Legislature:
Category:
Reset
Active:

Esperti tal-Qorti – Talbiet għal-ħlas

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti għal-pagamenti għall-ħlas lill-esperti tal-qorti fil-preżent u minn meta ilhom dovuti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm hemm talbiet pendenti għall-pagamenti għall-ħlas lill-esperti tal-Qorti fil-preżent sal-25 ta’ Jannar 2024.

Persuni li weħlu l-ħabs fuq nuqqas ta’ ħlas tal-manteniment

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11371 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, u jgħid kemm-il persuna weħlet il-ħabs mis-sena 2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari għax ma żammitx mal-obbligazzjonijiet tagħha li tħallas il-manteniment?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari numri 8414 u 9713.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il membru tal-Korp tal-Pulizija mar jaħdem mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fl-aħħar 4 xhur?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li ma kienx hemm trasferimenti bejn il-Korp tal-Pulizija u d-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Kull persuna kella ċ-ċans li tapplika għal sejħa pubblika tal-Protezzjoni Ċivili fis-sena 2022.

Matthew Micallef St. John Athletics Stadium — Dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-kumpless Matthew Micallef St. John Athletics Stadium fil-Marsa ilu ġimgħat sħaħ ikun dlam ċappa filgħaxijiet bil-konsegwenza li atleti Maltin ikollhom jitħarrġu fid-dlam?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-Matthew Micallef St John Athletics Stadium fil-Marsa huwa amministrat mill-assoċjazzjoni. Madankollu SportMalta qed tassisti lill-assoċjazzjoni mal-awtoritajiet ikkonċernati sabiex din il-problema ma terġax isseħħ.

Il-Mosta – Monument iddedikat lill-Missjunarji Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-monument iddedikat lill-Missjunarji Maltin u li jinsab fir-roundabout f’salib it-toroq, bejn it-toroq: Triq il-Kostituzzjoni, Vjal Millbrae, Triq id-Difiża Ċivili u Triq il-Missjunarji Maltin, hux ser jibqa’ ewlieni u f’postu u jekk ser jiċċaqlaq, xi proposta hemm floku? Jista’ jgħid ukoll jekk hijiex l-istess proposta li ma ntlagħqetx u ġiet irtirata fl-2021 mill-Ministru predeċessur kif ukoll mis-CEO tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid jekk il-Kunsill Lokali tal-Mosta kienx ikkonsultat b’din l-proposta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li sar fid-daħla tal-Mosta, u li sar b’investiment ta’ iżjed minn €1.5m, jinkludi s-segregazzjoni tat-traffiku, belisha crossings, dawl tat-toroq u sinjali tat-toroq ġodda għal iktar sigurta’ fit-toroq. Għaddejjin diskussjonijiet mal-kunsill rispettiv biex dan ix-xogħol jiġi kkumplimentat b’landscaping plan u anke tqegħid ta’ monumenti li jixirqu, dan skont permessi relatati u anke deċiżjonijiet li diġa ttieħdu mill-kunsill lokali rispettiv.

Karozzi tal-linja — Numru massimu ta’ passiġġieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru massimu ta' passiġġieri li tista' tgħabbi karozza tal-linja?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru massimu ta’ passiġġiera li karozza tal-linja tista’ tgħabbi jiddependi fuq il-mudell u l-kobor tal-vettura. Dan in-numru jkun indikat fuq id- dokument “Certificate of Conformity” hekk kif maħruġ mill-manifattur. In- numru ta’ passiġġieri li jistgħu jitgħabbew minn vetturi li bħalissa qegħdin jintużaw mis-servizz tat-trasport pubbliku huwa hekk kif isegwi: · Vetturi ta’ tnax il-metru, medja ta’ tmienja u sittin passiġġier, · Vetturi ta’ disa’ metri, medja ta’ sitta u ħamsin passiġġier, u · Minibuses, medja ta’ erba’ u għoxrin passiġġier.

Bormla — Dar it-Tama – Fondi għat-tmexxija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jagħtix fondi għat-tmexxija ta' ‘Dar it-Tama’ f’Bormla u jekk iva jgħid kemm bħala ammont?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ma tatx fondi għat-tmexxija lill-Dar it-Tama ġewwa Bormla iżda assistietha fuq xogħlijiet ta’ rranġar li kellhom bżonn isiru fil-binja, liema somma ammontat għal €20,848.59c. Mis-sena 2018 ’il quddiem, l-Awtorità tad-Djar assistiet ukoll lil Dar it-Tama permezz ta’ sussidju fuq il-kera tal-istess residenza bi 80% fuq l-ammont tal-kirja dovuta lill-istess Awtorità.

Ministeru għat-Turiżmu – Punch clock

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-punch clock fil-Ministeru tiegħu ġiex installat għall-ħaddiema taċ-Ċivil biss u mhux għall-ħaddiema tal-kuntrattur u tas-segretarjat tiegħu wkoll?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lil Onor. Interpellant li ma ġie installat l-ebda punch clock fil-Ministeru bil-mod kif qed issir referenza għalih.

