Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Ippjanar – Dħul minn skemi ta’ kontribuzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti mħallsa lill-Awtorità tal-Ippjanar taħt il-Commuted Payment Parking Scheme (CPPS), l-Urban Improvement Fund (UIF), l-Urban Development Fund (UDF), jew skemi oħra ta’ kontribuzzjoni minflok il-provvista ta’ spazji ta’ parkeġġ meħtieġa skont il-Parking Standards fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar, San Ġwann, Ħal Balzan, Ħ’Attard u l-Imtarfa bejn l-2020 u l-2025, maqsuma sena b’sena u jinkludi: i.    in-numru ta’ spazji ta’ parkeġġ li skont l-Awtorità, kienu neqsin u li fir-rigward tagħhom saret il-kontribuzzjoni msemmija, għal kull permess approvat u għal kull sena, u f’kull waħda minn dawn il-lokalitajiet; u ii.    it-total ta’ fondi mħallsa kull sena (2020-2025), maqsuma skont dawn il-kategoriji tal-iżvilupp: a.    residenzjali; b.    lukandi u stabbilimenti tal-ikel u x-xorb; c.    kummerċjali, inklużi ħwienet u uffiċini; d.    istituzzjonijiet reliġjużi jew soċjali; u e.    industrija?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tiġi miġbura.

Awtorità tal-Ippjanar – Units residenzjali ġodda approvati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ units residenzjali ġodda approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar, San Ġwann, Ħal Balzan, Ħ’Attard u l-Imtarfa bejn l-2020 u l-2025, maqsuma sena b’sena u skont: i.    in-numru ta’ kmamar tas-sodda (kamra waħda, tnejn, tlieta, erbgħa jew aktar); u ii.   it-tip ta’ bini (djar terraced, appartamenti/flats, vilel detached/semi-detached)?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tiġi miġbura.

Humanoid Robot - Dħul f’Malta - Parir legali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1526 u jgħid jekk intalabx jew inkisibx parir legali minn Identità, mill-Pulizija tal-Immigrazzjoni, mill-Avukat tal-Istat jew minn xi awtorità oħra dwar kif għandu jiġi trattat il-każ tad-dħul f’Malta tal-humanoid robot magħruf bħala “Sophia”? Jekk iva, jista’ jgħid meta ntalab dan il-parir u minn min?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 2116.

Humanoid Robot - Dħul f’Malta - Policy/guidelines eżistenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1525 u jgħid jekk Identità, il-Pulizija tal-Immigrazzjoni jew xi awtorità oħra għandhomx policy, linji gwida jew istruzzjonijiet dwar kif għandhom jiġu trattati każijiet fejn humanoid robot, sistema ta’ intelliġenza artifiċjali jew entità mhux umana tiġi ppreżentata ma’ dokument ta’ identifikazzjoni jew vjaġġar? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġijiet li jirregolaw id-dokumenti ta' identifikazzjoni u ta' vjaġġar, fosthom l-Ordinanza dwar il-Passaporti (Kap. 61) u l-Att dwar il-Karti tal-Identità u Dokumenti Oħra ta' Identità (Kap. 258), jirrikonoxxu biss lill-persuni umani. Dawn id-dokumenti jinħarġu biss lil individwi u huma marbuta mal-identità tagħhom, stabbilita mat-twelid u kull dokument jinkorpora fih id-data bijometrika tad-detentur. Dawn jinkludu l-immaġini tal-wiċċ tal-persuna, il-marki tas-swaba' u l-firma. Ir-robots u s-sistemi ta' intelliġenza artifiċjali jaqgħu taħt leġiżlazzjoni oħra, inkluż ir-Regolament (UE) 2024/1689 dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.

