Legislature:
Category:
Reset
Active:

Identità — Single Permit Policy għal TCNs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm tibdil fil-policy tal-għoti ta' Single Permit għal Third Country Nationals (TCNs) ma’ Identità? Jista’ jgħid ukoll jekk is-shareholders jistgħux jingħataw work permit u konsegwentement Single Permit bħal kull applikant ieħor jew jekk hemmx il-ħtieġa ta' investiment ta' minn tal-inqas €500,000 sabiex il-permess tagħhom jinħareġ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li ma kien hemm l-ebda tibdil fit-tħaddim tas-Single Permit Regulations fl-aħħar żmien. Ċittadini ta’ pajjiż terz (TCNs) azzjonisti ta’ kumpanija li huma operattivi fin-negozju tagħhom jeħtieġ li japplikaw għal Single Permit biex ikunu jistgħu jaħdmu f’Malta. Bħala parti mill-proċess, dawn l-individwi jeħtieġ li jissodisfaw mill-inqas wieħed minn tliet kriterji. Kriterji: a) Kull azzjonist minn pajjiż terz (TCN) għandu jkollu kapital azzjonarju mħallas kollhu ta’ mill-inqas €500,000 li ma jistax jiġi mifdi, imnaqqas jew trasferit lil terzi matul l-ewwel sentejn mill-ħruġ tal-Liċenzja tal-Impjieg. Dan il-kapital azzjonarju għandu jikkonsisti f’injezzjoni ta’ flus kontanti/stokk f’Malta; b) Ikun għamel nefqa kapitali ta’ mill-inqas €500,000 li se tkun użata mill-kumpanija. In-nefqa kapitali għandha tikkonsisti biss minn assi fissi (bħal proprjetà immobbli, impjant u makkinarju) użati għall-għanijiet tan-negozju skont il-pjan tan-negozju sottomess mal-applikazzjoni. Il-kuntratti tal-kiri ma jikkwalifikawx. Din in-nefqa teħtieġ irċevuti f’isem il-kumpanija; ċ) Il-kumpanija trid tkun qed tmexxi proġett formalment approvat minn Malta Enterprise, u din tal-aħħar għandha tinnotifika formalment lil Jobsplus. Ċittadini ta’ pajjiż terz li ma rreġistrawx kumpanija u joperaw bħala sole traders jinħarġilhom work permit minn Jobsplus, iżda xorta jridu jissodisfaw mill-inqas wieħed minn tliet kriteriji. Kriterji: a) Investiment f’Malta b’nefqa kapitali ta’ mill-inqas €500,000 fi żmien sitt xhur mid-data tal-ħruġ tal-Liċenzja tal-Impjieg minn Jobsplus. In-nefqa kapitali għandha tikkonsisti biss f’assi fissi (bħal proprjetà immobbli, impjant u makkinarju) użati għall-għanijiet tan-negozju skont il-pjan tan-negozju sottomess mal-applikazzjoni. Kuntratti tal-kiri ma jikkwalifikawx. Din in-nefqa teħtieġ irċevuti f’isem iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz (TCN). L-applikazzjoni għandha wkoll tinkludi ittra ta’ referenza f’isem iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz (TCN) minn bank reputabbli Malti li tiċċertifika li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz (TCN) għandu l-mezzi biex jiġġenera tali kapital; b) Innovaturi b’ħiliet ta’ livell għoli, bi pjan ta’ negozju sod li għandu jiġi sottomess mal-applikazzjoni, u li jikkommettu ruħhom li jingaġġaw minn tal-inqas tlett ċittadini miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)/Svizzeri/Maltin fi żmien tmintax-il xahar mit-twaqqif; ċ) Persuna li tkun qed tmexxi proġett formalment approvat minn Malta Enterprise, u din tal-aħħar trid tkun innotifikat formalment lil Jobsplus.

