Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali — Annimali ġewwa Boarding Kennels li qed jistennew trattament mediku
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23302 u jgħid kemm hemm annimali li ġew misjuba fit-triq mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali li qegħdin ġewwa Boarding Kennels u li għadhom qed jistennew it-trattament mediku li għandhom bżonn u dan in kwantu l-kliniċi li qed jiġu użati ma joffrux is-servizzi li dawn l-annimali għandhom bżonn?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma hemm l-ebda annimal li ġie misjub fit-triq mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali li qiegħed ġewwa Boarding Kennels u li għadu qed jistenna trattament mediku.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23300 u jgħid x’ammonti ta' kontijiet tħallsu lill-kliniċi diversi (u jgħid kemm tħallset kull waħda minnhom rispettivament) li qed jagħtu sapport mediku lill-annimali salvati mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali minn Awwissu 2023, proprju meta ngħalaq b'mod formali l-Isptar tal-Annimali ġewwa Ta’ Qali? Jista’ jgħid ukoll sa liema xahar dawn il-kliniċi tħallsu għas-servizzi mediċi mogħtija?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinkludi l-lista ta’ kliniċi li qed jagħtu sapport mediku lill-annimali salvati mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali minn Awwissu 2023. It-tabella tinkludi wkoll l-ammont mħallas lil kull klinika kif ukoll sa liema xahar dawn il-kliniċi tħallsu għas-servizzi mediċi mogħtija.
Klinika
Ammont €
Xahar ta’ l-aħħar Pagament
Vet 4 Pet Health
11,562.76
Ġunju 2024 (sejħa magħluqa)
Quality Vet Clinic
7,738.00
Lulju 2024 (sejħa magħluqa)
Zoomangi
748,693.68
Diċembru 2024
Best Friends Clinic
12,634.17
Jannar 2025
Happy Paws
81,759.42
Jannar 2025
Animal Medical Centre
12,695.45
Jannar 2025
The Veterinary Clinic
370.85
Jannar 2025
Highrise Clinic
3,399.40
Jannar 2025
Jista’ l-Ministru jgħid x’ammonti ta' kontijiet tħallsu lill-kliniċi diversi (u jgħid kemm tħallset kull waħda minnhom rispettivament) li qed jagħtu sapport mediku lill-annimali salvati mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali minn Awwissu 2023, proprju meta ngħalaq b'mod formali l-Isptar tal-Annimali ġewwa Ta’ Qali? Jista’ jgħid ukoll sa liema xahar dawn il-kliniċi tħallsu għas-servizzi mediċi mogħtija?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali — Annimali ġewwa Boarding Kennels li qed jistennew trattament mediku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm annimali li ġew misjuba fit-triq mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali li qegħdin ġewwa Boarding Kennels u li għadhom qed jistennew it-trattament mediku li għandhom bżonn u dan in kwantu l-kliniċi li qed jiġu użati ma joffrux is-servizzi li dawn l-annimali għandhom bżonn?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali — Servizz ta' dentistrija u ortopedija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema klinika/ċi qed jagħtu s-servizz ta' dentistrija u ta’ ortopedija meta annimali jiġu misjuba fit-triq mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali u jkollhom bżonn dawn il-bżonnijiet?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali — Servizz ta' dentistrija u ortopedija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm instabu annimali mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali li kellhom bżonn servizzi mediċi ta’ dentistrija u ta’ ortopedija u kemm infatti ġew trattati?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali — Servizz ta' dentistrija u ortopedija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx annimali misjuba mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali li għadhom qed jistennew trattamenti ta’ dentistrija u ta’ ortopedija?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
Sportivi — Studenti li jirrappreżentaw lil Malta - Safar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif is-sistema edukattiva qed tagħti sapport fit-tliet livelli ta' edukazzjoni differenti (sekondarju, post sekondarju u terzjarju) meta dawn l-istudenti jkunu mitluba li jsiefru biex jirrappreżentaw lil Malta jew inkella jkunu mitluba li jattendu għal training biex jiġu preparati għall-kompetizzjonijiet relattivi fl-isport tagħhom waqt il-ħin tal-lezzjonijiet?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Infurmat li l-istudenti li jirrapreżentaw lil pajjiżna, jingħataw is-sostenn kollu neċessarju sabiex jirkupraw il-lezzjonijiet u x-xogħol mitluf. Dan isir permezz ta’ lezzjonijiet online jew lezzjonijiet rekordjati.
