Legislature:
Category:
Reset
Active:

Blokok tad-djar tal-Gvern – Refurbishment

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex isir refurbishment fil-blokok tad-djar tal-Gvern? Jekk iva, jista' jelenka l-lokalità, it-timeframe u l-investiment?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-programm ta’ tisbiħ u manutenzjoni fl-akkomodazzjoni soċjali għal din is-sena għadu għaddej. B’total ta’ 80 blokka ppjanati għal din is-sena, b’investiment stmat ta’ €5,147,611. Nirreferi għat-Tabella 1, li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, li turi l-progress tax-xogħlijiet skont il-lokalità, inkluż il-blokok fejn ix-xogħol tlesta, dawk li bħalissa jinsabu fil-fażi ta’ implimentazzjoni, u dawk li fuqhom ix-xogħol mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin. Il-programm huwa mistenni jitlesta sa tmiem is-sena 2026. Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li l-programm ta’ tisbiħ għall-2027 għadu qed jiġi mfassal. F’dan l-istadju, il-lista tal-lokalitajiet u l-investiment relatat għadhom ma ġewx approvati formalment mill-Bord tal-Awtorità tad-Djar.

Vjolenza domestika – Hubs speċjalizzati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm hubs speċjalizzati għall-vjolenza domestika f'Malta u Għawdex u kemm ilhom miftuħin? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjan biex jinfetħu oħrajn?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Vjolenza domestika – Ksur ta’ ordnijiet ta’ protezzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' ksur ta' ordnijiet ta' protezzjoni minn vjolenza domestika matul l-aħħar tliet snin? Jista’ jgħid ukoll f'kemm minnhom ittieħdet azzjoni immedjata?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Vjolenza domestika – Panic alarms

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw panic alarms lill-vittmi li huma f’riskju għoli ta’ vjolenza domestika minn meta bdiet din l-iskema u kemm minn dawn intużaw f'emerġenzi?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kumitat Konġunt dwar il-Vjolenza Domestika – Rakkomandazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk, abbażi tar-rapport tal-Kumitat Konġunt dwar il-Vjolenza Domestika, ġewx implimentati xi rakkomandazzjonijiet sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista’ jagħti lista ta’ dawn il-bidliet?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jikkjarifika għal liema Kumitat Konġunt dwar il-Vjolenza Domestika qed jirreferi.

Vjolenza domestika – Servizzi pubbliċi – Bżonnijiet tas-superstiti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu biex is-servizzi pubbliċi jkunu aktar koordinati u ffukati fuq il-bżonnijiet tas-superstiti (persuni qrib il-vittma li baqgħu ħajjin) tal-vjolenza domestika?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Vjolenza domestika – One-stop service għall-vittmi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jintroduċi one-stop service għall-vittmi ta' vjolenza domestika sabiex dawn ma jkollhomx għalfejn jikkuntattjaw diversi entitajiet differenti?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Bordijiet tar-Reviżjoni – Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-Bordijiet ta’ Reviżjoni għadhom jagħmlu l-laqgħat tagħhom online mingħajr ma jaraw x’inhi l-preferenza ta’ dawk involuti u l-gravità tal-każijiet? Jista’ jgħid ukoll jekk hux biħsiebu jbiddel il-proċedura tal-ħidma ta’ dawn il-bordijiet f’dan is-sens?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fil-preżent, is-seduti tal-Bordijiet ta’ Reviżjoni jsiru b’mod virtwali permezz ta’ Zoom. Din il-modalità ġiet adottata bil-għan li jiġi żgurat proċess aktar sigur, effiċjenti u aċċessibbli għall-partijiet kollha involuti, filwaqt li tiffaċilita’ l-parteċipazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-familji, il-foster carers, il-ħaddiema soċjali u professjonisti oħra involuti fil-każ. Il-format virtwali jikkontribwixxi wkoll sabiex jiġu minimizzati, fejn huwa possibbli, tensjonijiet jew kunflitti li jistgħu jinqalgħu waqt seduti wiċċ imb wiċċ, kif ukoll sabiex isir użu aktar effiċjenti tal-ħin u tar-riżorsi. Madanakollu, l-użu tal-format virtwali mhuwiex wieħed assolut. Il-Bordijiet ta’ Reviżjoni, jistgħu jiddeċiedu li s-seduta, jew parti minnha, issir b’mod fiżiku, fejn iċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ/każijiet ikun jirrijedi li jsir hekk, u dan wara li jitqiesu n-natura tal-każ, il-ħtiġijiet tal-minuri kif ukoll ta’ dawk l-persuni l-oħra involuti.