Kumpaniji li għandhom shareholders li jkunu TCNs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-investiment ta’ €500,000 huwiex meħtieġ ukoll sabiex kumpanija li għandha shareholders li jkunu Third Country Nationals (TCNs) timpjega individwi oħra li jkunu TCNs?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li azzjonisti li jkunu minn pajjiżi terzi u li jkunu operattivi fin-negozju tagħhom jeħtieġ li jipprovdu evidenza ta’ eliġibbilità għal wieħed minn tliet kriterji differenti sabiex jinħarġilhom il-permess tax-xogħol. Waħda minn dawn it-tliet kriteriji hija l-investiment ta’ €500,000. Ladarba l-kumpanija jkollha impjegati reġistrati u regolari, jkunu jistgħu jimpjegaw ħaddiema minn pajjiżi terzi oħra. Kriterji: a) Kull azzjonist minn pajjiż terz (TCN) għandu jkollu kapital azzjonarju mħallas kollu ta’ mill-inqas €500,000 li ma jistax jiġi mifdi, imnaqqas jew trasferit lil terzi matul l-ewwel sentejn mill-ħruġ tal-Liċenzja tal-Impjieg. Dan il-kapital azzjonarju għandu jikkonsisti f’injezzjoni ta’ flus kontanti/stokk f’Malta; b) Ikun għamel nefqa kapitali ta’ mill-inqas €500,000 li se tkun u¿ata mill-kumpanija. In-nefqa kapitali għandha tikkonsisti biss minn assi fissi (bħal proprjetà immobbli, impjant u makkinarju) użati għall-għanijiet tan-negozju skont il-pjan tan-negozju sottomess mal-applikazzjoni. Il-kuntratti tal-kiri ma jikkwalifikawx. Din in-nefqa teħtieġ irċevuti f’isem il-kumpanija; ċ) Il-kumpanija trid tkun qed tmexxi proġett formalment approvat minn Malta Enterprise, u din tal-aħħar għandha tinnotifika formalment lil Jobsplus.

Malta Enterprise – Investiment ta’ €500,000

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-investiment ta’ €500,000 huwiex meħtieġ basta l-kumpanija tkun qed tipparteċipa f’investiment skont skema ta’ Malta Enterprise?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

TCNs — Single Permits - Regoli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn fejn ir-regoli tal-għoti ta’ Single Permit għal Third Country Nationals (TCNs) joħorġu u jikkwota liema liġi jew policy joħroġ dan, jekk hu l-każ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-permessi maħruġa għal skop ta’ xogħol u residenza (single work permit) huma regolati u amministrati permezz tar-Regolamenti tal-2014 dwar Proċedura ta’ Applikazzjoni Waħda għal Permess Uniku fir-rigward ta’ Residenza u Xogħol u Ġabra Komuni ta’ Drittijiet għal dawk il-Ħaddiema ta’ Pajjiżi Terzi li jirrisjedu legalment f’Malta – Leġislazzjoni Sussidjarja 217.17 tal-Liġijiet ta’ Malta, liema regolamenti jittrasponu d-dispożizzjoniiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/98/EC tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għall-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru.

Pazjenti li qegħdin jistennew appuntament għal Orthopaedic Out Patients

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20249 u jgħid kemm hemm pazjenti li qegħdin jistennew appuntament għal Orthopaedic Out-Patients?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hawn 1679 persuna li qed jistennew appuntament għall-Orthopaedic Out-Patient. Ħadd minn dawn il-persuni ma ilu jistenna aktar minn dak stipulat fil-Patient Charter. Ninforma lill-Onor. Interpellant li biż-żieda ta’ 3 konsulneti ġodda, dawn il-pazjenti ser ikunu qed jirċievu l-appuntament fi żmien qasir.

Il-Manikata — Triq il-Knisja il-Qadima u Triq il-Fuħhar - Titolu ta' art

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20260 u jgħid fuq min hu t-titolu ta' art bejn Triq il-Knisja il-Qadima u Triq il-Fuħhar, il-Manikata, kif muri fil-pjanta li qed tintbagħat separatament? Jista’ jgħid x’inhi l-intenzjoni dwar din l-art u x’jista’ jsir skont il-pjan lokali? Jista' jgħid ukoll x'inhuma l-livelli tal-art komparat mal-livell tat-triq kif inhi llum (jekk hix se tkun 'il fuq mil-livell tat-triq)?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Membru li ninsab infurmat li parti sostanzjali mill-art indikata fil-mistoqsija hija proprjetà tal-Gvern filwaqt li hemm parti oħra li hija tal-privat. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li turi dan waqt li l-kumplament tal-mistoqsija għandha ssir lill-Ministeru kkonċernat.

