ta’ forum sabiex tinqasam informazzjoni dwar żjarat uffiċjali li jkunu ser iseħħu f’Malta u lil hinn minn pajjiżna, inklużi dawk statali. Matul is-snin, dawn iż-żjarat offrew diversi opportunitajiet lir-rappreżentanti tal-qasam kummerċjali illi ħadu sehem permezz ta’ inizjattivi li elevaw il-profil kummerċjali ta’ Malta.
Mal-miġja tal-pandemija kurrenti, il-Kumitat kompla jitlaqqa’ b’mod virtwali, waqt li l-pjattaforma diġitali tiflaħ għall-iktar parteċipanti.
Id-Dijaspora Maltija ma kinitx suġġett tad-diskussjonijiet li seħħew f’dan il-Kumitat. Madankollu, l-ambaxxati ta’ Malta huma f’kuntatt regolari mad-Dijaspora Maltija sabiex, fost oħrajn, jidentifikaw opportunitajiet li jistgħu jiġu preżentati tramite dawn il-komunitajiet.
Tista' l-Ministru tgħid liema kienu l-proġetti li l-Malta Enterprise rnexxielha ġġib lejn Għawdex wara l-2018, sena b’sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise approvat 15-il proġett b’valur ta’ €3,715,500 f’investimenti u proġetti ġodda u espansjonijiet f’Għawdex bejn l-2019 u l-2020*. Fl-istess perjodu ġew approvati wkoll 703 proġett taħt l-iskema Micro-Invest b’valur ta’ investimenti f’Għawdex ta’ €6,065,595.
*
Informazzjoni proviżjonali sa
Q3 tal-2020
.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont ta' investiment barrani f'Malta u f'Għawdex maqsuma separatament sena b’sena wara l-2017? Kemm ġew impjegati nies, settur b'settur għal kull proġett?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Wied Għomor – applikazzjoni biex isir demanju pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jagħti d-data, meta wara l-2017, il-Ministeru tiegħu għamel talba sabiex Wied Għomor ikun dikjarat żona ta’ demanju pubbliku (public domain)?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-talba biex Wied Għomor ikun iddikjarat żona ta’ demanju pubbliku (public domain), kienet ġiet sottomessa lill-Awtorità tal-Ippjanar nhar it-30 ta’ Marzu 2017.
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa u dettaljata ta’ proġetti li approvat il-Malta Enterprise u għal kull proġett tgħid fiex jikkonsisti u x’inhi l-għajnuna approvata mill-Malta Enterprise/Malta Industrial Parks?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise hi koperta bil-kunfidenzjalita’ imposta skont l-Artiklu 21(5) tal-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta (Malta Enterprise Act) u l-Artiklu 33 tal-Att dwr il-Promozzjoni ta’ Negozji (Business Promotion Act) u b’hekk l-informazzjoni mitluba ma tistgħax tiġi provduta.
Fir-rigward tal-Malta Industrial Parks, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il fabbrika hawn liċenzjata s’issa għall-produzzjoni tal-medical cannabis?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-awtorità kompetenti biex toħroġ liċenzji għall-produzzjoni tal-kannabis mediċinali hija l-Awtorità dwar il-Mediċini, għaldaqstant din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministru konċernat.
Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — sponsorships
Question
Tista’ l-Ministru tagħti lista ta’ kull tip ta’ sponsorship li taw id-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru tagħha, kemm jekk l-isponsorship kien jikkonsisti f’għotja ta’ flus kif ukoll jekk l-isponsorship kien in kind, jiġifieri billi ġie provdut xi servizz b’xejn, bejn l-2017 sad-data li tkun imwieġba din l-interpellanza? Tista’ f’kull każ tgħid taħt liema skema ngħata l-isponsorship, meta saret it-talba għal dan l-isponsorship u min approva f’kull każ l-isponsorship?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Malta Enterprise – proġett ta’ investiment barrani
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il proġett ta’ investiment barrani ġie approvat minn Malta Enterprise mis-sena 2017 sad-data li fiha li tkun imwieġba din il-mistoqsija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2017 sal-llum, il-Malta Enterprise approvat 187 proġett ta’ investiment barrani u li minnhom, 115 huma proġetti ġodda.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17904 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid fl-2016, l-2017 u l-2018 kemm-il Home Ownership Plot ġew akkwistati/mixtrija/imħallsa mill-Awtorità tal-Artijiet u fejn, sena b’sena?
Response (GALDES, RODERICK)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Qorti ta’ Għawdex – verbali dwar iffullar ta’ nies fl-awla b’relazzjoni mal-COVID-19
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemmx istanza fejn quddiem il-Qorti ta’ Għawdex , sarx verbal (jew verbali) minn xi Maġistrat sedenti dwar l-iffullar ta’ nies fl-awla b’relazzjoni mal-COVID-19 mill-1 ta’ Jannar 2021 sad-data li tkun imwieġba din l-interpellanza? Jekk iva, jistax iqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra
1) l-verbal li sar mill-Maġistrat sedenti dwar l-ammont ta’ nies fl-awla, b’relazzjoni mal-COVID-19.
2) Mistosijiet u r-risposti mgħotija lil
newsportal
lokali, Newsbook mill-Kap Eżekuttiv tal-Qorti Mr Frank Mercieca.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-Regolatur responsabbli mid-Drittijiet tal-Konsumatur ġiex infurmat uffiċjalment bit-taxxa introdotta mill-HSBC fuq servizzi bankarji, qabel ma’ din kienet introdotta u jekk le, jista’ jinvestiga sabiex jara kemm dan il-ħlas li huwa forma ta’ taxxa fuq l-iktar persuni vulnerabbli, bħal pensjonanti u low income earners, huwiex legali u ġust?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bank m’għandux l-obbligu li jagħmel din in-notifika lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur (MCCAA). Il-liġi tal-konsumatur ukoll ma tkoprix dan l-aspett ta’ prezzijiet jew tariffi.