Infrastructure Malta – ħlas għal irħam fil-Pjazza tal-Mosta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-ispiża li se tħallas Infrastructure Malta għall-irħam li se jitqiegħed fil-parti pedonali tal-proġett fil-pjazza tal-Mosta? Jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett hux qed isir bejn Infrastructure Malta u l-Kunsill Lokali tal-Mosta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed tiffinanzja biss xogħolijiet infrastrutturali sa wicc it-triq.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10062, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu stmat li ġej jiswa x-xogħol li qed isir fil-Pjazza tal-Mosta u fi Triq il-Kostituzzjoni, Triq il-Kungress Ewkaristiku, Triq il-Bażilika u Triq il-Kbira?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq il-Kbira diġà tlestew. Dawn ix-xogħlijiet kienu jinkludu sistema ġdida tal-ilma tax-xita, sistema ġdida ta’ drenaġġ u konnessjonijiet ġodda tad-drenaġġ ta’ kull residenza fit-triq, dual potable mains u konnessjonijiet tad-djar ġodda, kejbils ġodda tat-telekomunikazzjoni, kejbils tal-elettriku ġodda tal-Enemalta, ir-rikostruzzjoni sħiħa tal-bankini, inklużi l-mogħdijiet tal-hard stone fin-naħa t’isfel tat-triq, it-tisħiħ tas-sotto-bażi eżistenti u s-saffi tal-asfalt tul il-medda kollha tat-triq flimkien mas-sinjali tat-toroq u l-marki tal-linji meħtieġa kif ukoll aġġornament tal-infrastruttura l-antika u bil-ħsarat, li kienu eżistenti taħt it-triq minn entitajiet oħra. Il-kont finali għal dawn ix-xogħlijiet kollha nġabar flimkien mal-entitajiet l-oħra u li l-ispiża totali ta’ dawn ix-xogħlijiet ġiet ta’ madwar 1.95 Miljun ewro.
Fir-rigward tar-rikostruzzjoni tal-Pjazza u parti minn Triq il-Kostituzzjoni, Infrastructure Malta, qed timplimenta l-bini mill-ġdid ta’ din it-triq. Bħal Triq il-Kbira, il-pjazza u parti minn Triq il-Kostituzzjoni għaddejjin minn titjib ġenerali tas-servizzi kollha ta’ taħt l-art u flimkien mal-entitajiet ikkonċernati, il-kuntrattur qed jimplimenta xogħlijiet li jinkludu sistema ġdida tal-ilma tax-xita biex tiġbor it-tnixxija tal-wiċċ tal-maltemp, konnessjonijiet ġodda tad-drenaġġ, mains u konnessjonijiet tad-djar ġodda għal ilma potabbli, servizzi ġodda ta’ telekomunikazzjoni taħt l-art, cables tal-elettriku ġodda biex tissaħħaħ l-infrastruttura eżistenti tal-Enemalta u sistemi ġodda tat-traffic lights għal qsim aħjar fost ħafna xogħlijiet oħra. Ta’ min jinnota wkoll li Infrastructure Malta qed isaħħaħ il-pedamenti tat-triq bi tħejjija għall-implimentazzjoni tal-pavimentar, maħsub għall-pjazza, li għandu jiġi implimentat flimkien ma’ Ministeri u entitajiet oħra, wara talba ta’ xogħlijiet ta’ tisbiħ tal pjazza b’art ta’ pavimentar, imressqa mill-Kunsill Lokali tal-Mosta. Fid-dawl li x-xogħlijiet fi ħdan il-pjazza u parti minn Triq il-Kostituzzjoni għadhom għaddejjin u jinvolvu ħafna entitajiet u Ministeri, ma tistax tingħata spiża totali finali tax-xogħlijiet f’dan l-istadju.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – vejikoli
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm heavy vehicles, lifters u vannijiet u vejikoli tal-agrikoltura, fid-dekasteru tiegħu u meta saret l-aħħar spezzjoni biex jaraw humiex tajbin għat-triq?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tingabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10076, li oriġinarjament saret lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, u jgħid kemm ingħataw bħala għajnuniet, fondi għar-restawr tal-knejjes, djar antiki, ħitan tas-sejjieħ, mid-Direttorat tar-Restawr u jekk minn fondi tal-Unjoni Ewropea taħt liema programm jaqgħu?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema għajnuniet / skemi qed jirreferi.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10063, tista’ l-Ministru tgħid kemm hu stmat li ġej jiswa x-xogħol li qed isir fil-ġnien ta’ wara l-Bażilika tal-Mosta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li m’għandha l-ebda xogħlijiet għaddejjin bħalissa fiż-żona indikata, Project Green riċentement ħabbret ir-riġenerazzjoni ta’ Ġnien Reggie Cilia bħala wieħed mill-proġetti li ġew approvati taħt l-iskema Community Greening Grant.