Talba għal ħlas ta’ multi minn sidien

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex sid irid iħallas għall-multi li jkun għamel inkwilin li jkun telaq mill-fond u s-sid ma jistax japplika għall-permess mingħand l-Awtoritá tal-Ippjanar qabel jitħallsu dawn il-multi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Att tal-2016 dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap. 552) subartikolu 73(1)(b) jipprovdi li: “… m’għandhiex tiġi aċċettata u pproċessata applikazzjoni jew m’għandux jingħata permess taħt dan is-subartikolu sakemm min japplika jew il-predeċessur tiegħu fit-titolu ma jkunx: ... (b) ħallas dawk il-multi jew għamel dawk il-ħlasijiet li jistgħu jkunu dovuti fuq is-sit mertu tal-applikazzjoni.” Għalhekk kull sid ta’ art jew propjetà huwa responsabbli li jara li l-inkwilin ma jwettaq l-ebda żvilupp illegali u f’każ kuntrarju jara li għandu l-mezzi li jiġbor lura spejjeż li wieħed jidħol fihom meta dan iseħħ.

Persuni homeless — Statistika

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra statistika ta' kemm persuni kienu rikonoxxuti bħala homeless fil-perjodu 2013-2022?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar mhix l-Awtorità li tiġbor din il-lista. Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Mosta – nefqa fuq triq u roundabout

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9117, jista' l-Ministru jgħid lil min tħallsu l-€1.7 miljun għax-xogħol li sar fi Triq id-Difiża Ċivili?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9117, il-ħlasijiet saru lil Excel Sis, B. Grima & Sons Ltd, Samuel Micallef u Peter Calleja.

Każ ta’ Individwu

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11338, jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi hemm fuq il-każ tal-individwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament? Jista' jgħid ukoll meta ser issir din l-operazzjoni?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħtina iktar tagħrif dwar l-individwu u dwar il-każ tiegħu.

Sptar Mater Dei — Miżuri favur saħħa mentali ta’ impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu għas-saħħa mentali ta’ kull min jaħdem fil-qasam tal-A&E fl-Isptar Mater Dei u s-sewwieqa tal-ambulanzi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sena l-oħra l-Ministeru tas-Saħħa nieda d-dokument Health Workforce Strategy 2022-2030. Kopja ta’ din l-istrateġija qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħ'Attard — Triq Victor Vassallo – Twessigħ ta’ bankina

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li twessgħat il-bankina fi Triq il-Linja kantuniera ma' Triq Victor Vassallo, f'Ħ'Attard, u kemm ġiet tiswa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Il-Mosta – Triq Ċejlu Tonna — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi t-time frames ta' meta se titlesta Triq Ċejlu Tonna, il-Mosta, minħabba l-inkonvenjent li qed jinħoloq lir-residenti konsegwenza tat-trab?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet infrastrutturali f’parti minn Triq Ċejlu Tonna (bejn Triq it-Torri u Triq Ġużeppi Callus), jagħmlu parti minn xogħlijiet li għaddejjin fit-toroq tal-madwar: Triq Ġużeppi Callus, Triq it-Torri, parti minn Triq ix-Xorxa, parti minn Triq Ġlormu Cassar u Triq il-Mitħna l-Qadima. Ix-xogħlijiet huma pjanati li jitlestew sa Ġunju 2024.

Arbitru tal-benefiċċji soċjali – Smigħ ta’ appell

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu l-Arbitru tal-benefiċċji soċjali? Jista’ jgħid ukoll għalfejn persuna ddum tistenna aktar minn tliet xhur biex jinstema' l-appell tagħha meta jinqatgħalha l-benefiċċju soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Arbitri maħtura skont l-Att dwar is-Sigurtà soċjali huma: Dr Luciano Busuttil Dr Adrian Camilleri Dr Noel Camilleri Dr Noel Cutajar Dr Edward Gatt Dr Joseph Mario Sammut Dr Simon Micallef Stafrace Dr Vincent Micallef Dr Katia Mercieca u Dr Shaheyar Ghaznavi li wara Frar 2024 mhux ser ikompli bħala Arbitru. F’Jannar 2024 qed jiġu appuntati l-appelli li jikkonċernaw benefiċċji li ġew intavolati f’Dicembru 2023. Kull każ jinstema’ fuq il-merti tiegħu u mhux dejjem possibbli li l-każ jinqata’ fi żmien tlett xhur, minħabba l-fatt li ħafna drabi jkun hemm bżonn li jittellgħu xhieda kif ukoll ikunu ppreżentati dokumenti relatati.

Sptar Mater Dei u Ċentri tas-Saħħa – Użu ta’ servizzi minn persuni barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni barranin jużaw is-servizzi tal-Isptar Mater Dei u taċ-ċentri tas-saħħa? Kemm huma minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u kemm minn pajjiżi terzi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika l-perjodu li matulu jrid din l-informazzjoni.

Bormla — Dar it-Tama

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11326, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm residenti differenti ġewwa ‘Dar it-Tama’ f’Bormla matul l-aħħar ħames snin, maqsumin sena b'sena? Jista’ jgħid ukoll kemm kien l-itwal, kif ukoll l-iqsar perjodu ta’ residenza, matul dawn il-ħames snin?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ma għandiex aċċess għat-tali informazzjoni.