B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25072 dwar l-iljuni u l-pantera misjuba abbandunati ġewwa razzett fin-Naxxar, fejn ġie mwieġeb li “Is-sid ta’ dawn l-annimali ġie identifikat”, jista’ l-Ministru jgħid ta’ min huma dawn l-annimali?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minħabba li dan il-każ għadu taħt investigazzjoni u minħabba l-ligi dwar il-protezzjoni tad-dejta personali [L-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data Kap 586], d-dettalji dwar ta’ min huma dawn l-annimali li jinstabu ġor-razzett fin-Naxxar ma jistgħux jingħataw.
Jista’ l-Ministru jgħid ma' liema entità qed jaħdem biex l-annimali slavaġ misjuba abbandunati ġewwa razzett fin-Naxxar jiġu rilokati xi mkien ieħor? Jista’ jgħid ukoll fejn ser jiġu rilokati?
Response (REFALO, ANTON)
Ninfoma lill-Onor. Interpellanta li d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja qiegħed jikkordina dan il-proċess b’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) internazzjonali.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk bdewx il-proċeduri fil-Qorti kontra min ħoloq l-abbuż fuq dawk is-27 kelb misjuba f'April 2023 f’Ħaż-Żebbuġ? Jekk le, għalfejn dan għadu ma sarx?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tispeċifika u tiċċara aħjar għall-liema każ qed tirreferi eżatt.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ittiħditx xi forma ta' azzjoni kontra dawk is-sidien li fuqhom kienu rreġistrati tmienja minn dawk is-27 kelb misjuba f'April 2023 f’Ħaż-Żebbuġ, peress li dawn ma kinux qed jobdu dak li titlob il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 437.101 minn kull min għandu kelb?
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn għadu ma kkonfiskax u ħa taħt r-responsabbilità tiegħu l-erba' iljuni u pantera misjuba f'Diċembru 2024 fin-Naxxar, kif titlob il-liġi kkonċernata?
Jista’ l-Ministru jgħid min qed jieħu ħsieb li jitma’ u jnaddaf lill-erba' iljuni u pantera misjuba f'Diċembru 2024 fin-Naxxar?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-sid ta’ dawn l-annimali qiegħed jieħu ħsiebhom billi jmur jitmagħhom u jnaddfilhom kuljum fuq il-post taħt is-sorveljanza ta’ uffiċjali tad-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kampanja ta' tiswija tal-qtates hux ser tkompli jew le, peress li l-klinika li kienet ser tieħu ħsieb waqqfet dan is-servizz minn Diċembru 2024?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Kampanja tat-Tiswija tal-Qtates ser tibqa’ għaddejja. Minħabba raġunijiet li d-Dipartiment għas-Saħħa u t-Trattament Xieraq tal-Annimali ma kellux kontroll fuqhom, kien hemm waqfien temporanju mit-tieni ġimgħa ta’ Jannar 2025. Immedjatament inbeda l-proċess ta’ akkwist biex tiġi identifikata Klinika Veterinarja Liċenzjata biex tagħti dan is-servizz.
Fid-dawl li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, miżura 588, il-Gvern wiegħed li ser jgħin fit-titjib tal-benesseri tal-annimali fl-irziezet permezz ta' fondi mill-Unjoni Ewropea, jista’ l-Ministru jindika jekk dawn l-għajnuniet bdewx? Jekk fl-affermattiv, kif seta’ wieħed japplika għalihom, kemm ingħataw s'issa u kif tqassmu?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qeda tinġabar.
Fid-dawl li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, miżura 368, il-Gvern wiegħed li annimali li jinstabu f'kundizzjonijiet ħżiena għandhom jiġu megħjuna immedjatament u li d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jkollu l-poter li jeleva l-annimali mill-istess post, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn dawk l-iljuni u pantera li nstabu mitluqa f’razzett abbandunat fin-Naxxar f'Diċembru 2024 għadhom f’post mhux addattat?
Fid-dawl li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, miżura 370, il-Gvern wiegħed li ser jinħoloq rehoming centre modern għal dawk l-annimali abbandunati u li jipprovdi wkoll kenn għal żwiemel u annimali oħra li jkunu tqal, jista’ l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal dan il-proġett?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli bħalissa għaddej bi proċess sabiex ikun qiegħed jiżviluppa f’aktar dettall id-disinn tekniku taċ-ċentru tal-annimali abbandunati, liema disinn ser jirrifletti l-parametri loġistiċi tal-art li qegħdin jittieħdu in konsiderazzjoni.
Fid-dawl li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, miżura 372, il-Gvern wiegħed li ser jibda proġett ta' micro chipping anke fuq il-qtates, jista l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett bediex u jekk fl-affermattiv, f'liema stadju wasal?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proġett ta' mikroċippar inbeda u ġie konkluż. Dan il-proġett kien jinkludi żvilupp tas-sistema biex il-qtates ikunu jistgħu jiġu rreġistrati fuq is-sidien rispettivi tagħhom.
