Taqsima Proprjetà tal-Gvern – applikazzjonijiet ta’ fidi ta’ ċnus temporanji
Question
Jista’ l- Ministru jgħid kemm baqa’ applikazzjonijiet ta’ fidi ta’ ċnus temporanji tat-Taqsima Proprjetà tal-Gvern x’jiġu konklużi, inkluż dawk tal-Uffiċċju Konġunt separatament?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm żewġ skemi ta’ fidì ta’ ċnus li nfetħu taħt amministrazzjonijiet oħrajn, fl-2002 u fl-2012, u li għal perjodu ta’ żmien l-istess Interpellant kien direttament responsabbli. Mill-ewwel skema hemm 271 applikazzjoni temporanja (kollha tal-Joint Office). Minn dik tal-2012 għad hemm 616 pendenti. Dawn tal-aħħar jinqasmu hekk: 546 tal-Joint Office u 70 tal-Lands.
Avukat Ġenerali – użu ta’ Artikolu 19 tal-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-Artikolu 19 tal-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni intuża mill-Avukat Ġenerali biex jinħareġ ċertifikat ta’ immunità minn prosekuzzjoni mill-1988 sa Marzu 2013?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Membru illi minkejja tfittxijiet u mistoqsijiet lil persuni li kienu jokkupaw il-kariga t’Avukat Ġenerali matul il-perjodu indikat fl-interpellanza (u li għadhom ħajjin) ma ġew rintraċċjati ebda każijiet fejn intużat il-fakulta’ tal-Avukat Ġenerali li joħroġ tali ċertifikat t’immunita’ fil-perjodu indikat.
Avukat Ġenerali – użu ta’ Artikolu 19 tal-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-Artikolu 19 tal-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni ntuża mill-Avukat Ġenerali biex jinħareġ ċertifikat ta’ immunità minn prosekuzzjoni minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sal-lum l-Avukat Ġenerali ħareg ċertifikati lil persuni taħt l-Artikolu 19 tal-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni biex dawn il-persuni jixhdu fi proċeduri kriminali taħt immunita minn prosekuzzjoni dwar atti ta’ korruzzjoni fis-segwenti dati u kwantitajiet:
6 persuni – fil-5 ta’ Marzu 2014
15-il persuna – fit-18 ta’ Gunju 2014
18-il persuna – fl-1 ta’ Lulju 2014
10 persuni – fil-15 ta’ Dicembru 2014
11-il persuna – fis-16 ta’ Marzu 2015
Persuna wahda fit- 3 ta’ Marzu 2017.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex it-tkaxkir tas-saqajn biex l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Lawyer’s Act, jiġi ppublikat?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. membru illi fuq il-Lawyers Act ma hijiex kwistjoni ta’ ‘tkaxkir ta’ saqajn’ kif jiddeskriviha hu iżda ta’ nuqqas ta’ qbil fuq ċerti proposti dwar l-organiżazzjoni tal-professjonijiet legali fejn jidher illi d-dibattitu għad irid jevolvi, inkluż minn membri ewlenin fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li privatament urewni tħassib kbir dwar uħud mill-proposti. Il-Gvern jittama illi fuq dan is-suġġett ikun jista’ jsir progress fl-interess tal-professjoni legali u tal-pubbliku.
Jista’ l-Ministru jelenka l-prezzijiet il-ġodda u kif kienu sa ftit ilu fir-Reġistru tal-Artijiet, biex takkwista site plan u informazzjoni dwar titolu ta' art?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma kien hemm l-ebda tariffi ġodda rigward talba għall-informazzjoni dwar titolu ta’ art u l-prezzijiet mitluba huma dawk stabiliti fil-Leġislazzjoni Sussidjara 296.01.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li l-limitu ta' introjtu li hu eżentat minn freezing orders, stabbilit fl-1986, għandux ikun rivedut?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif qed jindika tajjeb l-Onor. Interpellant, il-Ligi ilha stabbilita mill-1986, seba’ amministrazzjonijiet ‘il boghod minn dik attwali u li jinkludu wkoll dawk fejn kien membru prominenti l-istess Interpellant. L-informazzjoni li għandi hi li l-Art 5(1) tal-Kap 373 u l-Art 22 A(1) tal-Kap 101, persuna li tkun inħargitilha ordni ta’ ffriżar fil-konfront tagħha tkun intitolata, fejn ikun hemm mezzi biżżejjed, għal €13,976.24 fis-sena. Jien miftuħ għal kwalunkwe suġġerimenti dwar dan is-suggett, inkluz il-pozizzjoni ufficjali tal-Oppozizzjoni dwar dan il-punt.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – ingaġġ ta’ fitters
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati fitters mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fl-2017, xahar b’xahar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’Marzu 2017 ħarġet l-ittra tal-ingaġġ lil 184 Multi Skilled Fitters 3. L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li kull impjieg sar skont l-eżiġenzi tas-servizz u dejjem skont id-direttivi stabbiliti tal-Gvern dwar reklutaġġ ma’ dipartimenti u entitajiet pubbliċi.
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — konsulenzi minn persuna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tagħha, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fil-perjodu msemmi ma kienx ingħata xogħol jew konsulenzi legali, la mill-persuna u l-anqas mid-ditta legali msemmija.
