Legislature:
Category:
Reset
Active:

Is-Servizz u s-Settur Pubbliku – Ħaddiema li jaħdmu b’mod remot

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 489 u 995 u jgħid kemm hemm ħaddiema fis-Servizz Pubbliku u s-Settur Pubbliku li, skont in-natura tax-xogħol tagħhom, jistgħu jaħdmu b’mod remot, u kemm minnhom diġà qegħdin jaħdmu b’mod remot? Jista’ jgħid ukoll jekk dan ix-xogħol remot isirx fuq bażi full-time, part-time jew hybrid?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Il-Mellieħa – Librerija pubblika – Arranġamenti alternattivi

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 486 u 992 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport u lill-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali u tgħid x’arranġamenti alternattivi ser jingħataw lill-istudenti u lir-residenti tal-Mellieħa wara l-għeluq tal-librerija pubblika fil-Mellieħa? Tista’ tgħid ukoll meta dawn l-arranġamenti ser jidħlu fis-seħħ?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li għad ma nstabx lok alternattiv u ċentrali biżżejjed minn fejn tkun tista’ topera l-librerija u li d-Diviżjoni għall-Gvern Lokali offriet li tassisti biex jekk il-Kunsill jidentifika post, ikun jista’ jingħata s-sapport.

San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa – Bypass – Rotot alternattivi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 993 dwar x’xogħlijiet, studji jew pjanijiet saru s’issa dwar rotot alternattivi mill-bypass ta’ San Pawl il-Baħar lejn il-Mellieħa, fejn ġie mwieġeb li “bħalissa, Infrastructure Malta qiegħda tivvaluta numru ta’ proposti.”, jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma dawn il-proposti u xi studju sar fuqhom?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta u l-Ministeru ser ikunu qed jagħtu aktar dettalji fil-mument opportun.

San Pawl il-Baħar - Maħras ta’ Tabibu - Restawr

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 928 u jgħid jekk hemmx fondi allokati jew ippjanati għar-restawr, il-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-Maħras ta’ Tabibu, f’San Pawl il-Baħar u meta huwa mistenni li jibdew dawn l-interventi?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1117.

San Pawl il-Baħar - Maħras ta’ Tabibu - Inventarju Nazzjonali tal-Proprjetà Kulturali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 927 u jgħid għaliex il-Maħras ta’ Tabibu, f’San Pawl il-Baħar għadha mhijiex inkluża fl-Inventarju Nazzjonali tal-Proprjetà Kulturali, minkejja s-sinifikat storiku u kulturali tagħha? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjan biex din l-ommissjoni tiġi indirizzata?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onorevoli Intepellant li ġejt infurmat li l-eżerċizzju għall-inklużjoni ta’ siti u proprjetajiet fl-Inventarju Nazzjonali huwa proċess kontinwu. Is-Sovrintendenza twettaq dawn l-eżerċizzji fuq bażi tematika, sabiex tiżgura approċċ sistematiku u konsistenti. Dawn l-eżerċizzji jeħtieġu żmien adegwat biex issir riċerka, id-dokumentazzjoni u l-ispezzjonijiet meħtieġa, bil-għan li jiġi vvalutat il-valur tal-wirt kulturali ta’ kull sit jew proprjetà li tista’ tiġi kkunsidrata għall-inklużjoni fl-Inventarju Nazzjonali.

San Pawl il-Baħar - Maħras ta’ Tabibu

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 926 u jgħid jekk sarx rapport tekniku jew stħarriġ strutturali dwar il-kundizzjoni tal-Maħras ta’ Tabibu, f’San Pawl il-Baħar? Jekk iva, meta sar u x’kienu l-konklużjonijiet tiegħu?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

L-informazzjoni tingħata fis-seduti li ġejjin.

MFHEA - Istituzzjonijiet eżistenti - Pjan ta’ tranżizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) għandhiex pjan ta’ tranżizzjoni għall-istituzzjonijiet eżistenti sabiex jiġi evitat li studenti li diġà jinsabu reġistrati jiġu affettwati mir-regolamenti l-ġodda dwar it-tagħlim online u blended?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-ebda student irreġistrat mhu ser jiġi affettwat, hekk kif li din il-komunikazzjoni ma timponix rekwiżiti ġodda fuq istituzzjonijiet li kienu diġà liċenzjati mill-MFHEA u ma għandhiex effett retroattiv fuq liċenzji jew programmi eżistenti.

Programmi online jew blended - Istituzzjonijiet ġodda - Liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il istituzzjoni ġdida applikat għal liċenzja biex toffri programmi online jew blended matul l-2025 u l-2026, u kemm minn dawn ġew approvati, miċħuda jew għadhom pendenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni hija kif qed inpoġġiha fuq il-mejda tal-kamra.

