Legislature:
Category:
Reset
Active:

Annimali perikolużi rreġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-annimali perikolużi li kienu diġà rreġistrati qabel ma ħarġu d-90 jum ta’ amnestija, humiex qed jiġu mitluba wkoll li jiġu msewwija, hekk kif ġew mitluba jagħmlu dawk kollha li rreġistraw lill-annimali tagħhom issa?

Response (REFALO, ANTON)

Kif stipulat fir-Regolament 4(2) ta' SL 439.19: Regolamenti dwar il-Pussess u ż-Żamma ta' Annimali Perikolużi, l-annimali perikolużi kollha kif stipulat fl-istess leġiżlazzjoni, għandhom jiġu msewwija, irrispettivament mid-data tar-reġistrazzjoni, sakemm ma jkunux eżentati mid-Direttur għar-Regolazzjoni Veterinarja.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali — Ġbir ta’ klieb mhux micro chipped

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li meta kelb mhux micro chipped jinġabar mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali u wara jinstab sidu, dan iħallas piena amministrattiva ta’ mitt ewro flimkien mal-kont tal-klinika għal kull servizz mediku li jkun ingħatalu? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid għalfejn il-piena hi dik ta’ mitt ewro u mhux dak li hemm stipulat fil-liġi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-ispiża relatata ma’ kull kelb li jinġabar u li jirriżulta li għandu sid, tinġabar mingħand is-sid, irrispettivament miċ-ċirkostanza jekk tali kelb ikunx reġistrat jew le. Dan hu sussegwenti għall-Artiklu 44B (5) għat-Trattament Xieraq tal-Annimali. Il-piena amministrattiva ma’ tistax tinħareġ mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali għax din taqa’ taħt Kapitolu 437 (Att għas-Servizzi Veterinarji) taħt il-Liġi Sussidjarja 437.101 (Regolamenti Dwar L-Identifikazzjoni Elettronika Tal-Klieb). Persuna għandha sa żmien xahar biex tammetti ir-reat u tħallas tali piena. Il-piena amministrattiva taħt Artikolu 61 (5), taħt Kapitolu 437 tistipula illi “Fejn taħt dan l-artikolu persuna tammetti reat u tieħu dawk il-passi rimedjali kollha mitluba fl-avviż skont is-sotto-artikolu (2), id-Direttur għandu jimponi piena monetarja fuq dik il-persuna fir-rigward tar-reat li tkun tammonta għal terz tal-piena massima li għaliha l-persuna teħel li kieku nsabet ħatja tar-reat mill-Qorti”. Skont sotto-Regolament 11.(1) tal-Liġi Sussidjarja 437.101; “Kull persuna li jkollha fil-pussess tagħha kelb u li ma tirreġistrax dak il-kelb fid-Dipartiment skont dawn ir-regolamenti, jew kull persuna jew entità li tagħti informazzjoni skorretta, inkompleta jew falza fil-formola ta’ reġistrazzjoni tkun ħatja ta’ reat teħel, meta tinsab ħatja, multa ta’ tliet mitt euro (€300).” Għaldaqstant it-terz ta’ massimu ta’ piena amministrattiva għan nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta’ kelb hu ta’ terz ta’ €300 li hu ekwivalenti għal €100.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali — Ġbir ta’ klieb mhux micro chipped

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-piena amministrattiva li tingħata lil sid ta’ kelb li ma jkunx micro chipped u li jkun inġabar mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali hix qed tingħata wkoll ġewwa Għawdex meta jinstabu klieb ta’ din ix-xorta u jekk hemmx dan it-tip ta’ infurzar ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx xi differenzi fil-pieni u kif jiġu amministrati ġewwa Malta u ġewwa Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 29123.

Malta u Għawdex — Mogħoż u Nagħaġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ rjus ta’ mogħoż u nagħaġ ġewwa Malta u Għawdex mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-ammont ta’ rjus ta’ mogħoż u nagħaġ ġewwa Malta u Għawdex mill-2014 sal-lum tinstab fit-tabella segwenti, skont in-National Livestock Database (NLD). Data Ammont ta’ nagħaġ f’ Malta u Għawdex Ammont ta’ mogħoż f’ Malta u Għawdex 2014 10,884 4,770 2015 12,101 5,165 2016 12,198 5,223 2017 11,637 5,369 2018 13,195 5,842 2019 13,284 5,678 2020 13,217 5,562 2021 12,863 5,699 2022 14,608 6,539 2023 14,087 6,609 2024 14,548 6,671 2025 15,089 6,451

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali — Ftehim ma’ Boarding Kennels