Pjanijiet ta’ permanenza – Każijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tifel jew tifla bħalissa qed jistenna pjan ta’ permanenza u kemm ilu kull każ pendenti sabiex tinkiseb permanenza?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnhu huwa kif qed ikun elenkat hawn taħt: 1. Każijiet pendenti quddiem ir- Review Board imwaqqaf skont Kap 602: Hemm żewġ (2) każijiet , wieħed sottomess f’ April 2026 u ieħor sottomess f’ Ġunju, 2026. Jekk ir- Review Board jiddeċiedi favur permanenza dawn imbagħad jiġu ppreżentati lill-Qorti kompetenti għall-approvazzjoni finali tagħha permezz ta’ digriet maħruġ mill-istess Qorti. 2. Każijiet approvati mir- Review Board u li qed jistennew Digriet definittiv mill-Qorti kompetenti skond Kap 602: Hemm erba’ (4) każijiet li huma mqassmin hekk: ·     Tnejn (2) kienu sottomessi lir- Review Board f’ Jannar, 2026 u approvati f’ Mejju, 2026 u li, għaldaqstant, ilhom jistennew id-Digriet tal-Qorti erba’ (4) xhur, ·     Kas wieħed (1) li kien sottomess lir- Review Board f’ Mejju, 2026 u approvat f’ Ġunju, 2026 u li, għaldaqstant, ilu jistenna d-Digriet tal-Qorti tliet (3) xhur, ·     Kas ieħor (1) li kien sottomess lir- Review Board f’ Mejju, 2026 u approvat f’ Lulju, 2026 u li, għaldaqstant, ilu jistenna id-Digriet tal-Qorti xharejn (2).

Foster carers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan sabiex l-indirizz tal-foster carers ikun dak uffiċjali fir-rekords tal-iskejjel, tas-servizzi tas-saħħa u ta’ entitajiet pubbliċi oħra, sabiex jiġu evitati diffikultajiet amministrattivi u jiġu protetti l-privatezza u s-sigurtà tat-tfal? Jista’ jgħid ukoll x’qed isir biex il-foster carers ikollhom aċċess għall-informazzjoni miżmuma mill-Gvern permezz tal-eID tagħhom f’materji ta’ edukazzjoni, saħħa, eċċ.?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, li d-Direttorat tal-Kura Alternattiva fi ħdan l-FSWS qiegħed jaħdem fil-qrib mal foster carers u mal-entitajiet konċernati biex tkompli tissaħħaħ is-sistema. Inżid ukoll li fil-preżent il-Ħaddiema Soċjali jassistu biex jiffaċilitaw il-proċessi fejn jidħlu trasport tal-iskola, u anke rigward ir-riżultati tal-eżamijiet tat-tfal, filwaqt li f’ċirkostanzi oħra, fejn ikun possibbli, l-indirizz tat-tfal jinbidel minnufih fuq dak tal-foster family.

