Legislature:
Category:
Reset
Active:

Artikolu 45 tal-Att Prinċipali (KAP. 439) — Reġistru

Question

Fid-dawl li kif kien deċiż li jsir skont l-Artikolu 45 tal-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali (KAP. 439), li jgħid “il-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali għandu jżomm reġistru msejjaħ "Persuni mixlija b’reati kontra l-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali u r-regolamenti magħmula taħtu" li fih jitniżżel l-isem ta’ kull persuna ħatja mill-Qorti ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att jew kwalunkwe regolamenti magħmula taħtu u fejn jiġi dikjarat mill-Qorti illi l-ħati għandu jiġi pprojbit milli jżomm annimali għal dak iż-żmien li jista’ jiġi stabbilit mill-Qorti. Kopja awtentika tas-sentenza rilevanti jew digriet tal-Qorti, għandha wkoll tinżamm fir-reġistru.", jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jinżamm dan ir-reġistru? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm persuni li diġà tniżżlu f’dan ir-reġistru?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li dan ir-reġistru qed jinżamm mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali. Inżid ngħid ukoll li diġà hemm xi persuni mniżżla f’dan ir-reġistru.

Servizz tal-Ambulanza tal-Annimali – iċċekkjar għal Microchip

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk meta s-servizz tal-ambulanza tal-annimali jsib kelb mejjet jeħux nota jekk dak il-kelb ikollux microchip jew le? Xi jkun il-pass li jmiss bl-informazzjoni misjuba?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħala parti mis-servizz offrut mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali meta jiġi rappurtat kelb mejjet, dan jiġi ċċejkat għall-mikroċippa u jekk tali kelb ikun identifikat elettronikament, is-sid jiġi mgħarraf li l-kelb tiegħu instab mejjet. Jekk inkun hemm suspett ta’ abbandun jew maltrattament, tali każ jista’ jiġi investigat ulterjorment.

Direottorat għall-Ħarsien tal-Annimali – klieb li jinstabu mejta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jesiġix li meta kelb jinstab mejjet mill-Cleansing Department, dan juża microchip reader biex ikun jista’ jiċċekkja jekk il-kelb kienx ta’ xi ħadd, peress li ġeneralment ikun dan id-dipartiment li jiġbor u jiddisponi minn dawn il-klieb?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hemm arranġament bejn id- Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja u l-Wasteserv biex il-mikroċippi ta’ klieb mejta kollha li jittieħdu fil-Faċilità ta' Trattament Termali jiġu notifikati lilhom bħala l-Awtorità Kompetenti responsabbli mill-identifikazzjoni elettronika tal-klieb irrispettivament jekk dan ikunux inġabru mill-Cleansing and Maintenance Department jew minn sorsi privati.

Klieb li jinstabu mejta — Servizz biex jiġu mgħarrfa s-sidien

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk hemmx servizz li permezz tiegħu s-sidien ta' klieb li jinstabu mejta barra jiġu mgħarrfa li jkun instab il-kelb tagħhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li taħt is-servizzi offruti mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, meta l-ambulanza tal-annimali tissejjaħ fuq kelb li jinstab mejjet f’xi post pubbliku, l-uffiċjali jaqraw il-mikroċippa u jekk kelb ikun identifikabbli elettronikament is-sid jiġi nnotifikat.

Iċċipjar tal-klieb — Kontrolli

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari preċedenti, fejn il-Ministru kien qal li l-klieb jiġu ċċekjati jekk humiex microchipped jew le biss, f’każijiet li uffiċjali tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jkollhom rapport ta’ inċidenti ta' moħqrija fuq il-klieb, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid jekk wasalx iż-żmien li d-Direttorat ikollu persuni li xogħolhom ikun proprju li jduru minn jeddhom postijiet varji fejn jgħixu l-klieb u jiċċekkjaw għal din l-identifikazzjoni elettronika, kif ukoll jitwaqqfu persuni bi klieb barra u permezz ta’ microchip readers jiċċekkjawhom dak il-ħin?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-iċċekkjar tal-identifikazzjoni elettronika tal-klieb huwa wieħed mid-dmirijiet tal-ħaddiema tad- Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali li jagħmlu xogħol relatat ma’ spezzjonijiet u nfurzar.

