Legislature:
Category:
Reset
Active:

Klinika tal-annimali privata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa ż-żmien medju li annimal qed idum fil-klinika li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid ukoll jekk din il-klinika hux qed titħallas biex iżżomm l-annimali wara li jgħaddi ż-żmien tar-recovery?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tingabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – Klieb u qtates

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm hemm attwalment klieb u qtates fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm pens u spazji allokati għal dawn l-annimali fl-Għammieri?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Ta’ Qali — Petting Farm - Luna Park - Benessere tal-annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn mill-Park Nazzjonali kollu f'Ta' Qali ntgħażel proprju l-ispazju li jmiss immedjat mal-Petting Farm? Jista’ jgħid ukoll jekk jikkunsidrax li jressaq il-Luna Park 'il bogħod biex b'hekk ikun qed jagħti kas il-benesseretal-istess annimali hekk kif issuġerietlu wkoll il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19550.

Cat Feeders — Skema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta se tidħol fis-seħħ l-iskema li se tkun qed tgħin lill-Cat Feeders?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Iskema tal-Cat Feeders ġiet imħabbra u ser tidħol fis-seħħ fil-ġranet li ġejjin mal-pubblikazzjoni tar-Regolamenti tal-2024 dwar Persuni li Jagħlfu l-Qtates.

Cat Feeders — Skema - Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-fondi għall-iskema li se tkun qed tgħin lill-Cat Feeders hux se jiġu allokati lil kull kunsill lokali bl-istess ammont jew skont l-ammont ta’ feeders li se japplikaw?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kull kunsill lokali li applika se jiġi allokat valur ta' €5,000 għall-iskema tal-Cat Feeders.

Kliniċi magħżula biex jagħtu servizz/trattament mediku għall-annimali midruba miġbura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kliniċi li ntgħażlu bħala spalla sakemm jinfetaħ l-isptar APH hux ser jibqgħu jagħtu dan is-servizz meta l-isptar tal-annimali jerġa’ jinfetaħ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kull servizz offrut minn operaturi ta’ kliniċi veterinarji approvati huwa marbut ma’ valur u perjodu ta’ żmien definiti kuntrattwalment. Huma dawn il-parametri li jiddeterminaw kemm servizz idum attiv. Barra minn hekk, l-esiġenzi tas-servizz jiddeterminaw jekk jinħarġux sejħiet ulterjuri biex iservu ta’ sostenn irrispettivament mill-ftuħ tal-Isptar tal-Annimali.

EXPO

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li attendew għall-fiera tal-EXPO u kemm minnhom kienu uffiċjali jew persunal mis-settur pubbliku?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li attendew 55,000 persuna. Infurmat ukoll li ma ntalbitx informazzjoni minn liema strata tal-ħajja kienu ġejjin dawn il-persuni.

Ta’ Qali — Petting Farm - Luna Park - Benessere tal-annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx evalwazzjoni fuq il-benesseretal-annimali kollha ġewwa l-Petting Farm f'Ta' Qali qabel ġie allokat il-post għal Luna Park eżatt ħdejhom?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19550.

Ta’ Qali — Petting Farm - Luna Park

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tax kas jew weġibx għall-istqarrija li għamlet l-istess Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali biex il-Luna Park f'Ta' Qali ma titpoġġiex eżatt ħdejn il-Petting Farm minħabba storbju li żgur se jikkawża stress fuq l-istess annimali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lil Onor. Interpellanta li l-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijet tal-Annimali ma kienx involut f’għażla tas-sit għal-Luna Park. Madanakollu, minn spezzjonijiet ġewwa l-Petting Farm f’Ta’ Qali li wettaq id-Dipartiment responsabbli mill-benesseri tal-annimali, irriżulta li ma kienx hemm sinjali ta’ stress li jaffettwaw l-imġiba u l-benesseri tal-annimali waqt li l-Luna Park kienet qed topera.

Kors ta' veterinarju – Kwalifiki

Question

B’referenza għat tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 19152 u 19158, fejn il-Ministru ta x'jifhem li m'għadux il-Ministru kkonċernat mill-Isptar tal-Ħarsien tal-Annimali, jista’ l-Ministru jgħid b'mod formali lil liema Ministeru/Ministru dan ser ikun qed jappartjeni?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 19445.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – Trattament

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'ser ikun qed jiġri mill-annimali midruba residenti fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali? Jista' jgħid jekk dawn hux se jibqgħu jiġu trattati f'dan l-istess sptar?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-annimali midruba li jinġabru mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali ser ikomplu jingħataw trattamenti fl-Isptar tal-Annimali meta dan jerġa’ jibda jopera u kif ukoll jekk ikun hemm bżonn, fi kliniċi oħra skont l-eżiġenzi tas-servizz.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – Servizz mediku xieraq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta ftehim ser ikun hemm bejn iż-żewġ ministeri differenti biex l-annimali miġbura mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jingħatalhom servizz mediku xieraq?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-konċessjoni oriġinali li kienet fis-seħħ mal-operatur preċedenti ġiet trasferita lill-MCAST, li jaqa’ taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, bl-istess kundizzjonijiet, inklużi, u mhux biss, is-servizzi u l-kura veterinarja offruti lid-Dipartiment għat-Trattament Xieraq tal-Annimali.

Sptar APH

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Isptar tal-Annimali APH hux ser ikun parti minn entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, dan kif ser jaħdem mal-Ministeru li hu nkarigat mill-annimali u l-ħarsien tagħhom?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Kors ta' veterinarju — Kwalifiki

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19152 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u ċjoè: Issa li ġie mħabbar li ser jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-kors ta' veterinarju ġewwa pajjiżna, jista’ l-Ministru jgħid x'ser ikunu l-eżamijiet mitluba u rikjesti biex wieħed ikun ikkunsidrat biex japplika u jiġi approvat?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li tali informazzjoni ser tiġi ppubblikata matul ix-xahar ta’ Ġunju.