Tagħlim online u blended - Valutazzjoni tal-impatt fuq il-kompetittività

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx valutazzjoni tal-impatt li r-regolamenti l-ġodda dwar it-tagħlim online u blended jistgħu jkollhom fuq il-kompetittività ta’ Malta bħala ċentru internazzjonali għall-edukazzjoni terzjarja? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja ta’ din il-valutazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li jekk din il-Mistoqsija Parlamentari tirreferi għall-Komunikazzjoni MFHEA/04/2026, din ma introduċietx regoli ġodda, iżda spjegat b'mod aktar ċar kif l-Awtorità ta' Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) ser tapplika l-liġijiet u r-regoli li diġà jeżistu għall-applikazzjonijiet ġodda ta' istituzzjonijiet kompletament online. Din il-pożizzjoni hija bbażata fuq ir-responsabbiltajiet legali tal-MFHEA u tqis ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tar-reviżjoni tal-ENQA tal-2024, li enfasizzat il-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-kwalità u s-sorveljanza tas-settur. Il-Komunikazzjoni tapplika biss għal applikazzjonijiet ġodda u ma taffettwax istituzzjonijiet li diġà għandhom liċenzja jew dawk li l-proċess tal-liċenzja tagħhom kien diġà beda. L-għan huwa li jinżammu standards għoljin ta' kwalità u tkompli tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta' Malta bħala ċentru ta' edukazzjoni avvanzata u ogħla.

Tagħlim online u blended - Appoġġ lill-istituzzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux ser jipprovdi xi forma ta’ appoġġ tekniku jew finanzjarju lill-istituzzjonijiet affettwati sabiex jimplimentaw ir-rekwiżiti l-ġodda dwar it-tagħlim online u blended?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li dawn il-miżuri ma japplikawx għal istituzzjonijiet li diġà huma liċenzjati jew għal applikazzjonijiet li l-proċess inizjali ta' liċenzjar tagħhom kien diġà beda.

MFHEA - Istituzzjonijiet liċenzjati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm istituzzjonijiet liċenzjati mill-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) li mistennija jkollhom ibiddlu jew jadattaw il-mudell edukattiv tagħhom sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti l-ġodda dwar it-tagħlim online u blended?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Komunikazzjoni MFHEA/04/2026 maħruġa mill-Awtorità ta' Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) ma tapplikax għal istituzzjonijiet li kienu diġà liċenzjati mill-MFHEA jew għal applikazzjonijiet li l-proċess inizjali ta' liċenzjar tagħhom kien diġà beda.  Għaldaqstant l-ebda istituzzjoni li kienet diġà liċenzjata mhi mistennija tibdel jew tadatta l-mudell edukattiv tagħha bħala riżultat ta’ din il-komunikazzjoni.

San Pawl il-Baħar - Maħras ta’ Tabibu

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 925 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali u jgħid jekk il-Gvern huwiex konxju mill-istat perikoluż li fih jinsab il-Maħras ta’ Tabibu fil-Bajja ta’ San Pawl il-Baħar, u x’azzjoni immedjata ttieħdet jew ser tittieħed sabiex tiġi evitata l-kollass ta’ dan il-monument storiku?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

MFHEA/04/2026 - Istituzzjonijiet tal-edukazzjoni terzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’konsultazzjoni saret mal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni terzjarja qabel ġiet implimentata l-Komunikazzjoni maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) Nru /04/2026 dwar il-provvista ta’ tagħlim online u blended?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-Komunikazzjoni MFHEA/04/2026 inħarġet mill-Awtorità ta' Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) bil-għan li tiċċara l-kundizzjonijiet applikabbli għal entitajiet prospettivi li jkunu qed japplikaw għal liċenzja ġdida sabiex joperaw bħala istituzzjonijiet tal-edukazzjoni avvanzata u ogħla kompletament online. Infurmat li din tapplika għal applikanti ġodda u ma taffettwax istituzzjonijiet diġà liċenzjati jew applikazzjonijiet li kienu diġà bdew il-proċess ta' liċenzjar.

Malta – Problema tal-parkeġġ – Pjan ħolistiku

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 495 u jgħid jekk il-Gvern għandux pjan ħolistiku biex jindirizza l-problema tal-parkeġġ madwar il-pajjiż, u jekk iva, jipprovdi dettalji dwar il-miżuri ppjanati, il-lokalitajiet prijoritarji, il-miri u t-timeline għall-implimentazzjoni?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, matul din il-leġiżlatura, il-Ministeru qiegħed jaħdem fuq Strateġija Nazzjonali tal-Parkeġġ bħala parti mill-implimentazzjoni tal- Malta in Motion . Din l-istrateġija qed tiġi żviluppata fuq il-bażi tal-istudji li qed isiru mill-ARUP u ser tindirizza, fost l-oħrajn, id-domanda għall-parkeġġ. L-istrateġija ser tagħmel enfasi fuq parkeġġi fil-periferiji tal-lokalitajiet, flimkien ma' servizzi ta' trasport pubbliku ċirkolari li jiffaċilitaw l-aċċess lejn iċ-ċentri tal-lokalitajiet.

