Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tal-Artijiet — Ftehim kollettiv

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30067 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u jippreżenta l-aħħar ftehim kollettiv uffiċjali relatat mad-Dipartiment tal-Artijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jippreċiża x'irid ifisser bil-frażi "dipartiment tal-Artijiet".

KM Malta — Ħaddiema

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30068 dwar kemm hemm ħaddiema impjegati mal-kumpanija KM Malta, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-ħaddiema huma impjegati full time u kemm huma part time? Jista’ jgħid ukoll x’kariga jew grad għandhom dawn l-impjegati?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

KM Malta – Attivitajiet għall-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30070 u jgħid jekk saritx xi attività għall-ħaddiema ta’ KM Malta li ma kenitx relatata max-xogħol u li ġiet imħallsa mill-kumpanija, speċjalment jekk kienet iffinanzjata minn fondi pubbliċi? Jekk iva, jista’ jgħid x’kienet din l-attività u kemm swiet?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din is-sena saret attività waħda għall-ħaddiema ta’ KM Malta Airlines. Din l-attività ġiet tiswa €33,000. L-għan ta’ din l-attività kien biex tiġi rikonoxxuta il-ħidma tal-ħaddiema u biex jitrawwem ambjent inklussiv u pożittiv fil-post tax-xogħol.

KM Malta – Attivitajiet għall-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx xi attività għall-ħaddiema ta’ KM Malta li ma kenitx relatata max-xogħol u li ġiet imħallsa mill-kumpanija, speċjalment jekk kienet iffinanzjata minn fondi pubbliċi? Jekk iva, jista’ jgħid x’kienet din l-attività u kemm swiet?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Borża ta’ Malta – Prezz tal-istocks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-prezz tal-istocks tal-Gvern fil-Borża ta’ Malta (MSE) naqas minkejja t-tkabbir ekonomiku?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Intepellant ilil l-prezz tal-bonds maħruġa mil-Gvern ta’ Malta (MGS), mhux bilfors ikun affettwat mill-andament ġenerali tal-ekonomija tal-pajjiz. L-iktar fattur sinifikanti li jaffettwa l-prezzijiet tal-MGS huwa r-rata tal-imgħax. Meta r-rati tal-imgħax jogħlew, il-bonds ezistenti b’yields aktar baxx isiru inqas attraenti, u għalhekk il-prezz tagħhom jonqos. Meta r-rati tal-imgħax jinzlu, il-bonds ezistenti b’yields ogħla jsiru aktar attraenti, u għalhekk il-prezz tagħhom jizdied.

Is-Siġġiewi — Informazzjoni dwar Sqaq

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27111 dwar is-sqaq li d-dettalji u l-pjanta dwaru qed jingħataw separatament u li jwassal għal għelieqi, tista’ l-Ministru tgħid jekk hux possibbli li jgħaddu servizzi bħal dawl u ilma minnu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmata li l-proċedura applikata kemm mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kif ukoll mill-Enemalta tinvolvi li s-servizzi jitwasslu sal-aħħar punt tal-art pubblika u li l-infrastruttura fi proprjetà privata hija responsabbiltà tal-privat.

Is-Settur Ċivili u s-Settur Pubbliku – Kawżi kriminali fil-konfront ta’ ħaddiema

Question

Jista’ l-Prim Ministru jispjega l-proċedura li tiġi segwita fil-konfront ta’ dawk il-persuni li jkunu għaddejjin minn kawża kriminali u li jaħdmu fis-settur ċivili kif ukoll fis-settur pubbliku? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-politika uffiċjali f’dan ir-rigward?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi meta uffiċċjal pubbliku jkun għaddej minn proċeduri kriminali, jiġu applikati l-proċeduri tar-Regolamenti tad-Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku 2023 (L.S.Kost.07). Fir-rigward ta’ impjegati fis-settur pubbliku sakemm ma jkunux uffiċjali pubbliċi li jkunu detailed, jiġu eżegwiti l-proċeduri stipulati mill-entità rispettiva, peress li r-Regolamenti tad-Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ma japplikawx għalihom.

Is-Settur Ċivili u s-Settur Pubbliku – Impjegati sospiżi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati fis-settur ċivili u pubbliku li bħalissa jinsabu sospiżi bi 80% tal-paga, minħabba każijiet kriminali pendenti fil-Qorti kontrihom?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

KM Malta — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema impjegati mal-kumpanija KM Malta llum?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-prezent it-total ta’ ħaddiema impjegati mal-KM Malta Airlines f’termini ta’ FTE hu ta’ 421.9.

KM Malta — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta’ ħaddiema Maltin u barranin li huma impjegati mal-kumpanija KM Malta? Mill-ħaddiema barranin, jista’ l-Ministru jgħid, kemm huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea (UE) u kemm huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs)?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skont it-tabella hawn taħt: ĦADDIEMANUMRU Maltin413 EU24 TCN17

Għajn Tuffieħa — Ex Army Camp - Art

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu s-sid tal-art fl-ex Army Camp f’Għajn Tuffieħa, kif immarkata bl-oranġjo fir-ritratti li qed jintbagħtu separatament? Jista’ jgħid ukoll jekk din il-proprjetà hijiex tal-Gvern, jew hijiex mikrija lil parti terza, u f’każ li hija mikrija, min hi din il-parti terza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li b’referenza għall-pjanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra li: · L-Art immarkata b’numru 1, hija tal-gvern u mikrija lil Majjistral Nature and History Park. · L-Art immarkata b’numru 2, hija tal-gvern pero mhijiex mikrija.