Korp tal-Pulizija – post ta’ Assistent Kummissarju — psychometric testing
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx il-psychometric testing tal-kandidati għall-post ta’ Assistent Kummissarju tal-Pulizija fil-proċess li għadu kemm ġie konkluż?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Qed inpoġġi kopja tas-sejħa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10064 dwar l-embellishment li sar fil-blokok tal-Housing Estate f’Ta’ Paris, Birkirkara, jista’ l-Ministru jagħti break down tan-nefqa li saret blokka blokka?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba dwar in-nefqa li saret in konnessjoni mal-proġett tal-embellishment li sar fil-blokok fil-Housing Estate Ta’ Paris Birkirkara, kienet kif ġej:
Blokk
Nefqa incl VAT
Block C1, Ent to Flats 1-8
Triq Fonsu Maria Galea
€ 58,181.16
Block C1, Ent to Flats 9-16
Triq Fonsu Maria Galea
€ 31,379.42
Block C2, Ent to Flats 1-8
Triq Fonsu Maria Galea
€ 38,932.61
Block C2, Ent to Flats 9-16
Triq Olaf Golcher
€ 45,548.34
Block C3, Ent to Flats 1-8
Triq Fonsu Maria Galea
€ 47,311.56
Block C3, Ent to Flats 9-16
Triq Fonsu Maria Galea
€ 57,420.71
Block C4, Ent to Flats 1-8
Triq Fonsu Maria Galea
€ 35,421.47
Block C4, Ent to Flats 9-16
Triq Fonsu Maria Galea
€ 63,102.27
Block C5, Ent to Flats 1-8
Triq Fonsu Maria Galea
€ 42,676.37
Block C5, Ent to Flats 9-16
Triq Fonsu Maria Galea
€ 43,401.55
Block A, Ent to Flats 1-6
Triq G. Grech Delicata
€ 25,731.30
Block A, Ent to Flats 7-12
Triq G. Grech Delicata
€ 13,188.10
Block A, Ent to Flats 13-18
Triq G. Grech Delicata
€ 37,651.60
Block B, Ent to Flats 1-8
Footpath off Triq il Qattus
€ 44,569.04
Block B, Ent to Flats 9-16
Footpath off Triq il Qattus
€ 71,813.03
Block 1B
Triq G.Grech Delicata
€ 53,636.59
Block 1C
Triq L. Casolini
€ 50,899.44
Block 1D
Triq il - Girasol
€ 55,473.78
Total:
€ 816,338.34
Persuni li għandhom ’il fuq minn 60 sena u jaħdmu mal-Gvern
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10068, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, u jgħid kemm nisa/irġiel ta' aktar minn 60 sena għadhom jaħdmu mal-Gvern? Jista' jagħti n-numru skont l-età?
Ħ’Attard – Triq il-Linja, Wied Rmiedi u Triq id-Dorga – xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jispiċċaw ix-xogħlijiet fuq Triq il-Linja, Wied Rmiedi u Triq id-Dorga, f’Ħ’Attard, u jgħid ukoll kemm se jiġu jiswew?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li saru fi Triq il-Linja, Wied Rmiedi u Triq id-Dorga jinkludu s-sostituzzjoni tal-ilma tax-xorb u l-konnessjonijiet tad-djar, żidiet fin-netwerk ta’ telekomunikazzjoni taħt l-art u mogħdijiet ġodda. Issa l-aġenzija qed tipproċedi biex tikkonkludi sistema ġdida ta’ ġbir tal-ilma tax-xita u formazzjoni u wiċċ ġdid bl-asfalt. Ix-xogħlijiet huma stmati li jitlestew sal-aħħar ta’ Lulju, bidu ta’ Awwissu. Peress li x-xogħlijiet għadhom ma ġewx konklużi, l-ispiża totali għad trid tiġi kwantifikata, madanakollu qed tiġi stmata li l-ispiża biex jinbnew mill-ġdid Triq il- Linja u Wied Rmiedi se tammonta għal madwar €800,000 filwaqt li l-ispiża għal Triq id-Dorga hija stmata li se tammonta għal madwar €220,000.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew jiswew iż-żewġ siġriet taż-żebbuġ li tħawwlu mill-Kunsill Lokali Mosta, waħda fiż-Żokrija, Triq Patri Delia ma’ Triq Madonna taż-Żejfa, u l-oħra fit-tarf bejn Triq Valletta u Triq il-Kbira, Mosta? Kien hemm tender biex jinxtraw?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat, nirreferih ukoll għat-tweġiba li ngħatatlu għall-mistoqsija parlamentari 10519.
