Servizz tal-Fast Ferry – Faċilitajiet għall-passiġġieri u l-ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju li fil-post minn fejn jinxtraw il-biljetti u jistennew il-passiġġieri għas-servizz tal-Fast Ferry mill-Belt Valletta lejn Għawdex, il-passiġġieri qed ikollhom jistennew barra esposti għax-xemx u għas-sħana, b’mod partikolari matul ix-xhur tas-sajf? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjan biex jiġi pprovdut kenn adegwat u żona ta’ stennija xierqa għall-passiġġieri, kif ukoll faċilitajiet aktar adegwati għall-ħaddiema li bħalissa qed jaħdmu minn container? Jekk iva, jista’ jagħti dettalji dwar ix-xogħlijiet ippjanati u meta mistennija jitwettqu?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-terminal tal-Fast Ferry f’Ta’ Liesse ġarrab ħsarat konsiderevoli minħabba l-maltempata Harry. Sabiex is-servizz ma jiġix interrott, l-Awtorità ħadet miżuri temporanji, fosthom it-tqegħid ta’ unità mobbli sabiex tintuża bħala uffiċċju tal-biljetti.
It-tiswijiet issa jinsabu fl-aħħar fażi. Fit-terminal se tinbena kabina għall-bejgħ tal-biljetti, u b’hekk l-unità mobbli titneħħa u l-passiġġieri jkunu jistgħu jixtru l-biljetti mill-faċilitajiet tat-terminal. Ix-xogħlijiet huma mistennija jitlestew sal-bidu ta’ Novembru 2026.
Raħal Ġdid – Park and Ride – Inċident ta’ allegat hit-and-run
Question
B’referenza għall-inċident ta’ allegat hit-and-run li seħħ fil-Park and Ride ta’ Raħal Ġdid fid-19 ta’ Mejju 2026, u li dwaru sar ir-Rapport tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kameras tas-CCTV fis-sit kinux operattivi dakinhar? Jekk ma kinux operattivi, jista’ jgħid kemm kienu ilhom mhux jiffunzjonaw u għaliex ma kinux ġew imsewwija jew mibdula sa dakinhar? Jista’ jgħid ukoll jekk humiex operattivi illum u jekk le, meta se jerġgħu jkunu kompletament operattivi l-kameras tas-CCTV fil-Park and Ride u x’rimedju jew assistenza hija disponibbli għal persuni li jkunu vittmi ta’ inċidenti jew reati fis-sit iżda ma jkunux jistgħu jagħmlu użu minn footage tas-CCTV minħabba li s-sistema ma tkunx qed taħdem?
Raħal Ġdid – Park and Ride – Tabelli ta’ sorveljanza tas-CCTV
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fil-Park and Ride ta’ Raħal Ġdid baqgħu esposti tabelli li jindikaw li ż-żona hija taħt sorveljanza tas-CCTV meta l-kameras ma kinux qed jiffunzjonaw? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Ministeru jew Transport Malta kinux konxji li dawn it-tabelli kienu għadhom esposti minkejja li s-sistema ma kinitx operattiva? Jista’ jgħid ukoll jekk iqisx li dan seta’ jagħti sens falz ta’ sigurtà lill-persuni li jużaw il-faċilità u x’passi ttieħdu jew se jittieħdu sabiex dan ma jerġax iseħħ?
Raħal Ġdid – Park and Ride – Ħsarat fil-kameras tas-CCTV
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn liema ġurnata l-kameras tas-CCTV fil-Park and Ride ta’ Raħal Ġdid waqfu milli jiffunzjonaw? Jista’ jgħid ukoll x’kienet ir-raġuni għaliex dawn il-kameras ma baqgħux operattivi, meta ġiet irrappurtata għall-ewwel darba din il-ħsara u għaliex is-sistema tħalliet mhux operattiva? Jista’ jgħid ukoll min huwa responsabbli għall-operat u l-manutenzjoni ta’ dawn il-kameras u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rekords tal-ħsarat u tal-manutenzjoni relatati mas-sistema tas-CCTV f’dan il-Park and Ride matul l-2025 u l-2026?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kameras tas-CCTV fil-Park and Ride ta’ Raħal Ġdid ma humiex operati jew miżmuma mill-Awtorità, li lanqas ma għandha aċċess għas-sistema, għall-filmati jew għar-rekords relattivi. Għaldaqstant, l-Awtorità ma għandhiex l-informazzjoni mitluba dwar l-operat, il-ħsarat jew il-manutenzjoni ta’ dawn il-kameras.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju dwar l-impatt fuq il-parkeġġ fi Triq is-Salini, Marsaskala jekk, jew meta, jibda jaħdem is-servizz il-ġdid tal-ferry minn dik iż-żona? Jista’ jgħid ukoll jekk sarx studju fuq l-impatt tat-tranja li l-ferry l-ġdid se jiġġenera u l-effett li din se jkollha fuq is-swimming zones fl-inħawi?
