Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar tal-anzjani - Żmien ta’ stennija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhu ż-żmien medju ta’ stennija biex persuni jidħlu fi djar tal-anzjani?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemmx żmien medju ta’ stennija stabbilit għad-dħul fi djar tal-anzjani, peress li dan jiddependi minn diversi fatturi u għaldaqstant iż-żmien ivarja bejn każ u ieħor.

Benefiċċji soċjali - Każijiet pendenti ta' appelli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ każijiet pendenti ta’ appell rigward benefiċċji soċjali li d-dipartiment ħass li ma kellhomx jingħataw lil ċerti individwi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnhu hija kif tidher fit-tabella t’hawn taħt: Total ta’ Appelli pendenti sa Awwissu 2026 huwa ta’ 488 li jinqasmu kif ġej: Numru ta’ Appelli Appelli pendenti sal-31 ta’ Awwissu 2026 329 Appelli li għadhom ma ġewx appuntati sa Awwissu 2026 159

Akkomodazzjoni soċjali – Blokok ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħataw iċ-ċwievet tal-appartamenti tal-blokok tal-akkomodazzjoni soċjali li hemm ippjanati li jitlestew sal-aħħar tas-sena 2026?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-appartamenti tal-akkomodazzjoni soċjali kollha li huma ppjanati biex jitlestew matul is-sena 2026 qed jimxu skont il-pjan stabbilit sabiex jitlestew fil-perjodu previst. L-għoti taċ-ċwievet lill-benefiċjarji jsir hekk kif jitlestew il-konnessjonijiet tas-servizzi essenzjali tad-dawl u tal-ilma mal-grid pubblika mill-entitajiet kompetenti.

Akkomodazzjoni soċjali – Blokok ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li sal-aħħar ta' din is-sena jinbnew xi blokok ġodda għall-akkomodazzjoni soċjali u meta huwa ppjanat li jitlestew? Jekk iva, jista’ jgħid jekk humiex se jkunu aċċessibbli għal persuni b’diżabilità?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa tmiem l-2026 hemm ippjanat li jkun tlesta xogħol fuq blokok ġewwa l-lokalitajiet ta’ Żejtun, Il-Belt Valletta u Raħal Ġdid. Uħud mill-akkomodazzjonijiet ser ikunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà.

Proprjetajiet tal-Gvern – Rinnovazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetajiet tal-Gvern, inklużi garaxxijiet, li jinsabu fi stat li jeħtieġu rinnovazzjoni? Jista' wkoll jagħti timeframes ta' meta ser isiru dawn ir-rinnovazzjonijiet u jagħti stima ta' kemm se jiswew ix-xogħlijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-garaxxijiet tal-Awtorità huma fil-maġġoranza tagħhom mikrija u, għaldaqstant, huwa l-obbligu tal-inkwilin li jżomm il-garaxx mikri lilu/lilha fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni. Fejn ikun hemm bżonn ta’ xogħlijiet ta’ rinovazzjoni fuq garaxxijiet speċifiċi, dawn isiru każ b’każ, partikolarment fejn ikun hemm preparazzjoni għall-bejgħ kummerċjali jew għall-kiri fit-tul b’kirja kummerċjali. Għaldaqstant, tali interventi jsiru skont il-ħtieġa u d-domanda li tinqala’ f’kull każ partikolari. Rigward il-proprjetajiet residenzjali tal-Awtorità tad-Djar, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rinnovazzjoni tagħhom hija proċess kontinwu li jsir skont programm annwali ta’ xogħlijiet. Kull sena, l-Awtorità tippjana li twettaq interventi ta’ rinovazzjoni fuq madwar 50 blokk, għalkemm fil-prattika dan in-numru normalment jinqabeż skont ir-riżorsi disponibbli u l-ħtiġijiet identifikati. Meta wieħed iqis li l-Awtorità hija responsabbli minn madwar 1,500 blokk, u li l-programm ta’ rinovazzjoni beda fl-2018, sal-lum ġew rinnovati 573 blokka. L-ispejjeż u l-perjodu ta’ twettiq tax-xogħlijiet ivarjaw skont il-kundizzjoni tal-proprjetà u n-natura tal-interventi meħtieġa, u għalhekk ma jistax jingħata terminu jew stima waħda li tapplika għall-każijiet kollha. Madankollu, minn meta beda l-programm ta’ rinovazzjoni sal-lum, l-ammont totali investit kien ta’ madwar €25.8 miljun.

Awtorità tad-Djar – Proprjetajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha proprjetajiet ta' akkomodazzjoni soċjali l-Awtorità tad-Djar? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma mikrija mill-privat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Awtorita tad-Djar għandha total ta’ 7893 proprjetajiet ta' akkomodazzjoni soċjali li minnhom 1,497 huma mikrijin mill-privat.

Akkomodazzjoni soċjali – Applikazzjonijiet ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet ġodda għall-akkomodazzjoni soċjali li ilhom jistennew i.    aktar minn sena; ii.    aktar minn sentejn; u iii.    aktar minn tliet snin u kemm minnhom ġew miċħuda u approvati fl-aħħar tliet snin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-aħħar tas-sena 2025, kien hemm 10 applikazzjonijiet li kienu għadhom qegħdin jinħadmu u kien hemm 304 applikazzjoni li ġew irrifjutati minħabba dokumenti nieqsa jew għax ma kinux eliġibbli u kien hemm 51 persuna li oġġezzjonaw id-deċiżjoni u kienu qegħdin jistennew deċiżjoni mill-Bord tar-Reviżjoni. L-informazzjoni qed titqieghed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Akkomodazzjoni soċjali – Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet pendenti għall-akkomodazzjoni soċjali sal-aħħar ta' Ġunju 2026?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-aħħar ta’ Ġunju 2026 kien hemm 1794 applikazzjoni pendenti għall-Akkomodazzjoni Soċjali.