Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sussidju għall-anzjani fi djar tal-anzjani, f'residenza tal-Gvern u f'tal-privat

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma kemm hawn anzjani li huma fi djar tal-anzjani, f'residenza tal-Gvern u f'tal-privat li qegħdin jibbenefikaw minn xi forma ta’ sussidju?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 748 resident fi djar tal-anzjani tal-Gvern u 2,828 resident fi djar privati fejn il-Gvern jixtri s-sodod. Dawn ir-residenti kollha jibbenefikaw minn sussidju għar-residenza tagħhom f’dawn id-djar.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Entitajiet li għandhom CEO

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx entitajiet, aġenziji jew awtoritajiet li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li għandhom CEO? Jekk iva, jista’ jgħid liema huma u min hu/hi s-CEO? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta’ meta ħa/ħadet il-pożizzjoni u jgħid jekk jagħmlux xi xogħol ieħor bħala negozju jew jipprattikaw professjoni privatament waqt li qed jokkupaw il-pożizzjoni ta’ CEO?

Response (ABELA, ROBERT)

Filwaqt li qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra, ninsab ukoll infurmat li hadd minn dawn ma jipprattika professjoni privatament. Għal aktar tagħrif nirreferi ukoll lill-Onor . Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 391.

Persuni b’diżabiltà – Permessi għall-parking

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11980, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, u jgħid x’kien in-numru ta’ permessi għall-parking għal persuni b’diżabilità quddiem djar residenzjali sena b’sena, fl-aħħar għaxar snin?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-informazzjoni li għandha Transport Malta tkopri numru ta’ permessi għall-parking għal persuni b’diżabilità f'diversi toroq u pjazez mal-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex u għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jkun iktar speċifiku x’jrid ifisser b’permerssi għall-parking għal persuni b’diżabilità quddiem djar residenzjali.

Avviż lill-Baħħara

Question

Fid-dawl tal-co-ordinates li ngħataw fl-Avviż lill-Baħħara, jista' l-Ministru jgħid jekk jikkonsidrax li l-ammont żgħir ta' daqs tas-siti ta' konservazzjoni msemmija f’dawn l-Avviżi jippermettux li jservu ta' nurseries għal ħut peress li dawn huma ta' importanza kbira li ma jippermettux ħsad u disturb minn ħoss ta' inġenji tal-baħar b'mod ripetut, sabiex wara l-ħut jinfirex fl-inħawi ’l barra minnhom u jippreservaw is-sostenibbiltà fis-sajd?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-co-ordinates li ngħataw fl-Avviż lill-Baħħara, ġew deċiżi f’bilanċ bejn is-sostenibilita’ tas-siti msemmija, inkluż il-potenzjal ta’ artificial reefs, l-għixien tas-sajjieda professjonali u l-familji tagħhom, kif ukoll il-passatemp tad-dilettanti tal-baħar.

Bajja tal-Ġnejna – Enforcement notices fuq boathouses

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu enforcement notices fuq boathouses mibnija illegalment fil-Bajja tal-Ġnejna f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn l-aħħar games snin, fil-Bajja tal-Ġnejna nħareġ Avviż ta’ Infurzar wieħed. In-numru ta’ referenza dan il-każ huwa EC/105/23 li jispeċifika: Għandek żvilupp mingħajr permess li jikkonsisti minn tħammil ta’ materjal u livellar tal-art biex ġiet iffurmata kamra tax-xtajta fuq sit skedat skont Notifikazzjoni tal-Gvern bin-numru 400/96. Dan l-Avviż ta’ Infurzar huwa soġġett għal multa kuljum skont LS 552.24, Regolament 3, Kategorija C.

Proprjetà mgħoddija mill-Knisja lill-Istat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 11201 u 12018 li oriġinarjament saru lill-Prim Ministru u lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli rispettivament u jgħid meta bdew in-negozjati bejn il-Gvern u s-Santa Sede dwar ftehim ġdid li jirregola l-proprjetà immobbli li l-Knisja Kattolika għaddiet lill-Istat Malti fl-1991? Jista’ jgħid ukoll fiex waslu dawn in-negozjati?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li kienet ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 13423.

Bajja tal-Ġnejna – Każ ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-boathouse li fl-aħħar sentejn inbniet fil-Bajja tal-Ġnejna mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, kenitx koperta minn permessi tal-Awtorità għall-Ippjanar, u jekk le ħaditx xi azzjoni ta’ infurzar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-boathouse li qed isir referenza għaliha - li nbniet matul dawn l-aħħar sentejn fil-Bajja tal-Ġnejna - hi koperta b’Avviz ta’ Infurzar; stante li ma kien hemm l-ebda permess biex tinbena. Referenza ta’ dan il-kaz huwa EC105/23 - Għandek żvilupp mingħajr permess li jikkonsisti minn tħammil ta' materjal u livellar tal-art biex ġiet iffurmata kamra tax-xtajta fuq sit skedat skont Notifikazzjoni tal-Gvern bin-numru 400/96. Dan l-Avviż ta’ Infurzar huwa suġġett għal multa kuljum skont LS552.24, Regolament 3, Kategorija C.

Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura — Avviż lill-Baħħara numru 215

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex qiegħed jerġa' jitħalla sajd bir-rixa fiż-żoni ta' konservazzjoni madwar il-baħar fejn hemm fdalijiet permezz tal-Avviż lill-Baħħara numru 215 tal-2023, maħruġ minn Transport Malta f'isem id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura fl-1 ta' Diċembru 2023? Jista’ jgħid ukoll għaliex dan ġie mwaqqaf biss għal perjodu ta' ġimgħatejn, meta għaqdiet u skejjel tal-għaddasa ilhom jitolbu s-snin sabiex dawn il-prattiċi jiġu mwaqqfa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura — Avviż lill-Baħħara numru 215

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju li d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura kkonsidra li minħabba ċ-ċokon taż-żoni msemmija fl-Avviż lill-Baħħara numru 215 tal-2023 (Wreckages) ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni li jitħalla li jsir sajd bid-dgħajjes f’dawn l-inħawi? Jista’ jgħid ukoll jekk ikkonsidrax il-periklu għall-għaddasa, kemm bin-nifs kif ukoll b'attrezzatura, li jitħallew idumu ħin twil taħt il-wiċċ meta b’dan l-Avviż id-dgħajjes qegħdin jitħallew ibaħħru minn dawn iż-żoni? Fl-aħħar nett jista’ jgħid kif ser ikun possibbli li l-Awtoritajiet jivverifikaw jekk sajjied ikunx qiegħed jistgħad għall-ħut fil-wiċċ, jew għall-ħut iktar fil-fond, b'periklu għall-għaddasa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li ġew meqjusa il-fatti kollha, il-kundizzjonijiet dwar sajd kif imniżżla fl-Avviż lill-Baħħara huma bilanċjati għall-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, niġbed l-attenzjoni għall-fatt li fl-Avviż hu mniżżel ċar li l-bastimenti kollha għajr dawk imsemmija, għandhom jibqgħu 'l bogħod miż-żoni ta' Konservazzjoni, minħabba sikurezza, u jżommu distanza sigura u javviċinaw b'veloċità sigura f'kull ħin. Rigward l-aħħar mistoqsija, il-verifiki jsiru fuq it-tagħmir tas-sajd abbord u wieħed jiddetermina kisirx il-kundizzjonijiet tal-Avviż lill-Baħħara jew le.

Ċentri tas-Saħħa – Professjoni ta’ Allied Health Practitioners

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Allied Health Practitioners fic-Ċentri tas-Saħħa u jelenka xi professjoni jipprattikaw?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fiċ-Ċentri tas-Saħħa hemm 72 professjonist fil-grad ta’ Allied Health Practitioner (AHP) maqsumin kif ġej: Professjoni Numru ta’ AHP Fiżjoterapisti 13 Podjatri 16 Patologi tal-lingwa u diskors 34 Radjografi 8 Nutrizzjonista 1

Il-Mosta — Triq Filippo Apap Bologna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex Triq Filippo Apap Bologna ġewwa l-Mosta saret direzzjoni waħda meta qed ikun hemm konġestjoni ċara riżultat tal-karreġġjata għar-roti tal-Pont tal-Mosta li jinsab fejn qiegħed joħroġ miż-żona tal-Mosta għaż-żona tan-Naxxar?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

POYC — Mediċina Out of Stock

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx mediċini għall-POYC out of stock u jekk iva, liema huma?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għal-lista tal-POYC li qeda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra u li tkun ippublikata fuq is-sit eletroniku; healthservices.gov.mt

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il konsulent hemm fil-Ministeru tiegħu u x’livell ta’ edukazzjoni u esperjenza għandhom, speċjalment fil-qasam li l-Ministeru jirrappreżenta?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-konsulenti ġew impjegati skont l-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva — Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il konsulent hemm fil-Ministeru tiegħu u x’livell ta’ edukazzjoni u esperjenza għandhom, speċjalment fil-qasam li l-Ministeru jirrappreżenta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13975.

DIER — Policy li tirregola l-imġieba u etika korretta

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg (DIER), bħala korp regolatorju, għandux policy li tirregola l-imġieba u etika korretta ta’ Uffiċjali ta’ trade unions, teħid kont tar-rwol pubbliku li tali uffiċjali għandhom? Jekk le, jista’ jgħid jekk hux se tiġi formulata tali policy?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

MCESD – Persuni akkużati u/jew misjuba ħatja ta' reat

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx persuni akkużati b’aġir kriminali u/jew instabu ħatja ta’ reat, li qed jokkupaw siġġu madwar il-Mejda tal-Malta Council for Economic and Social Development (MCESD)?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.