Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm residenti fis-Centre of Residential Restorative Services (CORRS) fl-Imtaħleb fil-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm 24 resident f’Centre of Residential Restorative Services (CORRS).
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-persuni li jirċievu l-Assistenza Għal Diżabiltà Severa humiex eleġibbli għall-Blue Badge?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema tal-Blue Badge timxi ma’ kriterji ta’ eliġibilità speċifiċi. Mhux kull persuna li hija eliġibbli għal Assistenza għal Diżabilità Severa hi eliġibbli għal Blue Badge minħabba li jintuża metodu differenti ta’ assessjar.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali (housing estates) f’Malta u f’Għawdex? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll f’liema lokalitajiet jinsabu u f’liema sena tlestew?
Response (GALDES, RODERICK)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra fejn qed tiġi ppreżentata l-lista tal-blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali tal-Awtorità tad-Djar u s-sena ta’ meta dawn ġew mibnija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il lift mhux qed jaħdem fi blokok tal-akkomodazzjoni soċjali madwar Malta u Għawdex, fil-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jgħid ukoll f’liema blokka jinsab?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lifts li tamministra l-Awtorità tad-Djar fil-preżent huma kollha funzjonabbli. Meta jkun hemm rapporti dwar ħsarat, l-Awtorità tara li dawn jissewwew fl-iqsar żmien possibbli sabiex telimina l-inkonvenjenza bla bżonn lir-residenti ta’ dak il-blokk.
Akkomodazzjoni Soċjali — Applikanti mingħajr indirizz fiss
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi jsir f’każ li applikant għall-akkomodazzjoni soċjali ma jkollux indirizz fiss minħabba ċirkustanzi soċjali?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta applikant għall-akkomodazzjoni soċjali ma jkollux indirizz fiss minħabba ċirkostanzi soċjali u jkun konformi mal-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni, jista’ jintuża PO Box, indirizz ta’ NGO jew istituzzjoni. Fejn ikun hemm każijiet b’diffikultajiet soċjali u kumplessi, professjonisti li jaħdmu fil-komunità jagħmlu rapporti fejn jispjegaw is-sitwazzjoni, biex b’hekk l-Awtorità tad-Djar ikollha stampa aktar ċara dwar l-applikant.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw akkomodazzjonijiet soċjali, xahar b’xahar, matul is-snin 2022 u 2023, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm priġunieri li ħadu sehem fil-Psychiatric In-Reach Services, u kemm-il priġunier ġie riferut għall-kura ġewwa l-Forensic Unit tal-Isptar Mount Carmel, fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi n-numru ta’ priġunieri li ħadu sehem fil-Psychiatric In-Reach Services mis-sena 2020 sat-13 t’Ottubru 2023 huwa ta’ 921 priġunier/a.
Numru ta’ priġunieri li ġew riferuti għall-kura ġewwa l-Forensic Unit tal-Isptar Mount Carmel, fis-snin 2020, 2021, 2022 u sat-13 t’Ottubru 2023 huma:
Fis-sena 2020 =162 priġunier
Fis-sena 2021 =180 priġunier
Fis-sena 2022 = 230 priġunier
Sat-13 t’Ottubru 2023 = 150 priġunier.
Persuni li weħlu l-ħabs fuq nuqqas ta’ ħlas tal-manteniment
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna weħlet il-ħabs mis-sena 2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari għax ma żammitx mal-obbligazzjonijiet tagħha li tħallas il-manteniment?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għandu jagħmel din il-mistoqsija lil Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna żaret l-uffiċini tal-Awtorità tad-Djar matul is-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2023 sat-30 ta’ Ottubru 2023, 7,586 persuna żaret l-uffiċini tal-Awtorità tad-Djar.
