Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-perċentwal ta’ ħaddiema li jaqilgħu inqas mill-paga medja skont kif irreġistrati mill-NSO fl-aħħar labor force survey?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sors ta’ din l-informazzjoni huwa l-Istħarrig dwar il-Ħaddiema u s-Suq tax-Xogħol (LFS). Is-salarju nħadem abbażi tal-basic salary annwali (average annual basic salary). L-ammonti ma jinkludux dħul minn overtime, bonuses jew allowances.
In-numru ta’ impjegati li jaqilgħu inqas minn €21,156 bejn Lulju u Settembru 2022 kien ta’ 134,662 għall-persuni full-time u 16,155 għall-persuni part-time jew full-time reduced hours.
Din l-informazzjoni mhix disponibbli għal persuni li jaħdmu għal rashom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati li tilfu l-impjieg matul l-aħħar tliet xhur tas-sena 2022?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont il-formoli tat-tmiem tal-impjieg li tirċievi Jobsplus, in-numru ta’ impjegati li tilfu l-impjieg (redundant) fl-aħħar tliet xhur tas-sena 2022 kien ta 672.
Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni qed issir biex ikun żgurat li jekk ikun hemm trasferiment ta’ negozju b’tender tal-Gvern, l-impjegati kollha jiġu trasferiti bl-istess paga, bl-istess kundizzjonijiet tax-xogħol u sinjorità?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Evalwazzjoni tal-ħiliet għall-immigranti minn pajjiżi terzi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kif qed tiġi determinata l-evalwazzjoni tal-ħiliet għall-immigranti minn pajjiżi terzi, u x'qed isir biex jiġi żgurat li dawn l-individwi jkunu qed jaħdmu bl-iskills set li għandhom?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hija r-responsabilità ta’ kull employer li jara li l-ħaddiema kollha tiegħu – kemm Maltin u kemm barranin – ikunu qed jagħmlu xogħol li huma kwalifikati u/jew imħarrġa għaliħ.
Għaldaqstant Jobsplus tesiġi li għal kull ħaddiem barrani li employer jimpjega, irid jiffirma dikjarazzjoni fejn jgħid li l-ħaddiem hu kompetenti biex jagħmel ix-xogħol indikat fil-Permess tax-Xogħol u li hu jikkonferma dan fuq bażi ta’:
· Ċertifikati Akkademiċi
· Ittri ta’ Riferenzi provduti jew
· B’kommunikazzjoni diretta mal-impjegat prospettiv.
L-employer jiddikjara wkoll li hu qed jassumi responsabilità ta’ din id-dikjarazzjoni u lest li jissostanzja dan kollu meta jkun mitlub jagħmel hekk.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jinħarġux visas tax-xogħol għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu ibbażati fuq il-ħiliet li għandhom dawn l-immigranti?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ħruġ ta’ visa tax-xogħol lil ċittadini ta’ pajjiż terzi
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħruġ ta' visa tax-xogħol lil ċittadini ta' pajjiżi terzi jkunx ibbażat fuq il-ħiliet tagħhom? Jista’ jagħti l-lista ta’ ħiliet meħtieġa li jeżistu?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ċittadini ta’ pajjiżi terzi – taħriġ obbligatorju f’setturi
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk ċittadini ta' pajjiżi terzi humiex meħtieġa li jagħmlu taħriġ obbligatorju f'setturi li jkunu għażlu li jaħdmu fihom? Għal kemm sar training?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-każijiet fejn ċittadini ta’ pajjizi terzi jinġiebu hawn Malta biex jaħdmu, l-employer jiddikjara li dawn huma kompetenti biex jagħmlu x-xogħol indikat fuq il-permess. Hija r-responsabilità tal-employer li jara li jekk aktar tard l-impjegati tiegħu jinħtieġu xi taħriġ, dan jiġi mogħti lilhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ċittadini ta' pajjiżi terzi reġistrati biex jaħdmu f'Malta u f'Għawdex illum?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-formoli tal-bidu tal-impjieg, sal-aħħar ta’ Awwissu 2022 kien hawn 52,664 ċittadini ta' pajjizi terzi reġistrati jaħdmu f'Malta u f'Għawdex fuq bazi ta’ full-time u part-time only. L-aħħar ċifri ppublikati huma ta’ Awwissu 2022.