Jista’ l-Ministru jagħti timeframe ta' meta se jitkompla x-xogħol għal-lift ġdid f'Entratura C, Binja Ħesri, Triq Dun Anton Vella, is-Siġġiewi?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Djar għaddejja b’xogħol kontinwu f’dan il-blokk bl-installazzjoni tal-lift ppjanata għall-aħħar kwart tas-sena.
Din il-blokka qed tibbenefika mill-proġett tal-ERDF, fejn qed isir xogħol ta’ embellishment tal-komun ta’ din il-blokka, manutenzjoni tal-komun bħal tibjid, dawl, installazzjoni ta’ madum ġdid, servizzi ġodda, u aperturi double glazing minflok dak li diġà għandhom kif ukoll installazzjoni ta’ intercom. Intant ninsab infurmat li diġà saru alterazzjonijiet tal-lift shaft (li tlestew ġimagħtejn ilu), u beda jinqala’ wkoll il-madum sabiex ikunu jistgħu jgħaddu s-servizzi ġodda.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f'Malta u f'Għawdex kemm hawn pazjenti li qed jieħdu l-mediċina Ustekinumab, taħt il-brand Stelara?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 5 pazjenti li din il-mediċina ġiet approvata speċifikament għalihom.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9279, tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm Blue Badges revokati mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm 12-il Blue Badge li ġew revokati fuq indikazzjoni tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità mill-2020 sal-lum.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9281, tista’ l-Ministru tgħid kemm irriżulta li kien hemm Blue Badges foloz u x’passi ttieħdu kontra min abbuża mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità għandha viżibilità biss tal-Blue Badge foloz illi jiġu rrappurtati lilha jew li tiġbor hi. L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ilha tinżamm mill-Kummissjoni minn kemm ilha tiffunzjona t-Taqsima tal-Infurzar fi ħdanha, jiġifieri mill-2022.
Għaldaqstant in-numru ta' blue badges foloz li b'xi mod waslu għand il-Kummissjoni huwa ta' 190, 108 fl-2022 u 82 matul l-2023 sad-data li fiha qegħda tiġi mwieġba din il-domanda.
Preżentement, l-ikkuppjar u l-falsifikar ta' Blue Badge huwa reat punibbli, iżda mhux l-użu tagħhom. Għaldaqstant, ġie mħejji abbozz illi qiegħed fl-istadji finali tiegħu sabiex fost l-oħrajn jindirizza dan in-nuqqas.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il sejħa kien hemm, u f’liema grad jew skala, għall-ħaddiema fil-qasam tad-drenaġġ mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), mill-bidu tas-sena sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa mill-bidu ta’ din is-sena, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma investiet u ħadmet fuq taħriġ relatat mat-taqsima tad-Drenaġġ, liema taħriġ ġie mniedi permezz ta’ espressjoni ta’ interess li l-mira tiegħu kien li jilħaq il-ħaddiema kollha interessati li jaħdmu ma’ din is-sezzjoni.
Mal-għeluq ta’ din is-sejħa, l-Korporazzjon irċeviet 120 applikazzjoni. Wara li dawn ġew evalwati, ġie esegwit it-taħriġ u ntemm b’suċċess. L-għan ewlieni huwa li l-Korporazzjonii tassigura livell mill-aktar għoli fost ir-riżorsi umani li se jkunu eliġibbli għas-sejħiet relatati li se jkunu qegħdin jinħarġu.