Humanoid Robot - Dħul f’Malta - Proċedura amministrattiva applikata

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1524 u jgħid liema proċedura amministrattiva ġiet applikata mill-awtoritajiet Maltin fil-każ tad-dħul f’Malta tal-humanoid robot magħruf bħala “Sophia”, inkluż jekk dan ġiex trattat bħala persuna, oġġett, tagħmir, jew taħt xi kategorija oħra għall-finijiet ta’ kontrolli ta’ fruntiera, sigurtà jew immigrazzjoni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Humanoid Robot - Dħul f’Malta - Passaport/Dokumenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1523 u jgħid jekk mad-dħul f’Malta tal-humanoid robot magħruf bħala “Sophia” ġiex ippreżentat lill-awtoritajiet Maltin xi passaport, visa, permess jew dokument ieħor ta’ vjaġġar jew identifikazzjoni? Jekk iva, jista’ jgħid x’tip ta’ dokument kien, minn liema Stat jew awtorità kien maħruġ, u jekk dan ġiex aċċettat jew irreġistrat mill-awtoritajiet Maltin?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Humanoid Robot - Dħul f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1522 u jgħid jekk l-awtoritajiet Maltin għandhomx rekord li l-humanoid robot magħruf bħala “Sophia” daħal f’Malta jew ġie ppreżentat għal kontroll ta’ fruntiera f’Malta? Jekk iva, jista’ jgħid f’liema data daħal, taħt liema kategorija ġie rreġistrat, u jekk ġiex ippreżentat xi dokument ta’ identifikazzjoni jew vjaġġar?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Is-Servizz u s-Settur Pubbliku – Ħaddiema li jaħdmu b’mod remot – Kundizzjonijiet/kriterji

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 490, 996 u 1478 u jgħid liema sezzjonijiet, dipartimenti, direttorati, aġenziji jew entitajiet fis-Servizz Pubbliku u fis-Settur Pubbliku għandhom ħaddiema li jaħdmu b’mod remot, kemm hemm ħaddiema f’kull waħda minnhom, u x’inhuma l-kundizzjonijiet jew kriterji applikabbli biex ħaddiem ikun jista’ jaħdem b’mod remot?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġibiet tal-Mistoqsijiet Parlamentari numri 604 u 2022.

Transport Malta – Billboards – Azzjoni ta’ infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta u liema passi ser jittieħdu minn Transport Malta fir-rigward tad-diversi billboards li kienu ttellgħu f’diversi toroq arterjali u distributorji fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali u li kienu ntużaw bħala billboards politiċi skont Leġislazzjoni Sussidjarja 552.28 (Regolamenti dwar billbords u reklami), li numru kbir minnhom għadhom f’posthom u qed jibqgħu jintużaw minn entitajiet pubbliċi u privati, bi ksur tal-imsemmija regolamenti? Jista’ jgħid ukoll jekk l-Awtorità hix qed tinforza l-imsemmija regolamenti b’mod ġenerali, inkluż fir-rigward tal-billboards użati għal reklamar kummerċjali , kemm jekk elettroniċi kif ukoll dawk li mhumiex, f’dak li jirrigwarda l-illuminazzjoni, il-pożizzjonament tagħhom, u l-effett jew l-impatt li jista’ jkollhom fuq is-sigurtà fit-toroq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

L-Awtorità tal-Ippjanar – Billboards – Azzjoni ta’ infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta u liema passi ser jittieħdu mill-Awtorità tal-Ippjanar fir-rigward tad-diversi billboards li kienu ttellgħu f’diversi toroq arterjali u distributorji fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali u li kienu ntużaw bħala billboards politiċi skont Leġiżlazzjoni Sussidjarja 552.28 (Regolamenti dwar billbords u reklami), li numru kbir minnhom għadhom f’posthom u qed jibqgħu jintużaw minn entitajiet pubbliċi u privati, bi ksur tal-imsemmija regolamenti? Jista’ jgħid ukoll jekk l-Awtorità hix qed tinforza dawn ir-regolamenti b’mod ġenerali, inkluż fir-rigward tal-billboards użati għal reklamar kummerċjali, kemm dawk elettroniċi kif ukoll dawk li mhumiex, f’dak li jirrigwarda l-illuminazzjoni, il-pożizzjonament tagħhom, u l-effett jew l-impatt li jista’ jkollhom fuq is-sigurtà fit-toroq?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar, permezz tad-Direttorat tal-Konformità u l-Infurzar, qiegħda f’kuntatt mal-partiti politici sabiex il-billboards jitneħħew.  L-Awtorità sabet kooperazzjoni min-naħa tal-partiti, u fil-fatt ħafna minn dawn il-billboards diġà tneħħew u ħa jkomplu jiġu mneħħija fil-jiem li ġejjin. Inkwantu għas-sigurta fit-toroq nitlob lill-Onor interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Proġett tal-Intelligent Transport Management System