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm tip ta’ “agreements” ma’ boarding kennels privati sabiex jinżammu xi klieb misjuba barra u li ma kienx hemm post għalihom fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali ġewwa l-Għammieri? Jekk fl-affermattiv, għaliex inħasset il-ħtieġa li jsir dan il-ftehim ma’ kennels privati? Jista’ jgħid ukoll jekk reċentement, dawn l-istess “agreements” ġewx ikkanċellati u jekk iva, għaliex waqaf dan is-servizz?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Stabbiliment tal-Boarding qed jintuża biex jinżammu klieb li jew hemm proċeduri kriminali għaddejin fil-konfront tas-sidien tagħhom, jew il-każ jirrigwarda klieb li għandhom natural temperamentali u ma jistgħux jinżammu ma’ klieb oħra ġewwa l-Għammieri. Huwa għal dawn ir-raġunijiet li nħasset il-ħtieġa li dawn jinżammu f’boarding kennels privati. Il-ftehim ġie terminat ma’ Boarding Kennel minnhom wara li sar eżerċizzju kompetittiv ibbażat fuq l-irħas rata għas-servizz.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – Boarding Kennels

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-klinika li preżentement qed tagħti trattament mediku lill-klieb misjuba mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali hix qed isservi wkoll ta’ boarding kennel għal xi klieb li m’hemmx fejn jinżammu ġewwa l-Għammieri? Jekk jinstab kelb / klieb illum fejn ser jinżammu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interepellanta li l-klieb kollha li jinstabu l-ewwel issirilhom evalwazzjoni veterinarja kif ukoll proċess ta’ screening għall-mard tal-annimali kif ukoll dak żoonotiku. Ix-xogħol tal-klinika veterinarja hu propju li tagħti t-trattament veterinarju kif meħtieġ u li jkopri il-perjodu ta’ konvalexxenza. Malli l-klieb jiġu rilaxxati dawn imorru jew fil-magħlaq ta l-Għammieri, jew inkella jsiru arranġamenti oħra skont il-każ.

Malta u Għawdex — Permessi għal irziezet ta’ nagħaġ u mogħoż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi għal irziezet ta’ mogħoż u/jew nagħaġ ġewwa Malta u Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-irziezet ingħatalhom permess biex tiżdied ir-residenza?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ permessi maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar mill-1993 sa nhar l-4 ta’ April 2025 - relatati ma’ bini, estensjonijiet u bdil fl-użu għal irziezet tan-nagħaġ u/jew mogħoż f’Malta u Għawdex - jammonta għal mitejn u tletin (230). Minn dawn, tlettax (13) jinkludu l-bini jew alterazzjonijiet ta’ residenza relatata mal-istess użu. Din il-figura ma tinkludix permessi għal residenza maħruġa wara li tkun ġiet sottomessa applikazzjoni separata fejn il-proposta tal-iżvilupp ma tinkludix il-kliem mogħoż u/jew nagħaġ (anke bil-lingwa Ingliża).

Kampjonat Nazzjonali tal-Ġinnastika — Ġinnasti li jitrenjaw ma’ SportMalta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-ġinnasti kollha li jittrenjaw ma' SportMalta m’għandhomx id-dritt li jipparteċipaw fil-Kampjonat Nazzjonali tal-Ġinnastika f'pajjiżna li ser isir bejn l-14 u s-16 ta' Marzu 2025?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-ġinnasti kollha li jittrenjaw ma' SportMalta se jitħallew jipparteċipaw fil-Kampjonat Nazzjonali tal-Ġinnastika.

Kampjonat Nazzjonali tal-Ġinnastika — Ġinnasti affiljati ma’ klabbs privati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk biex wieħed ikun jista’ jipparteċipa fil-Kampjonat Nazzjonali tal-Ġinnastika, iridx ikun bilfors affiljat ma' klabb privat tal-ġinnastika? Jekk fl-affermattiv, allura SportMalta ma titqiesx bħala entità serja li wkoll tista’ twassal l-atleti li jittrenjaw magħha għal din il-kompetizzjoni? Jekk hu l-każ li dawn l-atleti ġinnasti ma jistgħux jipparteċipaw għal dan il-Kampjonat Nazzjonali tal-Ġinnastika, dawn l-atleti qed jittrenjaw ma' SportMalta għalxejn?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Ministeru ma jistax jindaħal f’dik li hija amministrazzjoni interna, fl-assoċjazzjoni jew federazzjoni sportiva. Kif diġa ġie ddikjarat fil-Parlament, indħil politiku jwassal għal sospensjoni tal-assoċjazzjoni.

