Legislature:
Category:
Reset
Active:

Raħal Ġdid — Pace Grasso Ground

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk bediex it-tisbiħ tal-Pace Grasso Ground u jekk iva, f’liema stadju wasal il-proġett? Tista’ tgħid ukoll jekk bediex it-tħawwil tas-siġar u arbuxelli mwiegħda?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Tħawwil ta’siġar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-100,000 siġra li ġew imwiegħda li se jitħawlu f'ħames snin, ġew imħawla s'issa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li mill-bidu tal-leġiżlatura sal-aħħar ta’ Diċembru 2022, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża ħawlu 20,735 siġra u 10,298 arbuxell. Dawn apparti siġar u arbuxelli oħrajn li tħawlu minn entitajiet li jaqgħu taħt Ministeri oħra. Il-figuri għas-sena kurrenti għadhom qed jiġu aġġornati minħabba l-fatt li bħalissa ninsabu proprju fl-istaġun tat-tħawwil.

Wied il-Għajn — Park tal-Inwadar - Proġett ta' afforestazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju wasal il-proġett ta' afforestazzjoni fil-Park tal-Inwadar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed jiġi finalizzat il-Pjan tal-Immaniġġjar tal-Park tal-Inwadar biex jitressaq quddiem l-awtoritajiet għall-approvazzjoni. Dan il-pjan ser ikun qed jinkludi wkoll interventi permessibbli li ser jitwettqu minn Project Green, li jinkludu tiswija ta’ ħitan tas-sejjieħ, tindif minn radam, pasaġġ kulturali informattiv u programm ta’ riċerka fuq afforestazzjoni.

Skema ta’ affortestazzjoni — Applikazzjonijiet minn Kunsilli Lokali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema kienu l-Kunsilli Lokali li applikaw għall-iskema ta' afforestazzjoni offruta lilhom u lil għaqdiet mhux governattivi mill-Gvern? Tista' tgħid ukoll kif u b'kemm-il siġra ġew megħjuna?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kien hemm 9 Kunsilli Lokali li applikaw għall-iskema t’afforestazzjoni msemmija. Dawn huma l-Kunsilli tal-Gudja, Swieqi, Ħal Tarxien, Marsaxlokk, Ħad-Dingli, Birkirkara, Żurrieq, Birgu u Pembroke. Flimkien ma’ dawn l-applikazzjonijiet Project Green irċeviet ukoll numru t’applikazzjonijiet minn organizzazjonijiet volontarji u residenti. Project Green tinsab f’kuntatt ma’ dawn l-applikanti waqt li qegħdin isiru site visits f’45 sit biex jiġu stabbiliti l-interventi meħtieġa għat-tħawwil tas-siġar.

Reġistru tal-Flora u Fawna Maltija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal it-tfassil tar-reġistru li jikkonċerna l-flora u l-fawna Maltija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi t-tnedija tad-Database Nazzjonali tal-Bijodiversità hija ppjanata għas-sena d-dieħla. Id-disinn u l-arkitettura tas-sistema ġew finalizzati. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi hija responsabbli għall-informazzjoni kollha li bħalissa qed tiġi ġġenerata, verifikata u popolata fis-sistema. Bħalissa l-ispeċi qed jiġu wkoll ikkonfermati skont l-ispeċi elenkati fil-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 549.44 u l- Leġiżlazzjoni Sussidjarja 549.123.

Marsa — Triq Diċembru Tlettax - Riġenerazzjoni għal spazju miftuħ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslet ir-riġenerazzjoni għal spazju miftuħ fi Triq Diċembru Tlettax ġewwa l-Marsa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Project Green għaddejja bl-istudju fuq il-proġett għaż-żona ta’ Triq Diċembru 13, li hu maħsub biex jgħaqqad iż-żewg naħat tal-lokalità tal-Marsa għall-ġid tar-residenti.

Ħamrun — Spazju miftuħ għall-pubbliku u parkeġġ taħt l-art

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-pjan biex minflok il-fabbrika tal-ħalib, ġewwa l-Ħamrun, isir parkeġġ taħt l-art u spazju miftuħ għall-pubbliku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Project Green bdiet is-surveys neċessarji biex jitħejjew l-istudji inizjali dwar is-sit indikat fil-Ħamrun. Sadattant, infurmata li għaddej ix-xogħol mill-Ministeru kkonċernat biex jinstab sit alternattiv għall-fabbrika tal-ħalib.

Ġonna privati żviluppati għall-pubbliku

Question

Peress li kien ġie mwiegħed li ser jinxtraw ġonna privati biex il-Gvern jiżviluppahom għall-pubbliku, tista’ l-Ministru tgħid jekk sarx xi proġett ta' dan it-tip?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12813.

