Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsilli Lokali – Animal Stewards

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm Animal Stewards jaħdmu mal-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex, maqsuma skont il-kunsill?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Animal Stewards jiġu ngaġġati mill-Kunsilli Lokali u jaqgħu taħt ir-responsabbiltà amministrattiva tal-istess Kunsilli. Għaldaqstant, nitlobha tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Qtates u klieb tat-triq – Sterilizzazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew sterilizzati qtates u klieb tat-triq permezz ta' skemi ffinanzjati mill-Gvern matul l-2024, l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll x'kienet in-nefqa għal kull sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Abbandun ta’ klieb – Każijiet irrapurtati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il każ ta' abbandun ta' klieb ġie rrapurtat matul l-aħħar tliet snin, maqsuma għal Malta u għal Għawdex? Tista’ tgħid ukoll x’passi ttieħdu fil-konfront ta' min inqabad jagħmel dan?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Santwarji – Skemi ta’ għajnuna għas-servizzi veterinarji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ibbenefikaw santwarji mill-iskemi ta' għajnuna għas-servizzi veterinarji matul l-aħħar sentejn, kemm ġew approvati għajnuniet għal kull santwarju u kemm effettivament tħallsu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul is-sena 2025, minn din l-iskema bbenefikaw 15-il organizzazzjoni mhux governattiva (NGOs), li bejniethom ingħataw €82,475. Matul din is-sena, s’issa bbenefikaw 13-il organizzazzjoni u bejniethom ingħataw €76,650.

Żamma tal-annimali – Santwarji/NGOs – Benefiċċji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm mis-santwarji u NGOs li għandhom x'jaqsmu maż-żamma tal-annimali ngħataw xi tip ta' benefiċċju matul l-aħħar ħames snin? Tista’ tgħid ukoll min kienu u x'kienet l-għajnuna li ngħatat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Żamma tal-annimali – Santwarji/NGOs

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista sħiħa ta’ santwarji u NGOs li għandhom x'jaqsmu maż-żamma tal-annimali? Tista’ tgħid ukoll kemm għandhom annimali kull santwarju u NGO sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – Klieb ikkonfiskati f’Bengħajsa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn klieb li ġew ikkonfiskati minn uffiċjali tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali minn post ġewwa Bengħajsa fuq allegat negliġenza, ingħataw għall-addozzjoni fl-immedjat? Tista’ tgħid ukoll x'ser jiġri wara li l-Qorti ddeċidiet li dawn il-klieb kellhom jiġu rritornati lura għand is-sid?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – Operat tal-veterinarji – Annimali miġbura

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew miġbura annimali, minn meta l-operat tal-veterinarji qed isir minn ġewwa l-Għammieri stess, u x’annimali kienu? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn l-annimali ġew imraqqda, maqsuma skont it-tip ta' annimal? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm talba biex ikun hemm investigazzjoni fuq l-operat tal-veterinarji ġewwa l-Għammieri?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – Veterinarji/staff mediku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm veterinarji u staff mediku jaħdmu mad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, biex dan is-servizz ikun jista’ jingħata 24 siegħa kuljum u b'hekk l-annimali li jiġu salvati, jingħataw il-kura meħtieġa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali għandu żewġ veterinarji assititi minn Veterinary Technical Officer (VTO). Sabiex jiġi żgurat li l-annimali salvati jkollhom aċċess għall-kura veterinarja meħtieġa f’kull ħin, inkluż f’każijiet ta’ emerġenza, il-ħidma tal-veterinarji tad-Direttorat hija ssupplimentata b’arranġamenti ma’ kliniċi veterinarji privati meta l-veterinarji tad-Direttorat ma jkunux disponibbli.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – Għajnuna veterinarja – Annimali meħuda ġewwa l-Għammieri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn meta bdew jittieħdu direttament ġewwa l-Għammieri għall-għajnuna veterinarja l-annimali misjuba mill-ambulanza tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, minflok jittieħdu ġewwa klinika?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Il-Fgura – Użu tal-klinika tal-annimali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm pazjenti użaw il-klinika tal-annimali fil-Fgura? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn il-pazjenti ġew trattati bħala emerġenza, u allura ngħataw lura l-flus ta' hekk kif daħlu ġewwa l-klinika skont il-ħin li ddaħħlu, u kemm ma ġewx aċċettati bħala emerġenza?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni disponibbli hija fuq livell ta’ każijiet, mhux ta’ pazjenti uniċi. B’kollox kien hemm 2,080 każ/applikazzjoni marbuta mal-użu tal-klinika tal-annimali fil-Fgura. Minn dawn: ·        1,684 (80.96%) ġew approvati bħala emerġenza u ngħataw rifużjoni approvata li kollettivament tammonta għal €237,210 ·        183 (8.8%) ġew miċħuda, jiġifieri ma ġewx aċċettati bħala emerġenza ·        213 (10.24%) qed jiġu proċessati Tajjeb li jiġi ċċarat li kull viżta li tidħol fil-ħinijiet uffiċjali tal-emerġenza veterinarja jiġu awtomatikament ikkunsidrati għal rifużjoni tal-miżata tal-konsulta veterinarja. Il-Gvern jirrifondi biss il-ħlas tal-konsultazzjoni tal-emerġenza. Il-ħlasijiet huma: ·    €70 għal emerġenza nhar il-Ħadd jew festa pubblika (il-ġurnata kollha); ·    €140 għal emerġenza bejn 8pm u 10pm; ·    €190 għal emerġenza bejn 10pm u 8am. M’hemmx rifużjoni fuq spejjeż bħal mediċini, X-rays, kirurġija, ospitalizzazzjoni u testijiet oħra u konsumibbli.

