Jista' l-Ministru jgħid meta l-mediċina Ustekinumab magħrufa bħala Stellara daħlet fil-formularju tal-Gvern għall-mediċini li jittieħdu b'xejn, u jekk iva, jekk u meta ser tkun disponibbli?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mediċina ġiet approvata biex tidħol fil-formularju skont protokoll. Is-sejħa ntbgħatet għall-publikazzjoni lid-dipartiment tal-kuntratti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba rċeviet l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) sabiex sid ta' proprjetà jiġi kkumpensat mill-assigurazzjoni tal-iżviluppatur għal ħsarat li huwa jkun sofra fil-proprjetà tiegħu, mis-sena 2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll x'inhi l-proċedura li ġiet segwita f'dawn il-każijiet?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtoritá qatt ma tkun infurmata rigward kumpens mogħti minn assigurazzjoni peress li claims miftuħa għand dawn il-kumpaniji privati tal-assigurazzjoni jsiru mil-assikurat u mhux mit-terz.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13093 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra statistika ta' kemm persuni kienu rikonoxxuti bħala homeless fil-perjodu 2013-2022?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub minnu huwa kif jidher fit-tabella ta’ hawn taħt.
2013
2014
2015
2016
2017
2018
2019
2020
2021
2022
Telefonati ġenwini fuq in-numru
179
fejn il-problema prinċipali kienet
homelessness
158
173
180
226
236
308
376
645
526
507
Total ta’ telefonati ġenwini fuq
179
10068
10929
10262
9370
8895
9010
13567
13906
13565
12515
% ta’ telefonati ġenwini dwar
homelessness
2%
2%
2%
2%
3%
3%
3%
5%
4%
4%
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-comparative analysis li l-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni għamel biex ġew imfassla l-ammonti riveduti ta' droga msemmijin fid-dokument li nieda ftit ilu dwar Riforma fil-Liġi tad-Droga, liema comparative analysis tkun turi kif jipparagunaw dawn l-ammonti riveduti ma' dawk viġenti fil-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea, speċjalment tal-Olanda, Ġermanja, Franza u Belġju?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammonti riveduti tad-droga fis-skeda IV tal-Kap 101 ma jirreferix għal ammonti li huma permessibli jew legali b'ebda mod iżda jitkellmu fuq l-ammonti indikattivi sabiex każ jiġi deċiż mil-Qrati Superjuri jew il-Qrati Inferjuri. L-analiżi li saret tindirizza il-każistika tal-Qrati ta' Malta u l-pieni imposti a bażi tal-ammonti misjuba f'dawn l-aħħar għaxar snin.
Jiġi spjegat li mhux kull pajjiż għandu sistema ġudizzjarja bħal tagħna fejn hemm ammont indikattiv li jservu bħala linji gwida. F'diversi pajjiżi ewropej wieħed iħares lejn iċ-ċirkostanzi u mhux biss lejn l-ammonti. L-iskeda tindika mhux biss ammonti indikattivi bħala linji gwida iżda wkoll fatturi ulterjuri bħal l-involviment o meno tal-individwu.
PBS — Direct orders fl-2023 u 2024 - Nefqa għal refurbishment ta’ studios
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f’direct orders fl-2023 u fl-2024, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, mill-Public Broadcasting Services (PBS) għal refurbishment ta’ studios? Jista’ jgħid ukoll meta u lil min ingħataw tali direct orders, wieħed wieħed?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-PBS li kull nefqa li għamlet il-PBS marbuta mad-domanda in kwistjoni, saret skond ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03).
Intant infurmat ukoll mill-PBS li l-informazzjoni dwar in-nefqa hija waħda kummerċjalment sensittiva.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13592 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u ċjoè: Jista' l-Ministru jagħmel trasport mill-Mosta għall-MCAST Paola peress li hawn studenti li jkunu ilhom fuq il-Bus Stop mill-5.30 a.m. u l-karozzi tal-linja jispiċċaw jgħaddu full-up u bit-traffiku ta' filgħodu jispiċċaw jaslu tard għal-lezzjonijiet?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rotta X3 tgħaddi u isservi bus stops fi Vjal Milibrae kif ukoll fi’ Triq iz-Zejfa li jinstabu fl-inħawi magħrufa bħala taż-Żokrija ġewwa il Mosta. Fi triqtha, din ir-rotta tgħaddi u tieqaf fuq il-bus stop Lourdes ġewwa Raħal Ġdid.