Demarkazzjoni ta’ żoni u passaġġi pubbliċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk bediex jew le l-proċess ta' demarkazzjoni ċara taż-żoni u passaġġi pubbliċi sabiex il-poplu jkollu aċċess għal spazji miftuħa kif kien imwiegħed? Tista’ tgħid ukoll jekk inħolqitx il-mobile app. li se tkun tista’ tindika dan kif kien imwiegħed ukoll?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Ambjent Malta diġà bdiet b’diskussjonijiet neċessarji ma’ NGOs biex jiġu identifikati u stabbiliti żoni li joffru aċċess lill-pubbliku għal passaġġi u spazji miftuħa. Dawn id-diskussjonijet wasslu biex saru numru ta’ interventi fiż-żona tad-Dwejra (limiti ta’ Binġemma) u oħra fil-Fgura biswit il-Cottonera Lines (ħdejn l-Polverista Gate), kif ukoll tul Victoria Lines (li jwasslu minn Fomm ir-Riħ sal-Madliena). Permezz ta’ dawn l-interventi ngħataw aktar minn 8,000 metru kwadru fi spazji miftuħa lill-pubbliku u iżjed minn 10 kilometri ta’ passaġġ tul il-Victoria Lines. Sadanittant, ninsab infurmata li qed tinġabar l-informazzjoni relatata ma’ dawn iż-żoni biex tiġi formulata l-mobile app li ser tkun qed toffri informazzjoni lill-pubbliku.

Green networks għall-eżerċizzju fiżiku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk inbediex xi pjan għal green networks biex in-nies ikollhom aċċess għal spazji miftuħa akbar fejn jagħmlu eżerċizzju fiżiku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12815, u nfakkar li fi tweġibiet ta’ mistoqsijiet parlamentari oħra preċedenti elenkajt diversi drabi x-xogħol kbir li qed isir biex nipprovdu spazji ħodor fid-diversi lokalitajiet ta’ pajjiżna. Hemm għaddej ukoll xogħol sabiex jissaħħu iżjed il-green networks. Hemm ukoll ippjanat studju dwar link li tieħdok mill-Mellieħa sax-Xgħajra biex wieħed jara kif ikun l-aħjar metodu li din issir bl-iżjed mod konvenjenti għaċ-ċittadin.

Il-Floriana – Proġett ta’ Triq Sant’Anna

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju wasal il-proġett ta' Triq Sant’ Anna, ġewwa l-Floriana, fejn kien ġie mwiegħed li t-traffiku se jgħaddi kollu minn taħt l-art u tinħoloq żona pedonali sal-Pjazza ta’ Kastilja?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li din is-sena tlestiet l-evalwazzjoni tar-rapporti tekniċi mibgħutin mill-entità li wettqet l-istudju għall-proġett ta’ Triq Sant’ Anna, fil-Floriana. Sadanittant, qed isir it-tfassil biex jinħarġu is-sejħiet għall-offerti biex isiru studji oħra neċessarji dwar dan il-proġett.

Baġit 2023 – Miżura dwar proġetti ħodor minn SMEs

Question

B’referenza għal miżura tal-Baġit 2023 li permezz tagħha twessgħet l-eliġibbiltà tal-SME Tailored Facility tal-Bank Malti għall-Iżvilupp (MDB) biex ikunu jistgħu jsiru aktar proġetti ħodor, anke mis-settur privat, tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm kumpaniji li għamlu użu minn din il-miżura? Jekk fl-affermattiv, kemm kienu dawn u minn liema settur kienu ġejjin? Kemm ġew allokati riżorsi finanzjarji u x'kienu l-proġetti magħmula?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Baġit 2023 – Tax credits għall-ħolqien ta’ green jobs

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm kumpaniji li applikaw għal tax credits għaliex ħolqu xi tip ta' green jobs kif kien ġie mwiegħed fil-Baġit 2023? Jekk fl-affermattiv, x’kienu dawn il-green jobs ġodda maħluqa u f’liema settur?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li kien hemm diversi kumpaniji illi applikaw għal skemi tal-Malta Enterprise u nħolqu diversi mpjiegi magħrufa bħala green jobs. Barra minn hekk, Malta Enterprise żiedet ukoll taħriġ għal green jobs bħala kriterju li wieħed jista’ japplika għalih fl-iskema Skills Development li ġiet imnedija f’Awwissu li għadda. Tnediet ukoll skema sabiex jiġu inċentivati kumpaniji li japplikaw għal konsulenza biex jintlaħqu il-kriterji tal-ESG.

Baġit 2023 — Green bonds

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk inħarġux xi tip ta' green bonds għal kumpaniji li wettqu proġetti ambjentali kif kien imwiegħed fil-Baġit 2023?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, permezz tal-kumpanija sussidjarja tagħha Clearflowplus, nediet b’suċċess l-ewwel Green Bonds f’Malta b’valur ta’ €25 miljun, tant li dawn inħatfu mill-investituri fi ftit sigħat wara li nħarġu għall-pubbliku. Id-dħul mill-green bonds se jintuża għall-finanzjament ta’ firxa ta’ inizjattivi eko-konxji u proġetti ambjentali. Dawn jinkludu l-impjant tar-reverse osmosis f'Ħondoq ir-Rummien, impjanti ta' pannelli solari, titjib fis-sistemi tat-trattament tad-drenaġġ, inqas telf ta' ilma, tisħiħ fl-effiċjenza tas-sistemi tal-kontijiet u tisħiħ tal-infrastruttura tad-distribuzzjoni tal-ilma. Nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellanta għal dak li ntqal fid-Diskors tal-Baġit 2024.