Ta’ Qali – Sptar tal-annimali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal l-isptar tal-annimali ġewwa Ta’ Qali, issa li ilu magħluq 'il fuq minn sentejn?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet infrastrutturali ewlenin fl-Isptar tal-Annimali f’Ta’ Qali ġew konklużi. Il-proġett bħalissa jinsab fl-istadju ta’ tlestija tal-proċessi meħtieġa għar-rilokazzjoni, l-installazzjoni, il-kummissjonar u ċ-ċertifikazzjoni tat-tagħmir u s-sistemi relatati, kif ukoll l-indirizzar ta’ numru ta’ punti pendenti. Barra minn hekk, għadhom għaddejjin il-verifiki u l-proċessi meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti regolatorji, operattivi, kuntrattwali u proċedurali kollha qabel il-faċilità tkun tista’ tibda topera b’mod sħiħ.

Bormla – Investigazzjoni dwar pantera

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet wara li nstabet pantera f’Bormla 'l fuq minn sitt xhur ilu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-investigazzjoni twettqet mill-Korp tal-Pulizija u li matulha ntalbet l-assistenza tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali. Kwalunkwe informazzjoni dwar l-istatus jew l-eżitu tal-investigazzjoni, kif ukoll dwar kwalunkwe azzjoni li setgħet ittieħdet bħala riżultat tagħha, taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Korp tal-Pulizija.  Għaldaqstant, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali mhuwiex f’pożizzjoni li jipprovdi aktar kummenti jew informazzjoni dwar din il-kwistjoni.

In-Naxxar – Investigazzjoni dwar iljuni u panteri abbandunati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslet l-investigazzjoni li bdiet 'il fuq minn 18-il xahar ilu dwar il-ħames iljuni u panteri li kienu nstabu abbandunati u fi stat ħażin ġewwa razzett fin-Naxxar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-erba’ ljuni u leopard ġew rilokati f’post ieħor. Waqt l-ispezzjoni, d-dimensjonijiet tal-kompartimenti nstabu li kienu adegwati. Madankollu, ġew identifikati xi nuqqasijiet li l-persuna responsabbli kellha tindirizza. Infurmata wkoll li, fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, hemm kawża pendenti fil-Qorti.

Cat Cafès

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji ta' qisien li jrid ikollu cat cafè u x'inhu mistenni li jkun hemm qabel jinfetaħ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, skont il-linji gwida tal-Iskema ta’ Sapport għall-Kunsilli Lokali għat-Twaqqif ta’ Spazji Rikreattivi Miftuħa, Żoni ta’ Logħob Sensorjali u Green Pockets li jinkludu Dog Parks u Cat Cafès 2026, is-sit propost għandu jkun ta’ mill-inqas 1,500 metru kwadru, li minnhom 80 % jintuża għal landscaping  u pajsaġġ u mhux aktar minn 20 % għall-cat cafè. Il-cat cafè nnifsu m’għandux qisien fissi iżda jrid ikun fi proporzjon ma’ dan l-20 % u għandu jinżamm segregat b’mod ċar miż-żona tal-ġnien. Qabel ma cat cafè jinfetaħ, il-Kunsill Lokali jrid jissottometti pjanta tas-sit iffirmata minn perit (skala 1:5000), jikseb il-permessi regolatorji kollha meħtieġa, jipprovdi prova ta’ sjieda jew dritt ta’ użu tal-art, u jkollu stima finanzjarja dettaljata. L-applikazzjoni tibqa’ pendenti għal disa’ xhur sakemm jinkisbu l-permessi, u l-ftehim jiġi ffirmat biss meta jiġu ppreżentati kollha.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali - Klinika - Inkjesta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali kinitx talbet biex tinbeda inkjesta fuq il-klinika li kienet tintuża mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali u kif l-annimali kienu qed jingħataw is-servizz mediku? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid għaliex l-annimali baqgħu jintbagħtu hemm sakemm tneħħa kull dubju?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali mhuwiex l-awtorità kompetenti biex jinvestiga kliniċi privati. Ir-regolamentazzjoni u s-sorveljanza tal-kliniċi privati jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur responsabbli għas-servizzi veterinarji, skont ir-Regolamenti dwar il-Liċenzjar ta’ Stabbilimenti Veterinarji Privati.

Każ ta’ mewt ta’ kelb

Question

Jista’ l-Ministru jgħid biex miet il-kelb tar-razza Shih Tzu nhar il-Ġimgħa 17 ta' April, 2026 u jikkonferma li dan kien kelb li ġie kkunfiskat mingħand sidu għax ma kienx trattat sewwa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni qed tingabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali - Klinika - Annimali mejta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm annimali li mietu ġewwa l-klinika li kienet tintuża mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali wara li ġew megħjuna mill-ambulanza, u jaqsam in-numri skont l-ispeċi differenti?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-istatistika għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.