Kampjonat Nazzjonali tal-Ġinnastika — Parteċipazzjoni tal-ġinnasti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex atleti Olimpiċi m'għandhomx bżonn ikunu affiljati ma' klabb privat biex jipparteċipaw fl-Olimpijadi, imma f'Malta biex ġinnasta jipparteċipa fil-Kampjonat Nazzjonali jrid ikun affiljat ma' klabb privat? Jista’ jgħid ukoll jekk ġinnasta Malti jkun membru parteċipi ta' SportMalta li mhux klabb privat, teskludih li jipparteċipa fil-Kampjonat Nazzjonali tal-Ġinnastika?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Il-Kampjonat Nazzjonali tal-Ġinnastika huwa organizzat mill-Malta Gymnastics Federation, entita’ awtonoma u indipendenti minn kwalunkwe operat tal-Gvern, kemm bħala Ministeru kif ukoll SportMalta.

Proġett ta' micro chipping tal-qtates

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25152 dwar il-proġett ta' micro chipping fuq il-qtates ġewwa pajjiżna, fejn ġie mwieġeb li l-proġett inbeda u ġie konkluż, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett allura kienx biss biex tinħoloq sistema biex il-qtates ikunu jistgħu jiġu rreġistrati fuq is-sidien rispettivi tagħhom u jekk fl-affermattiv jgħid x'tinvolvi fiha?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fis-sena 2022 saret analiżi tas-sitwazzjoni rigwardanti il-bżonn ta’ tali miżura, u sar żvilupp fis-sistema għar-reġistrazzjoni tal-mikroċippa tal-qtates. Wara l-żvilupp tas-sistema sar l-ittestjar tal-Aċċettazzjoni tal-Utent, u l-iskema ġiet imnedija u saret il-promozzjoni tal-iskema u kampanja ta’ għarfien assoċjata mal-benefiċċji tal-identifikazzjoni elettronika tal-qtates immirata lejn is-sidien tal-qtates. Għaldaqstant, il-proġett ma kienx ristrett għall-iżvilupp tas-sistema informatika biss. Madankollu, l-emendi fis-sistema tal-informatika hija s-sinsla ta’ din l-inizjattiva għax permezz tagħha qattus mitluf jista’ faċilment jiġi identifikat u kkuntattjat is-sid rispettiv. Din is-sistema nvolviet titjib fin-National Livestock Database biex il-qtates jistgħu jkunu reġistrati mill-veterinarji u identifikati elettronikament permezz tan-numru tal-mikroċippa, hekk kif jiġri fil-każ tal-klieb. Fost il-benefiċċji li toffri din is-sistema hemm il-metodu rapidu ta’ identifikazzjoni tas-sid; il-metodu li jagħti prova irrefutabbli ta’ min hu is-sid; iktar serħan tal-moħħ lis-sidien fejn jikkonċerna telf ta’ qattus; għodda utli ta’ kontroll waqt investigazzjonijiet; kif ukoll mezz ta’ kif persuna jew santwarju tal-annimali tista’ tagħmel trasferiment minn sid għal sid b’ mod robust u trasparenti. Din il-miżura laħqet il-miri tagħha li saħħaħ it-traċċabilità tal-qtates u biex tissalvagwardja t-trattament xieraq tal-annimali.

Merħliet tal-bhejjem lokali — Servizzi veterinarji fl-irziezet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25148 dwar servizzi veterinarji fl-irziezet, jista’ l-Ministru jgħid x'ser jinvolvu fihom is-servizzi veterinarji offruti mis-servizz AgriKonsulta u kif ser ikunu qed jibbenefikaw minnhom eżattament dawn l-istess bdiewa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizzi veterinarji offruti mis-servizz AgriKonsulta ser jinkludu fihom rakkomandazzjonijiet imfassla għall-esiġenzi ta’ kull razzett partikolari u tfassil ta’ pjan ta’ saħħa tar-razzett sabiex ir-raħħala jkunu jistgħu itejjbu l-immaniġġjar tar-razzett tagħhom, bil-għan li titjieb is-saħħa ġenerali tal-merħla.

Speċi nattivi — Programmi ta’ konservazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25146 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u ċjoè: Fid-dawl li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, miżura 324, kien ġie mwiegħed li ser jiġu varati programmi ta' konservazzjoni biex insostnu l-popolazzjoni ta' speċi nattivi fosthom il-fenek selvaġġ, jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett bediex u jekk fl-affermattiv, f'liema stadju wasal?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-miżura numru 324 tal-programm elettorali qed tiġi implimentata. Wara konsultazzjoni mal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, it-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) ser toħroġ sejħa għall-offerti għall-implimentazzjoni ta' studju ta' monitoraġġ dwar l-abitat tal-fenek selvaġġ u t-theddid li qed tiffaċċja din l-ispeċi. Sadanittant għaddej ix-xogħol preparatorju mal-Wasteserv sabiex jiġi estiż il-proġett tar-ri-introduzzjoni tal-barbaġann fis-selvaġġ.