Sportivi — Studenti li jirrappreżentaw lil Malta - Għajnuna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jiġu megħjuna l-istudenti li huma wkoll sportivi u jirrappreżentaw lil Malta f'xi tip ta’ sports jew huma parti mit-tim Nazzjonali fl-isport tagħhom speċjalment dawk ta' taħt is-16-il sena, kif ukoll f'livell post sekondarju fejn jidħlu noti u spjegazzjoni tal-lezzjonijiet partikulari li huma jkollhom jitilfu biex jattendu għal dawn l-attivitajiet?
Sportivi — Studenti li jkomplu l-isport tagħhom fuq livell aktar avvanzat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi tip ta' studju jew ingħatatx xi tip ta' attenzjoni fejn wieħed jara jekk hemmx xi korrelazzjoni bejn l-istudenti li jkomplu l-isport tagħhom fuq livell aktar avvanzat mill-bqija u ċjoè li jirrappreżentaw lil pajjiżna fl-isport tagħhom u jekk dawn humiex qed jingħataw l-opportunità kollha meħtieġa biex ikollhom ukoll suċċess akkademiku, dan in kwantu li jkollhom inaqqsu l-ħin regolari tagħhom ġewwa l-klassi bħall-bqija tal-istudenti? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn l-istudenti hux qed ikollhom jagħżlu li jitilqu l-isport jew li jkomplu l-istudju akkademiku tagħhom għax is-sistema eżistenti mhux qed toħloq bilanċ u sapport reċiproku bejn it-tnejn?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Infurmat li matul ix-xhur li għaddew sar studju dwar dan ibbażat fuq l-istudenti li attendew l-iskola Nazzjonali tal-Sport. Permezz ta’ dan l-istudju ser issir l-evalwazzjoni neċessarja sabiex dawn l-istudenti jingħataw l-opportunitajiet mistħoqqa.
Jista’ l-Ministru jgħid kif ser ikun il-proċess ta' kif ser jerġgħu jibdew jiddaħlu l-annimali feruti li jinstabu mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali hekk kif kienet il-prassi qabel u allura x'ser ikun qed jiġri meta jerġa’ jibda jopera dan l-isptar?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandu jkun hemm l-ebda bidla fil-prassi minn dik preżenti.
Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' ftehim ser isir bejn il-Ministru responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali u mill-annimali misjuba mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali u l-Ministru l-ġdid responabbli mill-isptar għall-annimali?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-ftehim huwa l-istess kif kien mal-operatur preċedenti tal-isptar tal-annimali jiġifieri li l-isptar tal-annimali huwa mistenni li jipprovdi Servizzi Veterinarji lid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali hekk kif kien jagħmel l-operatur preċedenti taħt l-istess termini u kundizzjonijiet sakemm mhux maqbul mod ieħor b’mod reċiproku.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-widien ġewwa Għawdex jiġux imnaddfa b'mod regolari? Jista’ jgħid ukoll meta ġie mnaddaf l-aħħar darba Wied ta' Zieta (magħruf bħala Wied Żejta)?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-widien f’Għawdex jitnaddfu b’mod regolari minn plastik u skart ieħor li jinġarr mill-ilma. Min-naħa l-oħra, il-Wied ta’ Żejta huwa partikolari għaliex ma tantx huwa aċċessibbli u allura t-tindif huwa kemm xejn inkrepattiv. Dan apparti li l-ilma fil-Wied ta’ Żejta huwa dejjem ġej. Konsegwentament dan il-Wied jżomm ammont sostanzjali ta’ ilma. Ta’ min wieħed jissottolinea l-punt li interventi ta’ tindif b’mod aktar rigoruż ma humiex rakkomandati mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, sakemm il-wied ma jkunx niexef għal kollox mill-ilma. Madankollu, din hija xi ħaġa rari, u li diffiċli li tipprevedi jew titippjana.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' tjur li nstabu mejta f'dawn l-aħħar ġranet ġewwa l-wied biswit Triq is-Sellum, f'Għawdex? Jista’ jgħid ukoll jekk hux qed jiġu eżaminati l-karkassi ta' dawn it-tjur u jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk hemmx xi tip ta' riżultat relatat ma' dan?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ tjur li nstabu mejta ma kienx kwantifikat. Karkassa ta’ dawn it-tjur intbagħtet lill-veterinarju lokali imma l-kawża tal-mewt ma setgħetx tiġi stabbilita. Karkassa oħra intbagħtet lin-National Veterinary Laboratory biex isirulha numru ta’ testijiet. Parti mir-riżultati ħarġu [Riżultat qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra - Numru ta’ Riferenza S024041/5] - u dawn jindikaw li s-salmonella ma nstabitx fil-karkassa. Testijiet oħra qegħdin jinħadmu.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jiġu eżaminati kampjuni varji tal-ilma ġewwa Wied ta' Zieta (magħruf bħala Wied Żejta) f'Għawdex? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk kienx hemm xi tip ta' riżultat relatat ma' dan?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdu żewġ kampjuni tal-ilma f’żewġ okkażjonijiet. Ir-riżultati tal-kampjuni tal-ilma li ttieħdu nhar l-10 ta’ Ottubru jinkludu kemm il-chemical analysis, u kif ukoll il-microbiological analysis. Ir-riżultati tal-kampjuni tal-ilma li ttieħdu nhar is-16 ta’ Ottubru jinkludu biss il-chemical analysis għaliex il-microbiological analysis għadhom mhumiex lesti. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra dawn ir-riżultati.