Iċċipjar tal-klieb

Question

Fid-dawl li skont S.L.437.101 - Regolamenti Dwar l-Identifikazzjoni Elettronika tal-Klieb, mill-2012 huwa doveruż li kull sid, jara li l-kelb ikun iċċipjat mill-età ta’ 4 xhur u li jekk dan ma jsirx, hemm ukoll multa li trid titħallas, jista’ l-Ministru jgħid x'qed jara biex din il-liġi tiġi rispettata?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li meta d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jirċievi evidenza u informazzjoni adegwata fuq persuna, speċifikament sid ta’ kelb ta’ eta 4 xhur jew aktar li mhux iċċipjat, id-Direttorat jieħu azzjoni ta’ infurzar skont l-artiklu 11 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 437.101 li huwa r-Regolament dwar l-Identifikazzjoni Elettronika tal-Klieb.

Database ta’ klieb reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati klieb kull sena mill-2012 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari skont id-Database li dawn suppost jiġu reġistrati fiha?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha, kif mitlub, se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit.

Klieb mhux reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew misjuba individwi mill-2012 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, li ma kellhomx il-kelb tagħhom reġistrat? Jista’ jgħid ukoll x'ġara minn dawn il-każi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha, kif mitlub, se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali assistix fis-salvataġġ tal-kelb Bobby? Jekk le, jista’ l-Ministru jispjega għaliex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jista' jikkonferma li l-każ dwar l-imsemmi kelb ġie rrappurtat fit-18 ta' Jannar permezz tal-linja 1717. L-imsemmi każ kien rapport dwar talba għal spezzjoni fuq kelb miżmum f'kundizzjonijiet ħżiena u li skont min irrapporta l-każ, jidher li kellhu kundizzjoni fil-ġilda, u li kien jinsab fi proprjetà ta' terzi. Is-sejħa għalhekk ġiet mgħoddija lis-servizzi tal-ispettorat għal aktar investigazzjonijiet. Il-kelb qieghed fil-kustodja tal-l-Abandoned Animals Association (AAA), u l-każ ġie moghddi u qed jigi nvestigat mill-Pulizija.

Dfin tal-annimali

Question

Fid-dawl li ma jeżistix ċimiterju fejn wieħed jista’ jidfen l-annimal tiegħu meta jmut, jista’ l-Ministru jindika x'jista wieħed jagħmel?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li skont ir-Regolament tal-Kunsill tal-UE 1069/2009, annimali domestiċi mejta jistgħu jiġu inċinerati f’wieħed mill-faċilitajiet approvati jew inkella midfuna fil-proprjetà privata tas-sid.

Kremazzjoni tal-annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-preżent jeżistix xi forma ta' krematorju pprovdut mill-Gvern għal kull min jgħaddi mill-esperjenza meta jmutlu l-annimal tiegħu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-preżent ma jeżistix xi forma ta' krematorju pprovdut mill-Gvern. Madanakollu wieħed jista’ jagħmel użu mill-inċeneratur privat approvat.

Mewt ta’ annimali — Soluzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi s-soluzzjoni fil-każ li wieħed imutlu l-annimal tiegħu u ma hemmx ċimiterju fejn jista’ jidfen jew jikkrema l-annimal tiegħu?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 15568 u 15569.

Studenti li jirrappreżentaw lil Malta f’attivitajiet sportivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istudenti li jirrappreżentaw lil Malta fi kwalunkwe tip ta' attività sportiva jiġux skużati milli jattendu l-iskola? Jista’ jgħid ukoll jekk meta jsir dan, anke jekk jiġu skużati u allura ma jitniżżlux bħala assenti fl-attendenza, jitnaqqasx l-istipendju ta' dawn l-istudenti?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-Universita ta’ Malta hemm skema bl-isem Student Athlete Support Programme (SASP) biex tħeġġeġ lill-istudenti jieħdu sehem f’attivitajiet sportivi kemm nazzjonali u anke internazzjonali. L-istudenti jridu jinfurmaw lil mentor tal-isport sabiex b’hekk jġu eżentati. Infurmat li kemm l-istudenti li jgħamlu parti mil-iskema tal-Universita u kif ukoll l-istudenti tal-MCAST li jirrappre¿enaw lil Malta fi kwalunkwe tip ta’ attivita sportiva ma jkollomx tnaqqis fl-istipendju. Infurmat ukoll li f’livelli varji dawk l-istudenti li jieħdu sehem f’attivitajiet sportivi kemm lokali u dawk internazzjoni jiġu skużati u ma jkollomx tnaqqis fl-istipendju.