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 22615, 23010, 23011, 23261 u 27711 tal-Erbatax-il Leġiżlatura, peress illi issa għaddew diversi xhur, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-proġett tal-Intelligent Transport Management System (ITMS) u meta se jibdew jitħaddmu l-Variable Messaging Signs?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma illi-Onor. Interpellant illi ir-risposta ser tingħata f'ix seduta oħra.

Is-Servizz u s-Settur Pubbliku – Ħaddiema li jaħdmu b’mod remot

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 489, 995 u 1477 u jgħid kemm hemm ħaddiema fis-Servizz Pubbliku u s-Settur Pubbliku li, skont in-natura tax-xogħol tagħhom, jistgħu jaħdmu b’mod remot, u kemm minnhom diġà qegħdin jaħdmu b’mod remot? Jista’ jgħid ukoll jekk dan ix-xogħol remot isirx fuq bażi full-time, part-time jew hybrid?

Response (ABELA, ROBERT)

Filwaqt li għas-Servizz Pubbliku nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari  nru 604,rigward l-entitajiet fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru , it-tagħrif huwa kif ġej: Entita Remote working Extended Remote working Teleworking Aġenzija  Servizz.gov 49 1 / Awtorita tax-Xandir 9 5 / MITA 82 / 30

San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa – Bypass – Studji dwar rotot alternattivi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1475 dwar studji jew pjanijiet li saru s’issa dwar rotot alternattivi mill-bypass ta’ San Pawl il-Baħar lejn il-Mellieħa, jista’ l-Ministru jagħti aktar tagħrif fuq kull studju li sar, kif sar u meta sar?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tiġi miġbura.

L-industrija tas-servizzi marittimi – Pjan nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux pjan nazzjonali sabiex Malta tattira investiment ġdid fis-settur tas-servizzi marittimi, inkluż ship management, maritime finance u maritime technology?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern għandu viżjoni ċara sabiex Malta tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala ċentru marittimu internazzjonali u tattira aktar investiment lejn dan is-settur. Il-ħidma f’dan il-qasam qed titwettaq b’mod koordinat fuq diversi livelli, fosthom it-tisħiħ tal-qafas regolatorju u amministrattiv, id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi marittimi, l-innovazzjoni u t-teknoloġija, kif ukoll il-ħolqien ta’ ambjent kompetittiv li jkompli jattira operaturi u investiment ta’ valur miżjud lejn Malta. Dan jinkludi oqsma bħas-ship management, is-servizzi finanzjarji marbuta mas-settur marittimu u l-maritime technology, fejn il-Gvern ser ikompli jibni fuq il-vantaġġi li Malta diġà għandha bħala ġurisdizzjoni marittima stabbilita u ċentru internazzjonali għas-servizzi marittimi.

Is-settur marittimu – Kompetittività tal-port Malti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat mal-operaturi tal-Freeport, aġenti marittimi u rappreżentanti tal-industrija dwar il-kompetittività tal-port Malti matul dawn l-aħħar sentejn?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma illi-Onor. Interpellant illi ir-risposta ser tingħata f'ix seduta oħra.