Response (BONETT, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant li dan is-servizz tal-ferry jibda jopera hekk kif Infrastructure Malta tlesti x-xogħlijiet infrastrutturali meħtieġa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ma’ Transport Malta mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, direttament jew indirettament (ċjoè inkluż ma’ kuntratturi), maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll minn liema lokalità ġew u f’liema grad u funzjoni ġew impjegati?
Response (BONETT, CHRIS)
ġNinforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1876 u jgħid kemm inħolqu parkeġġi ġodda mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm minnhom huma park-and-ride?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2022 sal-lum inħolqu tliet siti ġodda ta’ parkeġġ, kif ġej:
· Il-Marsa, quddiem l-istazzjon ta’ ONE – 180 spazju għall-parkeġġ;
· L-Addolorata – Park and Ride b’213-il spazju għall-parkeġġ;
· Ta’ Qali – Park and Ride b’450 spazju għall-parkeġġ.
Għaldaqstant, inħolqu total ta’ 908 spazju ġdid għall-parkeġġ, li minnhom 663 jinsabu f’żewġ siti ta’ Park and Ride.
Barra minn hekk, fis-snin li gejin qed naraw li jinħolqu aktar parkeggi f’:
o Msida Creek: madwar 120 post ġdid;
o Pace Grasso Ground: madwar 153 post ġdid, li jinkludu 9 postijiet għal detenturi tal-blue badge u 9 postijiet għal vetturi elettriċi;
o parkeġġ taħt l-art f’diversi livelli fil-Bormla: madwar 330 post ġdid;
o SmartCity Malta: 441 post ġdid, li jinkludu 40 post għal detenturi tal-blue badge;
o parkeġġ f’diversi livelli fi Triq Hompesch, Raħal Ġdid/Fgura: madwar 60 post ġdid;
o parkeġġ f’diversi livelli fi Triq Wied iż-Żurrieq, il-Qrendi: madwar 50 post ġdid.
o Siġġiewi – Service Road tal-By pass b’65 post ġdid.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1874 u jgħid kemm naqas jew żdied il-ħin medju tal-ivvjaġġar fit-toroq ta’ Malta matul l-aħħar tliet snin?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għaddej proċess biex isir update in-National Transport Plan mill-ARUP. Għaldaqstant, l-informazzjoni mitluba tingħata kif dan l-istudju jintemm.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1873 u jgħid x’azzjonijiet konkreti ttieħdu matul l-aħħar 12-il xahar biex it-traffiku ma jibqax jiswa lill-pajjiż madwar €67,000 kull minuta? Jista’ jgħid ukoll x'kien ir-riżultat ta’ dawn l-azzjonijiet?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.
Policy P46 (DC15) – Permessi ta’ żvilupp approvati
Question
B’referenza għall-Policy P46 tad-Development Control Design Policy, Guidance and Standards 2015 (DC15) tal-Awtorità tal-Ippjanar, li tirrikjedi li żviluppi residenzjali b’16-il residenza jew aktar jipprovdu refuse room aċċessibbli mil-livell tat-triq, jista’ l-Ministru jgħid:
i. kemm kien in-numru totali ta’ permessi ta’ żvilupp approvati bejn l-2015 u l-2025 li għalihom tapplika din il-policy;
ii. kemm kien in-numru ta’ permessi ta’ żvilupp approvati bejn l-2015 u l-2025 fejn il-policy ġiet effettivament applikata u inkluża bħala kundizzjoni fil-permess, kellha tkun standard condition;
iii. jekk u kif l-Awtorità tivverifika li tali refuse rooms ikunu ġew implimentati kif mitlub, inkluż jekk isirux spezzjonijiet fuq il-post jew verifiki oħra; u
iv. kemm kien in-numru ta’ permessi ta’ żvilupp approvati bejn l-2015 u l-2025 fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar, San Ġwann, Ħal Balzan, Ħ’Attard u l-Imtarfa, maqsuma skont il-lokalità?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn l-2015 u l-2025 ġew approvati 793 applikazzjoni għal żvilupp ta’ 16-il residenza jew aktar.
Fir-rigward tal-Policy P46, fejn ir-
refuse room
tkun diġà prevista fil-pjanti approvati, ma jkunx hemm il-ħtieġa li tiġi imposta kundizzjoni separata fil-permess.