Ġestjoni u miżuri relatati mat-traffiku – Użu tal-AI

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 494 u jgħid x’inhu l-progress tal-Gvern fl-użu jew l-adattament tal-intelliġenza artifiċjali (AI), fil-ġestjoni tat-traffiku u fil-miżuri relatati mat-traffiku? Jista’ jgħid ukoll liema proġetti pilota, tenders jew sistemi diġà ġew ippjanati jew implimentati?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 494.

Il-Palazz ta’ Selmun – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 492 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u jgħid meta hu ppjanat li jibdew ix-xogħlijiet ta’ restawr fil-Palazz ta’ Selmun, x’inhu l-istadju attwali tal-proġett, u jekk hemmx timeline stabbilita għat-tlestija tiegħu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi r-restawr tal-Palazz ta’ Selmun jifforma parti mill-Proġett ta’ Selmun, li għandu l-għan li jirriġenera s-sit b’mod li jibbilanċja l-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, ambjentali, soċjali u kulturali, filwaqt li jiżgura s-sostenibbiltà u l-valur fit-tul, f’konformità mal-Viżjoni 2050. Il-Gvern għandu l-intenzjoni li joħroġ Sejħa Kompetittiva għall-Proposti (Request for Proposals – RFP) sabiex jistieden proposti minn partijiet interessati, filwaqt li jiżgura trasparenza u valur għall-flus. Saret ukoll Analiżi tal-Ispejjeż u l-Benefiċċji (Cost Benefit Analysis – CBA) sabiex issostni l-valutazzjoni strateġika u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan l-approċċ jipprovdi qafas ċar u strutturat għall-Proġett ta’ Selmun, sabiex id-deċiżjonijiet jittieħdu fuq il-bażi ta’ analiżi soda u permezz ta’ proċess kompetittiv, bil-għan li jinkiseb l-aħjar riżultat għas-sit u l-madwar tiegħu. Fir-rigward tal-programm ta’ implimentazzjoni u l-iskedi ta’ żmien, dawn ikunu jistgħu jiġu stabbiliti u żvelati f’aktar dettall fi stadju sussegwenti, ladarba jitlestew il-proċessi meħtieġa.

Bajja tal-Miżieb – Moorings

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-moorings fil-Bajja tal-Miżieb (Mistra Bay) humiex ser ikunu parti mill-proċess ta’ riorganizzazzjoni tal-moorings li Transport Malta qed twettaq? Jekk iva, jista’ jgħid meta huwa mistenni li dan il-proċess jitwettaq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-intenzjoni tal-Awtorità hija li, eventwalment, iż-żoni kollha tal-irmiġġi amministrati minnha, inkluża l-Bajja tal-Miżieb ( Mistra Bay ), ikunu inklużi fi proċessi ta’ riorganizzazzjoni. Tajjeb li tkun taf li r-riorganizzazzjoni ma tistax ssir fil-bajjiet kollha f’daqqa, u dan minħabba sigurtà, buon ordni u finanzi.

Is-Servizz u s-Settur Pubbliku – Ħaddiema li ma jistgħux jaħdmu b’mod remot

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 491 fl-intier tagħha u jipprovdi tabella li turi, għal kull sezzjoni jew entità fis-Servizz Pubbliku u fis-Settur Pubbliku, in-numru ta’ ħaddiema assenjati, in-numru ta’ ħaddiema li ma jistgħux jaħdmu b’mod remot, u r-raġuni għaliex?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 491

Is-Servizz u s-Settur Pubbliku – Ħaddiema li jaħdmu b’mod remot – Kundizzjonijiet/kriterji

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 490 u jgħid liema sezzjonijiet, dipartimenti, direttorati, aġenziji jew entitajiet fis-Servizz Pubbliku u fis-Settur Pubbliku għandhom ħaddiema li jaħdmu b’mod remot, kemm hemm ħaddiema f’kull waħda minnhom, u x’inhuma l-kundizzjonijiet jew kriterji applikabbli biex ħaddiem ikun jista’ jaħdem b’mod remot?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Is-Servizz u s-Settur Pubbliku – Ħaddiema li jaħdmu b’mod remot

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 489 u jgħid kemm hemm ħaddiema fis-Servizz Pubbliku u s-Settur Pubbliku li, skont in-natura tax-xogħol tagħhom, jistgħu jaħdmu b’mod remot, u kemm minnhom diġà qegħdin jaħdmu b’mod remot? Jista’ jgħid ukoll jekk dan ix-xogħol remot isirx fuq bażi full-time, part-time jew hybrid?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.