Reġistru Malti għall-Bastimenti – Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti mar-Reġistru Malti għall-iskrizzjoni ta’ vapuri u x’inhi l-medja taż-żmien biex jiġu pproċessati?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Reġistru Malti tal-Bastimenti ma joperax b’lista ta’ stennija. Kull applikazzjoni tiġi processata minnufih u ladarba d-dokumentazzjoni mehtiega tkun kompluta u konformi, il-proċess normalment jiġi konkluż fi ftit jiem. Madankollu, iż-żmien meħtieġ jista’ jvarja skont ic-cirkostanzi ta’ kull kaz, inkluz il-htiega ghal dokumentazzjoni jew informazzjoni addizzjonali, kif ukoll it-tlestija tal-verifiki u l-ispezzjonijiet applikabbli. Għaldaqstant, ma tistax tingħata medja li tirrifletti b’mod preċiż il-każijiet kollha.

Maritime Decarbonisation – Strateġija nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux strateġija nazzjonali għall-Maritime Decarbonisation u meta se tiġi ppubblikata?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u membru tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, Malta qiegħda tipparteċipa b'mod attiv fid-diskussjonijiet dwar in- Net-Zero Framework u ssegwi mill-qrib l-iżviluppi mistennija fil-laqgħa tal-MEPC ta' Diċembru 2026.

Malta Maritime Forum – Rakkomandazzjonijiet implimentati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Malta Maritime Forum lill-Gvern ġew implimentati matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal liema dokument jew rakkomandazzjonijiet qiegħed jirreferi sabiex tkun tista' tingħata tweġiba infurmata.

Is-Settur Marittimu – Investiment fit-taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm investa l-Gvern f’taħriġ marittimu mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Is-Settur Marittimu – Karrieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjonijiet ittieħdu biex jiżdied in-numru ta’ Maltin li jagħżlu karriera fis-settur marittimu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qegħda tkompli tippromwovi l-opportunitajiet ta’ karrieri fis-settur marittimu, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ li jkunu qegħdin jagħżlu l-perkors edukattiv u professjonali tagħhom. Ir-Reġistru Malti tal-Bastimenti jipparteċipa regolarment f’inizjattivi bħall- Careers Weeks organizzati mill-Università ta’ Malta, l-MCAST u istituzzjonijiet edukattivi privati, kif ukoll fil-fiera nazzjonali iChoose . Uffiċjali tekniċi tar-Reġistru ta spiss jagħtu preżentazzjonijiet speċjalizzati lill-istudenti tal-MCAST u jaqsmu magħhom l-esperjenza prattika tagħhom fis-settur. Ta' min isemmi li l- Merchant Shipping Directorate jinvesti b'mod sinifikanti fin-nies tiegħu sabiex ikomplu jsaħħu l-ħiliet tagħhom u jispeċjalizzaw fl-oqsma differenti li titlob l-industrija. Bl-istess mod, jinvesti b'mod indirett fit-taħriġ ta’ studenti li jagħżlu karriera marittima f’entitajiet governattivi permezz ta’ eżenzjonijiet ( waivers ) minn ħlasijiet dovuti fuq servizzi relatati ma’ course reviews, course approvals, training centre audits u examination fees , fost l-oħrajn. Dawn l-inizjattivi huma kkumplimentati minn proġett ikkoordinat min- National Skills Council , bl-appoġġ tekniku tal-OECD u b’finanzjament mill-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ dan il-proġett tfassal pjan ta’ azzjoni li jinkludi miżuri sabiex jiżdied l-għarfien dwar il-professjonijiet marittimi u jissaħħu t-taħriġ speċjalizzat, l-aġġornament tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid meħtieġa mis-settur. Ta’ min isemmi wkoll il-kontribuzzjoni li l-Gvern jagħti kull sena lill-Istitut tal-Liġi Marittima Internazzjonali ( International Maritime Law Institute - IMLI ), li huwa istitut speċjalizzat taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO). F’dan l-istitut jitħarrġu professjonisti mid-dinja kollha, fosthom Maltin, sabiex is-settur marittimu jkollu persuni tal-ogħla livell fit-tmexxija tiegħu.