Proġett tal-Għadira

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pjanti mħawla (kif jidhru fir-ritratti mehmuża) u s-sistema tal-irrigazzjoni li saru b’rabta mal-proġett il-ġdid tal-Għadira humiex aċċettabbli għal dan il-proġett? X’passi se jittieħdu biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni u meta?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ċekkijiet tar-Rifużjoni tat-Taxxa

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20208, jista' l-Ministru jagħti l-ammont ta' kemm-il persuna ma rċivitx iċ-ċekk imsemmi u jista' jagħti r-raġuni għala ma nħarġux dawn iċ-ċekkijiet? Jista' jgħid sa meta jistgħu jinġabru dawn iċ-ċekkijiet u x'jiġri jekk ma jinġabrux?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif irrapportajna fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20208 iċ-ċekkijiet lil persuni eliġibbli ntbagħtu kollha. Jekk persuna eliġibbli ma rċevietx iċ-ċekk għandha tikkuntattja lil servizz.gov fuq freephone 153 biex tivverifika l-każ tagħha.

Il-Manikata — Triq il-Knisja il-Qadima u Triq il-Fuħhar - Titolu ta' art

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq min hu t-titolu ta' art bejn Triq il-Knisja il-Qadima u Triq il-Fuħhar, il-Manikata, kif muri fil-pjanta li qed tintbagħat separatament? Jista’ jgħid x’inhi l-intenzjoni dwar din l-art u x’jista’ jsir skont il-pjan lokali? Jista' jgħid ukoll x'inhuma l-livelli tal-art komparat mal-livell tat-triq kif inhi llum (jekk hix se tkun 'il fuq mil-livell tat-triq)?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba dwar it-titolu tal-art tingħata f’seduta oħra, waqt li l-kumplament tal-mistoqsija għandha ssir lill-Ministeru kkoncernat.

Il-Manikata — Triq il-Knisja il-Qadima u Triq il-Fuħhar - Titolu ta' art

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq min hu t-titolu ta' art bejn Triq il-Knisja il-Qadima u Triq il-Fuħhar, il-Manikata, kif muri fil-pjanta li qed tintbagħat separatament? Jista’ jgħid x’inhi l-intenzjoni dwar din l-art u x’jista’ jsir skont il-pjan lokali? Jista' jgħid ukoll x'inhuma l-livelli tal-art komparat mal-livell tat-triq kif inhi llum (jekk hix se tkun 'il fuq mil-livell tat-triq)?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex ġentilment jindika - permezz tal-mapserver https://pamapserver.pa.org.mt - d-delinazzjoni tas-sit li tikkonċerna l-mistoqsija.

Żoni tal-Għawm Dog Friendly

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20171, jista' l-Ministru jgħid x'sinjali għandhom jiġu provduti biex jiddistingwu dawn iż-żoni msemmija?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żoni tal-għawm tal-klieb huma diġà delinejati bl-istess mod li bajjiet uffiċjali tal-għawm huma distinti permezz tal-pożizzjoni tagħhom, jiġifieri permezz ta’ Sistema ta’ Pożizzjonament Globali (GPS) mill-Awtoritajiet rispettivi. Tali pożizzjonijiet huma elenkati fuq s-sit elettroniku tal-Ministeru.

Żoni Turistiċi — xogħol fit-toroq matul is-sajf

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20170, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li jintużaw biex triq tintgħażel li taqa' f'żona turistika u allura ma jsirx xogħol ta' tħaffir fiha matul il-perjodu tas-sajf? Jista' jagħti lista ta' dawn il-kriterji?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20170.

Proġett tal-Għadira

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pjanti mħawla (kif jidhru fir-ritratti mehmuża) u s-sistema tal-irrigazzjoni li saru b’rabta mal-proġett il-ġdid tal-Għadira humiex aċċettabbli għal dan il-proġett? X’passi se jittieħdu biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni u meta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-proġett tal-Għadira saret Sistema ta’ irrigazzjoni skont il-ħtieġa tal-ispeċi mħawwla. Sadanittant, matul il-jiem li għaddew, tlestew ukoll ix-xogħlijiet relatati mal-pjanti mħawla fil-parti ċentrali ta’ t-triq.

Ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux iċ-ċekkijiet kollha tar-rifużjoni tat-taxxa ntbagħtu lil min kien eliġibbli? Jista’ jgħid jekk hemmx ċekkijiet li ma ntbagħtux u se jkollhom jinġabru personalment? Jista' jgħid ukoll għaliex ma ntbagħtux, sa meta jistgħu jinġabru dawn iċ-ċekkijiet u x'jiġri jekk ma jinġabrux?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk il-persuni li kienu eliġibbli għaċ-ċekkijiet tar-rifuzjoni tat-taxxa, hekk magħrufa bħala “Nippremjaw il-bżulija”, intbagħtu kollha. Persuni li ma rċevewx l-imsemmi ċekk għandhom jagħmlu kuntatt mal-freephone 153 sabiex jiġu ggwidati biex iressqu t-talba tagħhom.

Żoni turistiċi – Xogħol fit-toroq matul is-sajf

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li jintużaw biex triq tintgħażel li taqa’ f’żona turistika u allura ma jsirx xogħol ta’ tħaffir fiha matul il-perjodu tas-sajf? Jista’ jgħid ukoll x’inhi d-distanza lineari li jrid ikun hemm bejn it-triq u lukanda biex titqies bħala żona turistika, skont il-lista tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA)?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ġiet ippubblikata l-ewwel darba fl-2007 u kull sena tiżviluppa skont esiġenzi varji fosthom rikjesti tal-kunsill, xogħol ta’ emerġenza u kunsiderazzjonijiet oħra. Toroq jiġu inklużi mhux biss għax ikun hemm lukanda.

Żoni tal-għawm dog friendly

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista taż-żoni kollha tal-għawm li huma dog friendly u dawk li mhumiex? Jista' jgħid jekk iż-żoni li huma dog friendly hux se jiżdiedu, u jekk iva fejn u meta? Jista’ jgħid ukoll x'sinjali għandhom jiġu provduti biex jiddistingwu dawn iż-żoni?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Lulju 2023, total ta’ 16-il bajja (12 f’Malta u 4 f’Għawdex) huma uffiċjalment rikonoxxuti bħala bajjiet għall-klieb. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawn iż-żoni. Fil-preżent ma hawn l-ebda ħsieb li jiżdiedu ż-żoni uffiċjali tal-għawm fejn jistgħu jgħumu l-klieb pero’ il-Ministeru jibqa’ miftuħ li jikkunsidra żoni addizzjonali jew modifiki taż-żoni eżistenti skont il-ħtieġa wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet neċessarji mad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali u l-partijiet interessati.

Żoni tal-għawm

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista taż-żoni kollha tal-għawm li huma “animal friendly” u dawk li mhumiex? Jista' jgħid jekk iż-żoni li huma “animal friendly” hux ser jiżdiedu, u jekk iva fejn u meta? Jista’ jgħid ukoll x'sinjali għandhom jiġu pprovduti biex jiddistingwu dawn iż-żoni?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista taż-żoni kollha tal-għawn hija għal dog friendly u mhux animal friendly. Għaldaqstant, il-lista ta’ żoni li huma animal friendly mhiex possibbli li tingħata.

Festi Lokali — Fondi u Kriterji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19102 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jispjega kif jistgħu jintefqu l-fondi li huma mwiegħda għal kull festa lokali (€14,000) u x'inhuma l-kriterji?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba u mgħoddija lili.

Mellieħa –Master Plan dwar imwejjed u siġġijiet fil-Pjazez

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistix master plan, u jekk iva, jipprovdi kopja tiegħu - dwar imwejjed u siġġijiet fil-Pjazza tal-Mellieħa, u Pjazza Papa Ġwanni Pawlu II, il-Mellieħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar m'għandiex quddiema applikazzjonijiet biex tipproċessa proposta għall-Master Plan dwar tqegħid ta’ mwejjed u siġġijiet fil-Pjazza tal-Mellieħa, u Pjazza Papa Ġwanni Pawlu II, fil-Mellieħa.