Transport Malta — CVC u CVOL

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28214 u jgħid jekk hemmx persuna fi Transport Malta li hija kwalifikata biex tivverifika ċ-Ċertifikati ta’ Verifika tal-Konformità (CVC) u ċ-Ċertifikati ta’ Verifika tal-Operat (CVOL), kif ukoll il-rapporti tas-surveyors? Jekk iva, jista’ jindika liema huma l-kwalifiki li għandhom u f’liema grad huma?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ħruġ tal-liċenzji indikati, li d-definizzjoni tagħhom kif imsemmija fil-mistoqsija mhijiex korretta, kif ukoll il-verifika tar-rapporti tas-surveyors, isir mill-Commercial Vessel Unit fi ħdan id-Direttorat tal-Ports and Yachting ta’ Transport Malta. Dan il-unit jaqa’ taħt ir-remit taċ-Chief Officer u Harbour Master, li huwa kwalifikat bħala Master Mariner (Unlimited) STCW A-II/2.

CVC — Bastimenti kummerċjali - Perjodu ta’ żmien għall-ħruġ taċ-ċertifikati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb i-mistoqsijaparlamentari 28215 u jgħid x’inhu l-perjodu ta’ żmien mill-applikazzjoni sa ma jinħareġ iċ-Ċertifikat ta’ Verifika tal-Konformità (CVC) għall-bastimenti kummerċjali li jġorru sa 16-il passiġġier?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġaladarba l-applikant jissottometti l-applikazzjoni erba’ ġimgħat qabel l-iskadenza tas-CVC (kif indikat ċar f’Port Notice No. 3 of 2019) il-mira hi li ċ-ċertifikat jinħareġ sa massimu ta’ erbgħa ġimgħat.

Marsa — Church Wharf - Użu tal-art

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ser ikun l-użu ta’ Church Wharf (is-sit fejn kien hemm l-ex-power station) ġewwa l-Marsa? Jista’ jgħid x’inhu l-ħsieb għall-użu ta’ din l-art, pereżempju: użu marittimu, użu kummerċjali jew oħrajn? Jekk dan ser isir, jista’ jgħid meta?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Marsa — Church Wharf - Użu tal-art

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’ser ikun l-użu ta’ Church Wharf (is-sit fejn kien hemm l-ex-power station) ġewwa l-Marsa? Tista’ tgħid x’inhu l-ħsieb għall-użu ta’ din l-art, pereżempju: użu marittimu, użu kummerċjali jew oħrajn? Jekk dan ser isir, tista’ tgħid meta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-art indikata qiegħda fuq il-kotba tal-Enemalta u għandha valur kummerċjali. Kwalunkwe pjanijiet dwarha jsiru favur l-interessi tal-kumpanija, l-gvern u tal-lokalitajiet fil-madwar, u jsiru bħala parti minn pjan sħiħ għar-riġenerazzjoni tal-inħawi.

Marsa — Church Wharf - Użu tal-art

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ser ikun l-użu ta’ Church Wharf (is-sit fejn kien hemm l-ex-power station) ġewwa l-Marsa? Jista’ jgħid x’inhu l-ħsieb għall-użu ta’ din l-art, pereżempju: użu marittimu, użu kummerċjali jew oħrajn? Jekk dan ser isir, jista’ jgħid meta?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Marsa — Church Wharf - Użu tal-art

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ser ikun l-użu ta’ Church Wharf (is-sit fejn kien hemm l-ex-power station) ġewwa l-Marsa? Jista’ jgħid x’inhu l-ħsieb għall-użu ta’ din l-art, pereżempju: użu marittimu, użu kummerċjali jew oħrajn? Jekk dan ser isir, jista’ jgħid meta?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Bastimenti kummerċjali — CVC

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk iċ-Ċertifikati ta’ Verifika tal-Konformità (CVC) għall-bastimenti kummerċjali humiex kollha maħruġa, u jekk hemmx pendenzi minn Transport Malta? Jekk iva, jista’ jgħid jekk hemmx dewmien jew ċertifikati li għadhom pendenti għall-bastimenti li jġorru minn 16-il passiġġier u inqas, u għaliex? Jista’ wkoll jipprovdi lista tal-bastimenti kollha li għadhom pendenti u r-raġunijiet għaliex għadhom f’dak l-istatus?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa l-eqdem applikazzjoni pendenti għall-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ bastiment kummerċjali hija datata l-1 ta’ April 2025, filwaqt li l-applikazzjonijiet kollha ta’ Marzu diġà ġew ipproċessati. Bħalissa hemm 101 applikazzjoni li huma ġodda u 57 li qabżu x-xahar mid-data tas-sottomissjoni.

Transport Malta — CVC u CVOL

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx persuna fi Transport Malta li hija kwalifikata biex tivverifika ċ-Ċertifikati ta’ Verifika tal-Konformità (CVC) u ċ-Ċertifikati ta’ Verifika tal-Operat (CVOL), kif ukoll il-rapporti tas-surveyors? Jekk iva, jista’ jindika liema huma l-kwalifiki li għandhom u f’liema grad huma?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.