Speċi nattivi — Programmi ta’ konservazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25147 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u ċjoè: Fid-dawl li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, miżura 324, kien ġie mwiegħed li ser jiġu varati programmi ta' konservazzjoni biex insostnu l-popolazzjoni ta' speċi nattivi fosthom il-proġett tal-introduzzjoni tal-barbaġann fiż-żona tal-Magħtab, jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett bediex u jekk fl-affermattiv, f'liema stadju wasal?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25514.

Speċi nattivi — Programmi ta’ konservazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25146 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u ċjoè: Fid-dawl li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, miżura 324, kien ġie mwiegħed li ser jiġu varati programmi ta' konservazzjoni biex insostnu l-popolazzjoni ta' speċi nattivi fosthom il-fenek selvaġġ, jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett bediex u jekk fl-affermattiv, f'liema stadju wasal?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministreru kkonċernat.

Speċi nattivi — Programmi ta’ konservazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25147 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u ċjoè: Fid-dawl li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, miżura 324, kien ġie mwiegħed li ser jiġu varati programmi ta' konservazzjoni biex insostnu l-popolazzjoni ta' speċi nattivi fosthom il-proġett tal-introduzzjoni tal-barbaġann fiż-żona tal-Magħtab, jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett bediex u jekk fl-affermattiv, f'liema stadju wasal?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ta’ Qali — Ċimiterju tal-annimali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25153 dwar miżura 373 tal-manifest elettorali fejn il-Gvern wiegħed li ser jinfetaħ ċimiterju tal-annimali f’Ta’ Qali u fejn ġie mwieġeb li “miżura 373 saret permezz tal-ftuħ tal-Pet Memorial”, jista’ l-Ministru jgħid jekk jistgħux jindifnu annimali f'dan il-post u jekk le, x'se jkollu x'jaqsam l-iskop ta' pet memorial ma' dak ta’ ċimiterju?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-iskop tal-Pet Memorial hu li s-sidien tal-annimali jkollhom post fejn ifakkru l-pets tagħhom li jkunu mietu, filwaqt li jġeddu l-memorji tagħhom u għaldaqstant ma jistgħux jindifnu annimali fih. L-iskop oriġinali minn dejjem kien li ma jinfidnux annimali fil-Pet Memorial, imma li tali post iservi biss bħala mafkar cioe’ li joffri spazju għall-kwiet għal dawk li tilfu l-pets tagħhom. F’dan il-ġnien is-sidien tal-annimali ser jkollhom ukoll l-opportunita’ li jħallu tifkira bid-dettalji tal-annimali li jkunu tilfu.

Ta’ Qali – Pet Memorial

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25153, dwar iċ-ċimiterju tal-annimali f’Ta’ Qali, jista’ l-Ministru jagħti break down ta' kif intefaq u fiex intefaq l-ammont ta' €182,177.26 għall-proġett tal-Pet Memorial?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li n-nefqa koprietxogħlijiet ta’ kostruzzjoni u xogħlijiet ċivili, xogħlijiet ta’ tisbiħ bħal siġar u arbuxelli, passaġġi, installazzjoni ta’ bankijiet, water feature, statwi tad-daħla, CCTV b’pannelli solari, u xogħlijiet oħra anċillari. Il-proċess tal-procurement sar skont ir-regolamenti tal-akkwist pubbliku.

Animal Welfare Fund

Question

Fid-dawl li NGOs kellhom japplikaw għall-fondi mill-Animal Welfare Fund sa Lulju 2024 u li dawn il-fondi kellhom jitqassmu f'Ottubru 2024, jista’ l-Ministru jgħid meta dawn il-flus ser ikunu qed jitqassmu peress li s’issa għadhom ma tqassmux?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni marbuta ma’ l-iskema tal-Animal Welfare Grant Support Scheme kellha issir evalwazzjoni ta’ kull applikazzjoni. B’hekk setgħu jiġu identifikanti l-NGOs eleġibbli. Wara li dan il-proċess ġie konkluż u saru l-verifikazzjonijiet meħtieġa setgħu jiġu ppubblikati r-riżultati. Preżentament, qed issir l-abbozz tal-kuntratti biex l-NGOs ikunu jistgħu jingħataw tletin (30%) tal-ammont eleġibbli bil-quddiem. Il-bqija tal-għajnuna tingħata hekk kif imniżżel fil-linji gwida ta’ din l-istess skema.