Jista’ l-Ministru jgħid liema għodod taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) qed juża l-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għodod kollha li tuża Cedefop huma għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri Ewropej permezz tal-pjattaforma elettronika tagħhom. Sal-lum, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet ħadem ħafna fuq ir-ReferNet u CareersNet, flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – networks fuq it-tisħiħ u l-iżvillup tal-edukazzjoni vokazzjonali u għal karrieri, kif ukoll fuq l- “iskills intelligence platform, skills forecasting u skills ovate” fejn issir annaliżi tal-ħiliet l-aktar meħtieġa fis-snin li ġejjin, id-domanda għax-xogħol fil-preżent u s-setturi li ser jaraw l-aktar tkabbir.
Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet jinvolvi lill-partijiet interessati fl-iffissar tad-direzzjoni strateġika tal-edukazzjoni u t-taħriġ relevanti u min kienu dawn il-partijiet interessati mis-snin 2016 sal-2023?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan ewlieni tal-Ministeru hu li l-istudenti, l-għalliema u l-impjegati jkollhom l-aħjar forma ta’ edukazzjoni u l-aħjar forma ta’ taħriġ biex nilqgħu l-isfidi ta’ kuljum.
Biex dawn l-għanijiet jintlaħqu jsiru diversi laqgħat mar-rappreżentanti tas-settur edukattiv, isiru żjarat f’xi skejjel kemm tal-istat, kif ukoll privati u tal-knisja biex jiġu identifikati l-isfidi imma mhux biss, anke dak kollu li hu sors ta’ sodisfazzjon u riżultati pożittivi. Barra minn hekk, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet huwa involut f’diskussjonijiet kontinwi mal-Ministeru.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji, il-proposti, l-istrateġiji u t-taħriġ ippjanati mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet biex jitnaqqas in-nuqqas fil-ħiliet tax-xogħol, jittejbu l-ħiliet u jiġu sodisfatti d-domandi tas-suq għal kull waħda, mis-snin 2016 sal-2023?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet ingħata funzjoni eżekuttiva minn Marzu 2023. Il-Pjan ta’ ħidma flimkien mal-istrateġija proposta bejn l-2023 u l-2025 qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jispjega u jelenka l-għodod diġitali u s-sorsi tad-data li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet jidentifika l-ħtiġijiet tal-ħiliet prijoritarji, id-direzzjoni tal-iżvilupp tal-ħiliet f’konformità max-xejriet globali emerġenti, u l-opportunitajiet u l-isfidi għat-tagħlim u x-xogħol f’Malta?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li apparti li l-Kunsill iżomm ruħu aġġornat dwar ir-riċerka li qed issir kemm dik lokali u anke dik ippubblikata fuq livell Ewropew u globali. Permezz ta’ integrazzjoni bejn aspetti kwalitattivi ma’ data kwantitattiva mir-riċerka u l-istatistika, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet jiżgura approċċ ħolistiku, ibbażat fuq l-evidenza. Il-korroborazzjoni tad-data u s-sejbiet minn sorsi kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi tippermetti lill-Kunsill jifformula strateġiji effettivi u komprensivi għall-iżvilupp tal-ħiliet. Dan l-approċċ komprensiv jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet u l-azzjonijiet tal-Kunsill ikunu bbażati fuq fehim sod tal-pajsaġġ tal-ħiliet, li jaħseb għall-ħtiġijiet attwali u futuri tal-forza tax-xogħol u tal-ekonomija.
Jista’ l-Ministru jispjega u jelenka l-għodod diġitali u s-sorsi tad-data użati mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet biex jipprepara panorama tal-ħiliet u l-proċeduri segwiti biex jissorveljaw ir-riċerka, il-benchmarking u r-rappurtar tal-prestazzjoni, u l-iżvilupp tal-intelliġenza?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill stabbilixxa relazzjonijiet tajba mal-entitajiet ewlenin ta’ riċerka fil-qasam u li dawn l-istess entitajiet jikkontribwixxu għall-panorama tal-ħiliet sabiex b’hekk il-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet għandu aċċess għal sorsi ta’ data li jiġu ppubblikati fuq livell Ewropew u internazzjonali.