Jista’ l-Ministru jagħti kemm hemm VAT refunds li jridu jingħataw u meta dawn se jingħataw?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ‘VAT refunds’ li huma dovuti li jitħallsu bejn Jannar u Mejju 2023 huwa kif ġej:
Xahar
Ammont
Jannar 2023
€34,327,141.17
Frar 2023
€46,259,715.52
Marzu 2023
€12,947,523.39
April 2023
€27,033,313.74
Mejju 2023
€4,061,574.76
‘Refunds’ dovuti għal wara Mejju 2023 ikunu jiddependu minn dikjarazzjonijiet dwar VAT li għad iridu jsiru.
Dipartiment tal-OHSA – żjarat uffiċjali — irregolaritajiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm għamlu żjarat uffiċjali d-Dipartiment tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fl-aħħar sitt xhur u f’liema qasam? Kemm instabu irregolaritajiet? Kemm inqatgħu multi u f’kemm żmien l-irregolaritajiet ġew irranġati?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-OHSA hija Awtorità, mhux Dipartiment. Fl-aħħar sitt xhur tal-2022 saru 2,210 spezzjoni li wasslu għal 219-il ordni biex jittieħdu miżuri ta’ prevenzjoni u 259 ordni biex jitwaqqaf ix-xogħol. Il-parti l-kbira tal-ispezzjonijiet saru fis-settur tal-kostruzzjoni. Barra minn hekk inħarġu 209 multa amministrattiva, waqt li nbdew proċeduri legali f’144 każ separat. Mhijiex eskluża l-possibbiltà li jinħarġu iktar multi amministrattivi, jew li jinbdew iktar proċeduri legali wara li jkunu konklużi l-investigazzjonijiet li jkunu qed isiru mill-Uffiċjali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ Maltin li emigraw biex jaħdmu barra minn Malta? Ta’ liema età?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika iktar il-mistoqsija tiegħu.
L-NSO tista' tipprovdi n-numru ta’ emigranti Maltin skont l-età u s-sess, iżda ma jkollhiex informazzjoni dwar ir-raġuni għal xiex ikunu telqu mill-pajjiż.
Skejjel li ma għandhomx servizz ta’ lift jew turġien ta’ emerġenza f’każ ta’ nirien
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u jgħid kemm-il skola m’għandhiex is-servizz tal-lift u turġien ta’ emerġenza f’każ ta’ nirien? Jista’ jagħti din l-informazzjoni mhux għall-iskola b’mod ġenerali iżda anke kull blokka fejn hu relevanti?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u jgħid kemm-il abbuż sesswali bejn studenti ġie rrappurtat u investigat f’dawn l-aħħar sentejn fl-iskejjel tagħna?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar
Skejjel – Studenti li nqabdu b’electronic cigarette (Vapes)
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u jgħid kemm-il darba nqabdu studenti fl-iskejjel tagħna bl-electronic cigarette (Vape) f’dawn l-aħħar sentejn?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta’ Diċembru tas-sena 2021, l-użu tas-sigaretti u s-sigaretti elettroniċi kien jitniżżel taħt heading wieħed. Minn Jannar tas-sena 2022 dawn ġew separati.
Għaldaqstant matul is-sena 2021, l-Anti-Substance Unit fi ħdan is-Servizzi Nazzjonali tas-Sapport għall-istudenti, rċieva 70 referral dwar l-użu tal-vape u s-sigaretti, filwaqt li matul is-sena 2022 kien hemm 110 każi relatai mal-użu tal-vape.