Provisional Orders – Kawżi pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi ta’ Provisional Order pendenti bħalissa, maqsuma skont kemm ilhom pendenti u ċjoè; aktar minn sena, sentejn u tliet snin? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma r-raġunijiet ewlenin għad-dewmien biex ikunu deċiżi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnhu hija kif jidher hawn taħt: 2022: 4 Ordnijiet (1 għas-sentenza) ·       2 Ordnijiet ta’ Ħarsien ·       2 Ordnijiet t’Emerġenza 2023: 10 Ordnijiet (1 għas-sentenza) ·       4 Ordnijiet ta’ Ħarsien ·       4 Ordnijiet ta’ Emerġenza ·       2 Ordnijiet ta’ Superviżjoni 2024: 22 Ordni (4 għas-sentenza) ·       5 Ordnijiet ta’ Ħarsien ·       10 Ordnijiet t’Emerġenza ·       7 Ordnijiet ta’ Superviżjoni 2025: 24 Ordni (6 għas-sentenza) ·       9 Ordnijiet ta’ Ħarsien ·       10 Ordnijiet ta’ Emerġenza ·       4 Ordnijiet ta’ Superviżjoni ·       1 Ordni ta’ Korrezzjoni 2026: 33 Ordni (4 għas-sentenza) ·       12 Ordni ta’ Ħarsien ·       19 Ordni ta’ Emerġenza ·       2 Ordnijiet ta’ Superviżjoni Dan ifisser li proviżjorjament hemm total ta’ 93 kawża pendenti bejn l-2022 u 2026. Dan id-dewmien seta’ gie kkawżat, imma mhux biss, minn xhieda multipla u ripettitiva fejn il-Qorti talbet li tisma’ l-istess xhieda jew tirrepeti proċeduri biex tifhem il-każ sew. Raġuni oħra li wasslet għal dewmien fil-passat kien in-nuqqas ta’ preżenza tal-ġenituri li jew ma jattendux jew ma jinstabux. Għaldaqstant, illum qed jinħatar Kuratur Legali biex il-proċess ma jeħilx minħabba n-nuqqas tal-ġenituri. Il-fatt li s-seduti jiġu differiti għal xahrejn jew tlieta jwassal ukoll għal ħafna dewmien fil-proċeduri għax ikun għadda wisq żmien bejn seduta u oħra li twassal għal tibdil fil-bżonnijiet u ċ-ċirkustanzi tal-ħajja ta’ minuri.

Santa Venera – Children’s House

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ispiża kapitali u dik annwali taċ-Children’s House f’Santa Venera matul l-aħħar tliet snin? Jista’ jgħid ukoll kemm-il darba ntużat din il-binja f’każijiet ta’ protezzjoni ta’ minuri u x’miżuri qed jittieħdu sabiex din il-faċilità tintuża b’mod aktar regolari u estensiv?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninsab infrumat li l-ispiza kapitali u annwali tac- Children’s House, li tinkludi spejjeż relatati ma’ pagi, servizzi ta’ sigurta’, tisħiħ tal-post, infiq fuq għamara u tgħamir ieħor meħtieġ għall-użu sħiħ tal-istess servizz, għas-snin bejn 2023 u sa’ Gunju tal-2026, hija kif iddettaljata hawn taħt: 2023 - €176,781 2024 - €172,118 2025 - €205.565 2026 (sa Gunju) - €96,476 Ninsab infurmat ukoll li matul is-sena 2024, 26 minuri li kellhom bzonn protezzjoni uzaw iċ- Children’s House għall- Forensic Interview jew biex jagħtu xhieda mill-istess dar b’ mod sigur u fil-presenza ta’ professjonisti mħarrġa. Matul is-sena 2025, saru 9 Forensic Interviews u 20 sessjoni fejn minuri taw xhieda mic- Children’s House . Matul is-sena 2026, sa Settembru, saru 44 Forensic Interview u żewġ minuri taw xhieda fil-presenza tal-Maġistrat miċ- Children’s House .  Matul din is-sena saru wkoll tlett laqgħat bejn il-minuri u l-avukati tat-tfal. Fir-rigward tal-aħħar parti tal-mistoqsija, jiġifieri, dwar; “ ... x’ miżuri qed jittieħdu sabiex din il-faċilità tintuża b’mod aktar regolari u estensiv?” irid jingħad li dan mhuwiex fil-kontroll la tal-FSWS li hija operazzjonalment responsabbli għaċ-Children’s House u lanqas ta’ dan il-Ministeru li huwa politikament responsabbli għaliha.

Residenzi tal-Anzjani - Sodod ġodda

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa n-numru ta’ sodod ġodda li hemm fir-Residenzi tal-Anzjani, minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Jannar sa Settembru 2026, żdiedu 78 sodda ġdida taħt l-iskema tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.