Din ir-rotta tibda topera mill-Mosta (Għarusa) fil-0528 ta’ filgħodu u minn Raħal Ġdid (Lourdes) fl-0543 ta’ filgħodu.
Madanakollu, qed tittieħed nota li din ir-rotta mhix tilħaq il-bżonn tal-istudenti Mostin kollha u għaldaqstant fix-xhur li ġejjin ser tiġi evalwata l-possibilità li titjieb l-aċċessibbiltà għal- MCAST ġewwa Raħal Ġdid.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali fl-2021, 2022 u 2023? Jista’ jgħid ukoll f’kemm minn dawn l-ispezzjonijiet instab xi forma ta’ ksur tal-liġijiet dwar il-ħarsien tal-annimali?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu s-salarju tal-Arbitru dwar is-Sigurtà Soċjali?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, s-salarju tal-Arbitru huwa kif jidher hawn taħt:
Isem tal-Bord
Honoraria /Renumerazzjoni
Arbitri
*€5,062 fis-sena u €45 kull seduta
* Massimu tal-2024 SS 2 f’Level 2 i.e. 15% ta’ €46,947 = €7,042
Raħal Ġdid — Għassa tal-Pulizija - Apparat tal-interrogazzjonijet awdjo viżwali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għala l-apparat li jieħu l-interrogazzjonijiet b’mod awdjo viżwali fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid ilu xhur ma jaħdimx?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-apparat tal-interrogazzjonijet awdjo viżwali fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid saritlu manutenzjoni u tiswija meħtiega, u dan jista’ jintuża.
FCID u Depot tal-Pulizija — Apparat tal-interrogazzjonijet awdjo viżwali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għala l-apparat tal-interrogazzjonijet awdjo viżwali fil-Financial Crimes Investigations Department (FCID) u fid-Depot tal-Pulizija għadu b’DVD li ħadd għadu ma juża, minflok b’USB?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi jintuża DVD fl-apparat tal-interrogazzjonijet awdjo viżwali fil-Financial Crimes Investigations Department (FCID) u fid-Depot tal-Pulizija u mhux USB / pen drive. It-tip li jintużaw huwa secure storage li ma jistax jiġi mbagħbas. Dan kuntrarju għal pen drives li ma humiex read-only, u għaldaqstant l-użu tagħhom mhux ikkunsidrat bħala secure storage.
Is-sede tal-Aġenzija Ewropea kontra l-Ħasil ta’ Flus
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għala l-Gvern Malti m’applikax biex Malta tospita s-sede tal-Aġenzija Ewropea kontra l-Ħasil ta’ Flus li twaqqfet xahar ilu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern Malti jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lil Aġenziji li jissieltu kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.
Din is-sena li qiegħdin fiha mmarkat l-għaxar anniversarju mindu l-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u s-Saltna tad-Dritt (IIJ) kien imwaqqaf f’Malta. Dan l-istitut imsejjaħ IIJ għandu s-sede tiegħu ġewwa l-Universita’ il-Qadima fil-Belt Valletta u jaħdem id f’id ma’ pajjiżi Ewropej, tal-Golf Persiku, l-iStati Uniti u l-Afrika sabiex iħarreġ professjonisti minn dixxiplini u pajjiżi varji li huma kruċjali fil-proċessi li jwasslu sabiex issir ġustizzja, bħal ġudikanti, prosekuturi u dawk li jinfurzaw il-liġijiet.
Dan l-istitut li ilu li twaqqaf f’Malta mill-2014 baqa’ jissaħħaħ b’appoġġ kontinwu, inkluż wieħed finanzjarju, min-naħa tal-Gvern Malti. Barra minn hekk, l-Istitut innifsu li jissielet favur il-Ġustizzja, għaraf ikompli jilqa’ fi ħdan il-Bord tal-Governanza tiegħu iżjed pajjiżi b’tali mod li llum il-ġurnata jilqa’ fi ħdanu lill-Malta, l-Alġerija, Franza, l-Italja, il-Ġordan, il-Kuwajt, il-Marokk, in-Niġerja, it-Tuneżija, it-Turkija, ir-Renju Unit, l-iStati Uniti, il-Ġermanja u anke l-Unjoni Ewropeja. Din hija xhieda ħajja ta’ kif Malta ilha li għarfet l-importanza ta’ tali istituzzjonijiet u hija kommessa li tagħti s-sostenn tagħha lill-Aġenzija AMLA, li għaliha qed jagħmel referenza l-Onor. Interpellant.