Il-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet, bħalissa għandu tliet rapporti komprensivi u li dawn ir-rapporti jipprovdu għarfien storiku kritiku u jiffurmaw parti mir-repożitorju tad-data tiegħu. F'konformità mal-impenn tal-Kunsill għall-iżvilupp u r-rilevanza kontinwa, issa qed issir analisi dwar it-taħriġ provdut relatat mal-ekonomija l-ħadra u dik diġitali biex jiġu indirizzati lakuni eżistenti.
Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet jippromwovi l-mekkaniżmi meħtieġa għall-avvanz tal-ħiliet u jimminimizza d-differenza fil-ħiliet u x’inhuma dawn il-mekkaniżmi?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm it-tagħlim tul il-ħajja u kif ukoll l-edukazzjoni vokazzjonali huma żewġ mekkaniżmi ċentrali għall-avvanz tal-ħiliet – permezz ta’ Tisħiħ u Tiġdid tal-Ħiliet (Upskilling u Reskilling). Fiż-żewġ oqsma msemmija l-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet jaħdem mill-qrib ma’ stakeholders relevanti u tiffoka fuq dawn il-binarji:
1. Il-ħiliet transversali, ewlenija fosthom il-ħila: learning to learn li trid tiġi mrawma fl-istudenti minn età żgħira.
2. Il-prattika tal- “career guidance” li trid tissaħħaħ dejjem aktar anke għall-adulti f’dinja tax-xogħol fejn il-bidla hija frekwenti, għalhekk wieħed irid gwida għal taħriġ biex ittejjeb il-ħiliet għall- “career paths” ġodda.
3. It-taħriġ relatat mat-transizzjoni ħadra u dik diġitali.
4. Il-validazzjoni tat-tagħlim mill-esperjenza minn tagħlim non-formali jew informali li mbagħad jista’ jkun supplimentat b’taħriġ formali.
5. Aktar promozzjoni għall-kunċett ta’ “microcredentials” hekk kif mitlub mill-industrija fejn flok kors twil, ikun iqsar aktar flessibbli u “stackable”.
Jista’ l-Ministru jispjega kif il-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet joħloq il-kanali t-tajbin għal partijiet interessati differenti biex jikkollaboraw biex jirrispondu b'mod effettiv għat-talbiet tal-ħiliet preżenti u futuri?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet kellu aktar minn 120 laqgħa ma’ firxa wiesgħa ta’ stakeholders fis-settur edukattiv u mar-rappreżentanti tas-suq tax-xogħol u b’hekk inbnew relazzjonijiet pożittivi u kanali tajbin għall-partijiet interessati differenti biex ikun hemm kollaborazzjoni sħiħa, u jiġi evitat xogħol doppju. Fil-fatt, għall-konferenza Skillscape attendew 'il fuq minn 250 delegat, li bosta kienu għalliema, oħrajn mis-settur privat partikolarment dawk attivi fir-riżorsi umani u rappreżentanti mis-settur pubbliku. Il-marka SkillScape ser tibqa' tintuża f’dawn l-okkażjonijiet ta’ djalogu soċjali, li minnhom joħorġu rakkomandazzjonijiet.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 13023 u 13108 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza rispettivament u jgħid in-numru ta’:
1. Ċittadini Maltin li huma direttament fuq il-payroll tal-Gvern (is-setturi kollha tal-Gvern);
2. Ċittadini tal-Unjoni Ewropea li huma direttament fuq il-payroll tal-Gvern (is-setturi kollha tal-Gvern);
3. Ċittadini mhux tal-Unjoni Ewropea li huma direttament fuq il-payroll tal-Gvern (is-setturi kollha tal-Gvern);
4. Maltin li jaħdmu ma’ kuntratturi li jipprovdu servizz lill-Gvern (settur Pubbliku u settur tas-Servizzi);
5. Ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jaħdmu ma’ kuntratturi li jipprovdu servizz lill-Gvern (settur Pubbliku u settur tas-Servizzi) u
6. Ċittadini mhux tal-Unjoni Ewropea li jaħdmu ma’ kuntratturi li jipprovdu servizz lill-Gvern (settur Pubbliku u settur tas-Servizzi)?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jipprovdi lista tal-membri tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet għal kull sena għall-perjodu 2016-2023 għal kull waħda mill-kategoriji li ġejjin:
• Rappreżentant mill-Università ta’ Malta;
• Rappreżentant mill-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija;
• Rappreżentant tal-Jobsplus;
• Rappreżentant mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi;