Freephone 153 — Servizz ġdid relatat ma’ animal welfare
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’ser tkun il-proċedura użata mill-Call Centre (Freephone 153) fir-rigward tas-servizz relatat ma’ animal welfare li ġie varat din il-ġimgħa?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proċedura użata mill-Call Centre (Freephone 153) fir-rigward tas-servizz relatat mat-trattament xieraq tal-annimali hija simili ta’ dik li ilha fis-seħħ għal iktar minn sena fejn is-servizz tal-Call Centre tad-Direttorat kien sottokuntrattat u li ġiet implimentata bħala parti mir-Riforma fi ħdan id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali.
Dan is-servizz li hu mmexxi mill-Aġenzija Servizz.gov, hu bbażat fuq sistema akkreditata ta’ Customer Relationship Management u manwal ta’ proċeduri standard adattati għal tali għan. Din il-proċedura tassigura traċċabilità, segwitu u għeluq skont l-istandards preskritti għal kull rikjesta ta’ informazzjoni jew servizz.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-impjegati tal-Call Centre (Freephone 153) ingħatawx xi tip ta' taħriġ biex ikunu jistgħu jagħtu l-aħjar assistenza u gwida lil min iċempel fuq każijiet relatati ma’ annimali li jkunu nstabu mweġġgħin wara xi inċident?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-aġenti tal-Call Centre (Freephone 153) ingħataw taħriġ intensiv mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Servizz.gov, dwar kull tip ta’ servizz relatat mal-operat tad-Direttorat. Dan it-taħriġ ġie mġedded diversi drabi permezz ta’ refresher courses jew laqgħat bilaterali li jinkludu l-kopertura ta’ servizzi ġodda. Sar ukoll perjodu sostanzjali ta’ prova sakemm ġie aċċertat li l-aġenti huma familjari sew mal-proċeduri kkonċernati, fosthom rapporti fuq każijiet relatati ma’ annimali mweġġgħin wara xi inċident.
Freephone 153 – Servizz marbut ma’ animal welfare – Faċilità li jintbagħtu Ritratti/videos ta’ annimali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk permezz tas-servizz tal-Freephone 153, hemmx mod kif wieħed jista’ jgħaddi ritratti jew videos biex juri kemm tkun gravi s-sitwazzjoni li fiha jkun l-annimal li jkun instab jew tkunx biss fid-diskrezzjoni tal-impjegat li jiddeċiedi l-gravità tas-sitwazzjoni?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-rwol tas-servizz tal-Freephone 153 + 17 huwa li jagħti informazzjoni dwar is-servizzi relatati mat-trattament xieraq tal-Annimali, jilqa’ r-rapporti dwar emerġenzi jew maltrattament ta’ annimali, jirreġistra d-dettalji rilevanti u jgħaddi tali rapporti lid-Direttorat ikkonċernat. Rapporti ta’ emerġenza fejn jinvolvu l-annimali dejjem jiġu segwiti minnufih. Barra minn hekk, rapporti ta’ moħqrija fuq l-annimali jiġu mgħoddija lid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali fejn sussegwentement isir l-assessjar ulterjuri skont l-urġenza u s-severità tal-każ. Is-servizz tal-Freephone 153+17 jassisti lil min ikollu xi forma ta’ evidenza biex din tkun tista’ titwassal lid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali b’mod immedjat permezz tal-imejl ġeneriku tad-Direttorat. Jekk dan ma jkunx possibbli għall-utent minħabba raġunijiet tekniċi relatati ma’ limitazzjonijiet ta’ file size jew restrizzjonijiet oħra, id-Direttorat jikkuntattja lil min ikun ressaq ir-rapport fuq bażi kunfidenzjali, biex tali evidenza tkun tista’ tingħadda b’mod elettroniku jew permezz ta’ format ieħor lid-Direttorat.