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex il-vażetti/fliexken tal-ħġieġ ma nieħdu xejn lura tagħhom meta nirriċiklawhom fil-bidu tax-xahar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsumatur huwa legalment intitolat għar-rifużjoni tad-depożitu ta’ €0.10ċ imħallas fuq dawk il-kontenituri tax-xorb li jagħmlu parti mill-iskema, inkluż dawk tal-ħġieġ, meta jiġu depożitati fil-magni jew ritornati għand il-bejjiegħa tal-imnut.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-botox għall-użu mediċinali, bħal min pereżempju jkollu dystonia fil-muskoli, tinxtarax mill-pazjent għal €100 kull tliet xhur jew inkella tingħatax b'xejn mill-Gvern?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-botox għall-użu mediċinali huwa mediċina inkluża fil-formularju tal-Gvern u tiġi amministrata fuq bażi inpatient għall 7 kundizzjonijiet differenti.
Sptar Mater Dei — Interventi kirurġiċi – Spiża globali
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il konsulent Malti jew barrani, li jaħdmu fi sptarijiet barra minn Malta jinġiebu biex jagħmlu interventi kirurġiċi fl-Isptar Mater Dei u kemm tiġi l-ispiża globali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema perjodu qiegħed jirreferi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk qabel l-applikanti jingħataw akkomodazzjoni soċjali, isirx Social Impact Assessment, sabiex wieħed jara kif l-inkwilini l-ġodda ser jaffettwaw lil bqija tal-blokka u anki kif huma stess ser jiġu affettwati?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Studji Intensivi ta’ Social Impact Assessment sa issa mhux il-prassi tal-Awtorità tad-Djar li jsiru. Preżentament it-team tas-social work jagħmlu assessments qabel jiġu referuti għall-board tal-allokazzjoni. Dawn l-assessments jiġu mitqiesa sewwa mit-team u anke mill-Board.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbiegħu postijiet lil inkwilini rikonoxxuti u li l-Gvern huwa s-sid tagħhom, fil-perjodu bejn is-sena 2021 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kien l-ammont totali sena b’sena?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2021 u llum inbiegħu 300 post lill-inkwilini rikonoxxuti u li l-Gvern huwa s-sid tagħhom. Dawn it-300 post inbiegħu kif jidher fit-tabella t’hawn taħt:-
2021106
2022122
2023 – Sat -30 ta’ Ottubru 202372
Awtorità ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali — Ilmenti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il ilment tressaq lill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali dwar Ċentri ta’ Matul il-Jum għal Persuni b’Diżabilità matul l-2022 sal-ġurnata li tiġi fiha mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nisa Maltin, nisa barranin u tfal jgħixu f'shelter homes? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-lista ta' stennija għal dawn ix-shelters?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, qiegħed nifhem li bil-frażi shelter homes huwa qed jirreferi għall-homeless shelters.
Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-istatistika disponibbli għal kemm hemm nisa Maltin, nisa barranin u tfal jgħixu f’homeless shelters, hija dik għal bejn 1 ta’ Jannar u t-30 ta’ Ġunju, 2023, kif qed ikun preżentat fit-tabella t’hawn taħt:
Nisa u Tfal li kienu riferuti fil-Homeless Shelters bejn Jannar u Ġunju 2023
Maltin
Barranin
Total
Nisa
63
43
106
Tfal
27
23
50
Każijiet pendenti
8
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nisa Maltin u kemm barranin, kif ukoll tfal fuq il-lista ta' stennija biex jidħlu f'shelter homes? Jista’ jgħid ukoll kemm ilha fuq din il-lista ta’ stennija l-iktar applikazzjoni antika?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li billi s-sors aħħari tat-tagħrif mitlub minnhu mhuwiex entità tal-Gvern imma l-NGOs li jipprovdu dan is-servizz u billi dawn ma jżommux id-data tagħhom kollha fil-format li jixtieq hu, ninfurmah li ma għandix aktar x’inżid mat-tagħrif li diġà tajtu għall-mistoqsija parlamentari numru 11329.