Dan il-proġett kien jikkonsisti wkoll f’kampanja ta’ promozzjoni mmirata biex tifrex l-għarfien u edukazzjoni dwar il-mikroċippar tal-qtates, u l-benefiċċji ta’ tali identifikazzjoni elettronika.
Fid-dawl li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, miżura 373, il-Gvern wiegħed li ser jinfetaħ ċimiterju tal-annimali f’Ta’ Qali, jista’ l-Ministru jindika kemm flus diġà ġew allokati għal dan il-proġett, kemm ser ikunu allokati flus b'kollox biex dan jitlesta, meta ser jitlesta, jekk bediex il-proġett u fejn ser isir eżatt?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li miżura 373 saret permezz tal-ftuħ tal-Pet Memorial li ġie inawgurat fit-2 ta’ Frar li għadda. Il-proġett ġie jiswa €182,177.26.
Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali — Trattament ta' dentistrija
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25053, jista’ l-Ministru jgħid meta nstabu u kemm ilhom jistennew għat-trattament ta' dentistrija l-24 annimal misjuba mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-perjodu ta’ stennija jvarja minn ġranet għal xhur. Dan jiddependi minn kull każ individwali. Ir-raġuni primarja li għad hemm numru ta’ qtates li ma sarilhomx intervent kirurġiku hu li ma jkunux jifilħu għall-anestesija. Fil-maġġor parti tal-każijiet tal-qtates li jifilħu il-kirurġija, il-veterinarji jiddeċiedu li proċeduri kirurġiċi multipli jsiru waqt avveniment anestetiku wieħed għal diversi raġunijiet. Il-veterinarji jivvalutaw bir-reqqa s-saħħa ta' kull qattus u l-kumplessità tal-proċeduri biex jiżguraw li l-annimal ikun jista' jimmaniġġja b'mod sigur il-kirurġija kkombinata.
Fid-dawl li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, miżura 324, kien ġie mwiegħed li ser jiġu varati programmi ta' konservazzjoni biex insostnu l-popolazzjoni ta' speċi nattivi fosthom il-fenek selvaġġ, tista' l-Ministru tgħid jekk dan il-proġett bediex u jekk fl-affermattiv, f'liema stadju wasal?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.
Fid-dawl li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, miżura 324, kien ġie mwiegħed li ser jiġu varati programmi ta' konservazzjoni biex insostnu l-popolazzjoni ta' speċi nattivi fosthom il-proġett tal-introduzzjoni tal-barbaġann fiż-żona tal-Magħtab, tista' l-Ministru tgħid jekk dan il-proġett bediex u jekk fl-affermattiv, f'liema stadju wasal?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.
Merħliet tal-bhejjem lokali — Servizzi veterinarji fl-irziezet
Question
Fid-dawl li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, miżura 588, il-Gvern wiegħed li ser jgħin biex titjieb is-saħħa tal-merħliet tal-bhejjem lokali permezz ta' aċċess aħjar għal servizzi veterinarji fl-irziezet, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan is-servizz bediex u jekk fl-affermattiv, kif qed jiġi ffaċilitat?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li f’dawn l-aħħar xhur bdiet titwettaq ħidma fuq il-preparamenti meħtieġa sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit servizz veterinarju fl-irziezet bl-għan li tittejjeb is-saħħa tal-annimali fl-irziezet. It-tabib veterinarju u tekniċi veterinarji li ser ikunu qed joffru dawn is-servizzi ġew ingaġġat u bħalissa qed jingħataw it-tagħrif u taħriġ kollu meħtieġ. Dan is-servizz ser iservi bħala estensjoni tas-servizz AgriKonsulta u mistenni jibda jiġi mħabbar u offrut fil-ġimgħat li ġejjin.
Kunsilli Lokali – rapporti li saru minn animal stewards
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7902 u jgħid jekk kienx hemm rapporti li diġà għaddew minn animal stewards li qed jaħdmu ġewwa kunsilli lokali? Jekk fl-affermattiv, x’tip ta’ rapporti kienu dawn? X’qed ikun mistenni minnhom bħala xogħol dawn l-animal stewards? Hemm xi tip ta’ relazzjoni kontinwa bejn dawn l-impjegati u d-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali biex xogħolhom ikun wieħed effettiv? Huwa mitlub minnhom li jgħaddu xi tip ta’ rapport regolari lill-istess Kunsilli Lokali li huma ingaġġati fihom? Huwa mitlub minnhom li jgħaddu rapporti regolari ta’ xogħolhom lid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li filwaqt l-Animal Stewards huma ingaġġati u jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-Kunsilli Lokali, ir-rwol tagħhom huwa wieħed edukattiv u li mistenni jgħin lill-Kunsillier responsabbli għat-Trattament Xieraq tal-Annimali fil-funzjoni tiegħu.
Ir-relazzjoni tal-Animal Stewards mad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali tinvolvi komunikazzjoni dwar annimali li għandhom bżonn kura veterinarja u rappurtaġġ ta’ każijiet ta’ moħqrija li jinstabu fil-lokalità tagħhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.