Fil-każ tal-aġenzija AMLA kien hemm għadd imdaqqas ta’ Stati Membri Ewropej li applikaw biex jospitaw din l-Awtorita’ ġdida. Bħala Gvern se nkomplu nħarsu ‘l quddiem biex naraw li din l-Aġenzija tibda topera u taħdem sabiex bħala Unjoni Ewropea nilħqu l-miri maqbula, u nħarsu wkoll ‘il quddiem biex permezz tal-mezzi kollha li għandna, inkluż kollaborazzjoni ma’ Istituti internazzjonali li ġja’ nipparteċipaw fihom, inkomplu nsaħħu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
Jista’ l-Ministru jgħid għala hemm lift fil-Faċilità ta’ San Vinċenz de Paul li ilu 3 xhur ma jaħdimx?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li filwaqt li fl-istess blokka hemm lift ieħor li qiegħed jintuża b’mod kontinwu, qed isir dak li hu possibbli sabiex jinstabu l-parts meħtieġa biex il-lift li qed jirreferi għalih l-Interpellant jiġi msewwi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se tiżdied il-preżenza tal-Community Police fl-MCAST, Paola u fl-akkwati biex jiġu evitati xi inċidenti li jistgħu jinqalgħu?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se tiżdied il-preżenza tal-Community Police fl-MCAST, Paola u fl-akkwati biex jiġu evitati xi inċidenti li jistgħu jinqalgħu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi waqt illi ser jsir minn kollox biex il-preżenza tal-Pulizija tal-Komunità fl-MCAST, Raħal Ġdid u fl-akkwati tal-madwar kontinwament tissaħħaħ, din it-Taqsima hija mpenjata wkoll f’approċċ multi-dixxiplinarju, li diġà nbeda flimkien mal-amministrazzjoni tal-MCAST, biex kemm jista’ jkun inċidenti ta’ kull xorta jiġu evitati u mrażżna. Il-Pulizija tad-Distrett impenjata wkoll biex tara li jiġu evitati inċidenti fl-istess lokalità.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-interpretazzjoni li tat l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) fil-każ tal-file li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, fejn il-multi pendenti ntrabtu mal-proprjetà u mhux mal-inkwilin preċedenti, hijiex interpretazzjoni legali u ġusta?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Avviż biex Tieqaf u ta’ Twettiq bil-multa ta’ kuljum inħareg skont il-Ligi Sussidjarja 552.24. L-istess avviż ġie nnotifikat lis-sidien skont id-dispożizzjonijiet ta’ Taqsima IX ta’ Kap. 552. Minn qari tal-liġi u anke minn sentenzi riċenti, huwa kkonfermat li Avviż joħrog fuq sit u mhux fuq persuna, u għaldaqstant il-multi jibqgħu marbuta mas-sit.
Tas-Sliema — Underground car park – Espressjonijiet ta’ interess
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu espressjonijiet ta’ interess għall-proġett tal-underground car park f’Tas-Sliema, quddiem ix-Xatt? Jista’ jagħti indikazzjoni u dettalji ta’ x’inhuma l-passi li jmiss?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt il-konsultazzjonijiet, saru diversi sottomissjonijiet relatati mas-suq tal-proġett tal-underground car park quddiem ix-xatt f’Tas-Sliema.
L-Għan ta’ dan il-proċess huwa biex il-Gvern jissonda l-interess tas-suq fil-Proġett u jiġbor informazzjoni importanti li tgħin lill-Awtorità kontraenti sabiex tieħu l-aħjar deċiżjonijiet biex dan il-proġett ikun jista’ jseħħ.
Sptar Mater Dei u Ċentri tas-Saħħa – Użu ta’ servizzi minn persuni barranin
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13000, jista' l-Ministru jgħid kemm persuni barranin jużaw is-servizzi tal-Isptar Mater Dei u taċ-ċentri tas-saħħa mis-sena 2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jgħid kemm huma minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u kemm minn pajjiżi terzi?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'riċerka u x’innovazzjoni saret mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx konklużjonijiet tar-riċerka u kemm hu maħsub li din ir-riċerka ġiet tiswa?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.