Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ambaxxaturi mhux residenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-ambaxxaturi mhux residenti (non-resident ambassadors) u għal liema pajjiż ġew akkreditati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Mosta — Ġnien l-Għarusa - Cold War Shelter - Rinnovazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan għal rinnovazzjoni tal-Cold War Shelter ta’ Ġnien l-Għarusa tal-Mosta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mosta li fil-preżent għad m’hemmx pjan għal rinovazzjoni tal-Cold War Shelter ta’ Ġnien l-Għarusa tal-Mosta.

Il-Mosta — Permess għal attività fil-Pjazza

Question

Jista’ l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex nhar il-Ħadd 5 ta’ Mejju 2024, il-grupp li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament inżamm mill-awtoritajiet milli juża Pjazza Rotunda, fil-Mosta, li fi tmiem il-ġimgħa tkun pedonali, u kien imġiegħel imur fi Pjazza 16 ta’ Settembru?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma rċevietx u ma proċessatx l-ebda talba biex tiġi organiżżata xi attivita’ mill-grupp li d-dettalji dwaru ngħataw separatament, f’xi pjazza minn dawk imsemmija fl-istess mistoqsija.

Każ ta’ individwu — Ingaġġ jew impjieg

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament għandhiex xi forma ta' ingaġġ jew impjieg full-time jew part-time jew nomini fuq bordijiet ta' entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-pakkett finanzjarju għal kull rwol li jista’ jkollu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu msemmi jinsab membru fil-board tal-Authority for Integrity in Maltese Sport. Remunerazzjoni tal-individwu hi ta’ €3,741.04 fis-sena.

L-Imtarfa — Ċentru għal Persuni bid-Dimensja - Servizz ta' trasport għall-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex ippjanat li jsir servizz ta' trasport għall-anzjani li jattendu ċ-Ċentru għal Persuni bid-Dimensja, fl-Imtarfa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed jiġi pproċessat tender għall-provvista ta’ trasport għaċ-ċentru tad-dimensja tal-Imtarfa.

Il-Gżira — Triq San Albert - Xogħol ta’ cables tad-dawl

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se titkompla u titlesta Triq San Albert, fil-Gżira peress li x-xogħol ta’ cables tad-dawl ġodda ilu wieqaf xhur b’inkonvenjenza għar-residenti tat-triq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mhux korrett li x-xogħol li qed issir referenza għalih kien “ilu wieqaf xhur”, u ninforma lill-Onor. Interpellant li dan tlesta u anke sar l-asfalt skont ir-rekwiżiti tal-permess maħruġ minn Transport Malta.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Pannelli Solari

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pannelli solari fuq il-bejt tal-Ministeru? Jekk le, jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej il-proċess neċessarju sabiex jiġu installati l-pannelli fuq il-bejt tal-Ministeru.

Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali — Pannelli Solari

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pannelli solari fuq il-bejt tal-Ministeru? Jekk le, jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq il-bejt tal-Ministeru hemm installata sistema ta’ pannelli solari.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — Pannelli Solari

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pannelli solari fuq il-bejt tal-Ministeru? Jekk le, jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed jiġi pjanat pjan ħolistiku dwar ir-rinovar tal-Berġa ta’ Aragona, li jinkludi wkoll il-possibbiltà li jiġu installati l-pannelli solari.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Pannelli Solari

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pannelli solari fuq il-bejt tal-Ministeru? Jekk le, jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fil-preżent m’hemmx pannelli solari installati fuq il-bejt tal-Ministeru. Il-Ministeru hu konxju tal-importanza li nħaddnu s-sorsi ta' enerġija rinovabbli biex nikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u nsaħħu s-sostenibbiltà. Għaldaqstant, ser isiru l-arranġamenti mal-esperti tagħna f’dan ir-rigward.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi — Pannelli Solari

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pannelli solari fuq il-bejt tal-Ministeru? Jekk le, jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq il-bejt tal-binja tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi (Blokk B, Triq Francsco Buonamici, Floriana) hemm sistema ta’ 7 pannelli solari b’kapaċità totali ta’ 1.20kWp. Din is-sistema kienet waħda mill-ewwel sistemi ta’ pannelli solari li twaħħlu fuq binjiet tal-Gvern.

Ftehim — Sussidju għall-inkontinenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex iffirmat xi ftehim għas-sussidju għall-inkontinenza għall-anzjani? Jekk le, jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dan il-ftehim jiġi fis-seħħ?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità joffri servizz ta’ Kontinenza fejn anzjani li jbagħtu minn inkontinenza jingħataw prodotti ssussidjati. Dan is-servizz ilu jingħata għal diversi snin.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Pannelli Solari

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pannelli solari fuq il-bejt tal-Ministeru? Jekk le, tista’ tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq il-bejt tal-Ministeru m’hemmx pannelli solari. S'issa m’hemmx il-ħsieb li jsiru u dan peress li l-binja li fiha tokkupa l-uffiċini tal-Ministru u s-segretarjat tal-Ministru huma b’kirja f’binjiet privati.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika — Pannelli Solari

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pannelli solari fuq il-bejt tal-Ministeru? Jekk le, jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġimgħat li ġejjin se jiġu installati 24 pannella solari fuq il-binja tal-Ministeru.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Pannelli Solari

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pannelli solari fuq il-bejt tal-Ministeru? Jekk le, tista’ tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir jopera minn żewġ binjiet ewlenin, waħda fil-Belt Valletta u oħra f’Santa Venera, u li fiż-żewġ siti hemm installata sistema ta’ pannelli solari.

Ministeru għall-Finanzi — Pannelli Solari

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pannelli solari fuq il-bejt tal-Ministeru? Jekk le, jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'hemmx pannelli solari fuq il-bejt tal-Ministeru, u m'hemmx ħsieb li jsiru f’dan l-istadju.