• Rappreżentant mill-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta;
• Rappreżentant mill-Malta Enterprise;
• Rappreżentant tas-soċjetà ċivili;
• Rappreżentant minn fost speċjalisti tat-tagħlim tul il-ħajja;
• Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni;
• Erba’ persuni oħra li għandhom kwalitajiet ta’ tmexxija, u li jifhmu l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol fil-kuntest ta’ soċjetà miftuħa, demokratika, ġusta, prospera u inklussiva?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet – Rappreżentanti tas-suq tax-xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet jinvolvi rappreżentanti tas-suq tax-xogħol, fl-ippjanar tal-preparazzjoni tas-suq tax-xogħol u liema rappreżentanti inkluda f'dan il-proċess mis-snin 2016 sal-2023?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Baġit 2024 — Politika Nazzjonali għas-Suq tax-Xogħol 2021-2030
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema proposti fil-Politika Nazzjonali għas-Suq tax-Xogħol 2021-2030 għandhom jitwettqu fil-Baġit 2024, u kemm mill-proposti totali ġew eżegwiti sal-lum?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7724.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13023 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u jgħid in-numru ta’:
1. Ċittadini Maltin li huma direttament fuq il-payroll tal-Gvern (is-setturi kollha tal-Gvern);
2. Ċittadini tal-Unjoni Ewropea li huma direttament fuq il-payroll tal-Gvern (is-setturi kollha tal-Gvern);
3. Ċittadini mhux tal-Unjoni Ewropea li huma direttament fuq il-payroll tal-Gvern (is-setturi kollha tal-Gvern);
4. Maltin li jaħdmu ma’ kuntratturi li jipprovdu servizz lill-Gvern (settur Pubbliku u settur tas-Servizzi);
5. Ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jaħdmu ma’ kuntratturi li jipprovdu servizz lill-Gvern (settur Pubbliku u settur tas-Servizzi) u
6. Ċittadini mhux tal-Unjoni Ewropea li jaħdmu ma’ kuntratturi li jipprovdu servizz lill-Gvern (settur Pubbliku u settur tas-Servizzi)?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-ħaddiema self-employed kollha li ħadmu fuq il-film sets tħallsux kollha u jekk il-Ministeru għat-Turiżmu għandux xi lmenti minn ħaddiema self-employed li għadhom ma tħallsux?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li la l-Malta Film Commission u lanqas il-Ministeru ma huma parteċipi fl-arranġamenti kontrattwali bejn il-ħaddiema u min iħaddem.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex is-speech therapy fil-Mellieħa mhux se tibqa’ tingħata nhar ta’ Ħamis u għaliex l-appuntamenti skedati għandhom isiru online, jekk għat-tfal din mhix għażla? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx diġà case load għolja u kif din se tidħol fi skeda inqas, jekk dan jirriżulta f’appuntamenti inqas frekwenti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi speech therapy fil-Klinika tal-Komunità tal-Mellieħa tingħata tlett ijiem fil-ġimgħa.
Relattività tal-pagi għas-settur pubbliku u s-settur tas-servizzi
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid għaliex se tintilef ir-relattività tal-pagi għas-settur Pubbliku u għas-settur tas-Servizzi? Jista’ jgħid ukoll għaliex ma ddaħħal l-ebda mekkaniżmu kif kien hemm fil-baġit preċedenti?
Response (ABELA, ROBERT)
Pubblikament magħruf li hemm laqgħa skedata mal-unions.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-kapaċità għal kull tunnellata tal-grain pump l-antika li ntużat fil-Kordin Grain Silo u l-grain pump il-ġdida li ġiet installata? Jista’ jgħid ukoll it-tul ta’ żmien ta’ meta l-pompa l-qadima waqfet tiffunzjona sa meta bdiet titħaddem il-pompa l-ġdida tal-qamħ?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninofrma lill-Onor. Interpellant li l-crane l-ġdid għandu kapaċità ta’ 700 tunnellatta fis-siegħa filwaqt li l-crane l-antik kellu kapaċità ta’ 1,100 tunnellata fis-siegħa.
Il-crane l-antik waqaf jaħdem f’Awwissu tal-2018 filwaqt li l-crane l-ġdid ġie installat f’Settembru tal-2023.