Ninsab infurmat ukoll li l-Awtorità tal-Ippjanar twettaq il-verifiki meħtieġa, inklużi spezzjonijiet fuq il-post, qabel il-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ konformità.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-Natural Population Growth, jiġifieri d-differenza bejn dawk li twieldu u dawk li mietu, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll skont kull waħda mil-lokalitajiet li ġejjin: Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Mġarr, Mosta, Naxxar, San Ġwann, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Mtarfa, bejn l-2020 u l-2025, maqsuma sena b’sena? Jista’ wkoll jaqsam din l-informazzjoni separatament bejn residenti Maltin u residenti mhux Maltin?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ser tingħata f’Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jindika:
i. il-ħinijiet fejn l-użu ikun l-iżjed (patronage - peak hour), kemm filgħodu u kemm filgħaxija; u
ii. it-three-hour patronage peak period, kemm filgħodu u kemm filgħaxija
għal vjaġġi tat-trasport pubbliku skedati mill-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar, San Ġwann, Ħal Balzan, Ħ’Attard u l-Imtarfa, fuq bażi ta’ ġimgħa tipika, għal kull xahar, bejn is-snin 2020 u 2025?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ passiġġieri li għamlu użu mill-karozzi tal-linja mill-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar, San Ġwann, Ħal Balzan, Ħ’Attard u l-Imtarfa (telgħu fuq il-karozza tal-linja minn dawn il-lokalitajiet), bejn l-2020 u l-2025, maqsuma xahar b’xahar?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ta’ min jinnota li ż-żieda fin-numru ta’ passiġġieri li għamlu użu mis-servizz tat-trasport pubbliku f’dawn il-lokalitajiet, b’mod partikolari matul l-aħħar tliet snin tal-perjodu indikat, għandha titqies ukoll fid-dawl tal-investiment kontinwu li sar fis-servizz tat-trasport pubbliku.
Fil-fatt, matul dawn is-snin ġew introdotti diversi rotot ġodda u saru emendi sostanzjali f’rotot eżistenti, fosthom
TD3, TD1, X299, 207, 214, X300, 182, TD5, 101, 403, 404 u 405,
bil-għan li tissaħħaħ il-konnettività, titjieb l-aċċessibbiltà u s-servizz ikun aktar adattat għall-ħtiġijiet tal-komunitajiet rispettivi.
Għall-finijiet ta’ dawn il-figuri, għandu jiġi ċċarat li ċ-ċifri tal-Mellieħa jinkludu wkoll iċ-Ċirkewwa u l-Għadira, peress li dawn jagħmlu parti mil-limiti tal-Mellieħa; filwaqt li ċ-ċifri ta’ San Pawl il-Baħar jinkludu wkoll ix-Xemxija, Buġibba, il-Qawra u Burmarrad, peress li dawn jagħmlu parti mil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar.
Persuni li għandhom minn 60 sena ’l fuq – Statistika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li għandhom minn 60 sena ’l fuq sal-31 ta’ Diċembru 2025, fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar, San Ġwann, Ħal Balzan, Ħ’Attard u l-Imtarfa, li kienu klassifikati bħala:
i. indipendenti;
ii. semi-indipendenti; u
iii. dipendenti?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-NSO m’għandiex l-informazzjoni hekk kif mitlub fil-mistoqsija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm residenti rreġistrati li għandhom liċenzja tas-sewqan valida fil-Mellieħa, San Pawl il Baħar, l-Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar, San Ġwann, Ħal Balzan, Ħ’Attard u l-Imtarfa bejn l-2020 u l-2025, maqsuma sena b’sena?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jagħti n-numru totali ta’ vetturi privati u kummerċjali liċenzjati fil-Mellieħa, San Pawl il Baħar, l-Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar, San Ġwann, Ħal Balzan, Ħ’Attard u l-Imtarfa bejn l-2020 u l-2025, maqsuma sena b’sena?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hija l-enerġija medja kkunsmata u kemm tiswa (f’termini pekunjarji) għal kull metru kubu fil-produzzjoni ta’:
i. ‘new water’ mill-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ;
ii. ilma potabbli (tajjeb għax-xorb) prodott mill-impjanti RO/desalination; u
iii. ilma potabbli minn estrazzjoni mill-ilma tal-pjan (aquifer)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tindika l-proporzjonijiet tas-sorsi ta’ produzzjoni tal-ilma u tal-elettriku bejn l-2020 u l-2025, maqsuma sena b’sena, jiġifieri:
i. għall-ilma: estrazzjoni tal-ilma tal-pjan (aquifer), ilma minn impjanti tad-desalinizzazzjoni, u ‘new water’; u
ii. għall-elettriku: ġenerazzjoni lokali u enerġija permezz tal-interconnector?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tipprovdi l-perċentwali tal-konsum nazzjonali tal-elettriku u tal-ilma, bejn l-2020 u l-2025, maqsuma sena b’sena, minn dawn il-kategoriji:
i. domestiku;
ii. residenzjali;
iii. kummerċjali;
iv. agrikoltura; u
v. (jekk disponibbli) industrija u ospitalità?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru installazzjonijiet ta’ meters ġodda tal-ilma u tad-dawl fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar, San Ġwann, Ħal Balzan, Ħ’Attard u l-Imtarfa bejn l-2020 u l-2025, maqsuma sena b’sena u tinkludi:
i. in-numru totali (eżistenti u attivi) ta’ meters sal-31 ta’ Diċembru 2019; u
ii. in-numru ta' installazzjonijiet ġodda;
maqsuma skont dawn il-kategoriji:
a. domestiku;
b. residenzjali;
c. kummerċjali; u
d. (jekk disponibbli) industrijali u lukandi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.