Kummisarju tal-Pulizija, Deputat Kummissarju u Assistenti Kummissarji – pakkett finanzjarju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pakkett finanzjarju ġdid li l-Assistenti Kummissarji, Deputati Kummissarji u Kummissarju tal-Pulizija għandhom u li ma tħabbarx pubblikament mill-Gvern?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-pakkett finanzjarju tal-Kummissarju tal-Pulizija, id-Deputati u l-Assistenti Kummissarji huwa l-istess pakkett li jgawdu uffiċċjali tal-Gvern li għandhom headship position u fi skali ugwali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fis-sejħa li jmiss għal Supretendenti fil-pulizija, hux se jkun il-każ li membri tal-Korp apparti Spetturi tal-pulizija se jkunu eleġibbli?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-applikanti kollha li applikaw għas-sejha interna li saret fil-21 ta' Lulju 2017 għal grad ta' Supretendent tal-Pulizija kienu kollha spetturi anzjani (tmien snin servizz iservu fil-grad ta' spettur wara li jkunu ġew ikkonfermati f'dan ir-rank). Din kienet waħda mill-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà li kien hemm imniżżla fis-sejħa tal-applikazzjonijiet.
Liġi tal-Finanzjament ta’ Partiti Politiċi – pubblikazzjoni tar-regolamenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk u meta se jiġu ppubblikati regolamenti taħt il-Liġi tal-Finanzjament ta’ Partiti Politiċi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. li taħt l-Att dwar il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti Politiċi (Kap 544) diġà ħarġu r-Regolamenti li ġejjin:
L.S. 544.01 Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Partiti Politiċi – 27 ta’ Mejju 2016
L.S. 544.02 Regolamenti dwar il-Forma tal-Kontijiet Finanzjarji tal-Partiti Politiċi – 12 ta’ Awwissu 2016
L.S. 544.03 Regolamenti dwar il-Pubblikazzjoni ta’ Rapporti ta’ Donazzjoni – 21 ta’ Marzu 2017
L.S. 544.04 Regolamenti dwar il-Forma ta’ Rapporti ta’ Donazzjonijiet riċevuti minn Partiti Politiċi.” – 21 ta’ Marzu
Dawn ir-Regolamenti, ovvjament, tqieghdu kollha fuq il-Mejda tal-Kamra u ġew resi kollha pubblici.
Ħal Tarxien – Triq tal-Barrani – tkabbir ta’ pompa tal-petrol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità għall-Ippjanar għandhiex talba biex tikber il-pompa tal-petrol fi Triq tal-Barrani, Ħal Tarxien (qabel it-traffic lights)?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha quddiemha applikazzjoni (Screening) bin-numru PA1109/17 - (Proposed demolition of existing fuel station and garages and proposed re-construction of fuel station including car-wash, class 4b shop and garages. Application also includes sign and LPG fixed point of sale) liema applikazzjoni tinvovli sit akbar minn dik tal-fuel station eżistenti li tinsab fi Triq tal-Barrani, Ħal Tarxien.
Avukat Ġenerali – persuni li ġew dikjarati bħala whistleblower — immunità
Question
Jista’ l-Ministru jelenka jew jispeċifika l-każijiet li hemm imsemmija li fihom inħareġ ċertifikat ta’ immunità minn prosekuzzjoni? X’inhu l-okkju ta’ kull kawża u għaliex f’kull każ kien jeħtieġ tali pass mill-Avukat Ġenerali?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif japprezza l-Onor. Membru l-kawżi li fihom inħarrgu ċertifikati kondizzjonati ta’ immunita minn prosekuzzjoni taħt l-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni huma kawżi kriminali u m’ huiwiex meqjus li huwa xieraq illi l-ismijiet tal-akkużati jiġu mxandra wieħed wieħed b’ mod li jibqgħu fl-atti tal-Kamra għal dejjem. Jista’ jingħad iżda illi l-kawżi kienu kollha dwar is-sejbien ta’ meters manomessi fejn tqis li huwa xieraq illi wieħed jikkonċentra fuq li jeqred il-‘brimba’ ta’ persuni li kienu jidhru li qegħdin ibagħbsu l-meters milli l-’għanqbuta’ ta’ konsumaturi li daħlu f’dawn it-tip ta’ arranġamenti illegali . F’ każ ieħor inħareġ ċertifikat taħt l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Informatur wara konsultazzjoni skont il-liġi . Dak il-każ huwa magħruf u ma jidhirlix li hemm għalfejn jerga’ jiġi speċifikat.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — konsulenzi minn persuna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tagħha, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-ebda entità fil-Minsteru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali ma tat xogħol legali jew talbet konsulenzi mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tagħha, wara Marzu tal-2013.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — konsulenzi minn persuna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tagħha, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-persuna kkonċernata ma ngħatat l-ebda xogħol mill-Ministeru tiegħi jew minn xi entità li taqa’ taħti.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tagħha, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda dipartiment u/jew entità fid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa ma taw xogħol legali jew konsulenzi lill-persuna u/jew il-kumpanija li d-dettalji dwarhom ingħataw separatament.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — konsulenzi minn persuna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tagħha, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru ma tagħax xogħolijiet lill-Persuna li hemm referenza għalija fil-Mistoqsija Parlamentari.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — konsulenzi minn persuna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tagħha, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.