Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kummerċ ġdid

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20982 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm ġie kummerċ ġdid f'dawn l-aħħar sentejn u x'tip? Jista’ jgħid ukoll kemm kien l-investiment globali?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Membri ta' ordnijiet reliġjużi — Prodotti relatati mas-saħħa

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 20988 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid jekk membri ta' ordnijiet reliġjużi humiex intitolati għal nuċċalijiet, hearing aids u dentaturi b'xejn mill-Gvern u jekk le, għaliex?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport permezz ta’ l-iskema Empowerment Scheme tgħin b’mod finanzjarju persuni b’diżabilità meta jiġu biex jixtru affarijiet li jgħinu fl-aċċessibilità. L-Aġenzija Sapport ma tagħmel l-ebda differenza jekk il-persuna b’diżabilità tkunx membru ta’ ordni reliġjuża.

Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21100 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid kemm għad hemm ċitazzjonijiet li ngħataw lill-vetturi f'dawn l-aħħar għaxar snin, mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, li għadhom pendenti, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm hu t-total ta' flus li għadhom iridu jinġabru u x'ser jagħmel il-Gvern biex jara li dawn iċ-ċitazzjonijiet jitħallsu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li mill-2013 sal-2023 kien hemm 3,583,847 taħrika valida, li jammontaw għal €133,811,122.81 li minnhom tħallsu 3,287,066 b’valur ta’ €116,187,254.06. It-tabella b’din l-informazzjoni qegħda titpoġġa wkoll fuq il-mejda tal-kamra. Il-LESA mhux biss għaddejja b’ħidma biex dawn il-fondi jinġabru, iżda anke ħarġet 241 mandat ta’ sekwestru mill-2022 b’valur totali ta’ €4,711,563.59, li bihom saħansitra qed tirkupra fondi li ilhom dovuti sa mill-2002. L-ammonti dovuti jinkludi wkoll każijiet fejn il-proċess legali għadu għaddej.

Eżami tas-SEC — Matematika

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20939, jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' studenti li għamlu l-eżami tas-SEC fil-Matematika fl-Iskola Sekondarja tal-Ħamrun, f’April-Mejju 2024 u jaqsam din l-informazzjoni skont il-marka li ġabu minn 1 sa 8 u U?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li mill-iskola msemmija, 119-il student poġġew għall-eżami msemmi. Għal fini ta’ etika, informazzjoni addizzjonali mhux ser tiġi ppublikata.

Il-Mosta – Skola Sekondarja taż-Żokrija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser issir estensjoni fl-Iskola taż-Żokrija l-Mosta? Jista’ jgħid kemm ser jiżdiedu klassijiet u kif ser ssir l-estensjoni pereżempju jekk hux ser jinbena sular ieħor? Jekk ser ssir estensjoni, din ser issir matul is-sena skolastika għad-detriment kemm għal saħħet l-istudenti kif ukoll l-edukaturi?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Rabat, Għawdex – Taċ-Ċawla – Proprjetà tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ kemm-il proprjetà tal-Gvern inbiegħet jew inkriet fl-inħawi magħrufa bħala Taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm kien il-prezz u b’liema mod intlaqgħu l-offerti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Entitajiet relatati mal-benesseri soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm entitajiet relatati mal-benesseri soċjali appuntati mill-Gvern? Jista’ jgħid ukoll kemm-il ħaddiem hemm fi ħdan dawn l-entitajiet, maqsuma entità b'entità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Iterpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Occupational Therapists

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ Occupational Therapists li ggradwaw dan l-aħħar u kemm minnhom ġew impjegati fi ħdan il-Ministeru tiegħu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li kien hemm 11-il student li ggradwaw mill-kors ta’ Occupational Therapy. Għaxar (10) applikanti applikaw għall-post ta’ Allied Health Professional (Occupational Therapy) u dawn l-applikanti kollha ġew impjegati mal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva.

Valletta — Pageant of the Seas

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20908, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika u jgħid kemm sewa l-Valletta Pageant of the Seas u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, rendikont ta’ kif intefqu l-flus, bid-dettalji ta’ min tħallas minn dan il-Pageant li dam sagħtejn? Jista’ jgħid ukoll kif ingħataw it-tenders?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kif mgħoddija lili mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Valletta Pageant of the Seas huwa l-akbar proġett fil-kalendarju kulturali tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. Il-Valletta Pageant of the Seas issir darba kull sentejn u t-tħejjijiet għalih jieħdu bejn 6 xhur u 8 xhur. Is-servizzi miksuba biex ġie mtella l-Valletta Pageant of the Seas inkisbu skond ir-Regolamenti Dwar L-Akkwist Pubbliku.

Sptar Mount Carmel — Taqsima forensika - Residenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm residenti fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Mount Carmel u kemm bħala żmien, ilu miżmum l-iktar resident li ilu hemm?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli hemm għaxar residenti. Il-persuna li ilu l-aktar miżmum f’din it-taqsima mit-2 ta’ Lulju tas-sena 2018.

Ħal Lija, il-Mosta u Ħ’Attard — Triq Pantar, Triq Durumblat u Triq Santa Katarina

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ħa jitlesta, u kemm ġej jiswa l-proġett ta' Triq Pantar f’Ħal Lija, Triq Durumblat fil-Mosta u Triq Santa Katarina f’Ħ'Attard?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi x-xogħlijiet fit-toroq imsemmija huma mistennija li jkunu konklużi sa nofs Jannar 2025. Dan il-proġett twettaq b’investiment ta’ kważi €4M li jinkludi sistema kompluta ta’ pajpijiet biex jinġabar l-ilma tax-xita li tinżel fl-akwata, bini ta’ roundabout ġdida bit-trinek tas-servizzi kollha meħtieġa għaliha, bini ta’ ħitan tas-sejjieħ f’partijiet mit-triq, servizzi ġodda li ġew proposti minn entitajiet differenti għat-toroq kollha imsemmija (ilma, drenaġġ, telekomunikazzjoni, elettriku), bankini ġodda, skavar tat-triq u bini mill-ġdid, u linji gwida.

San Ġwann — Residenti ta’ binja

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19511, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi żvilupp dwar l-inġustizzji u d-diskriminazzjoni li qed isofru r-residenti ta’ binja ġewwa San Ġwann li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward ta’ dan il-lift wasalna fl-istadju fejn il-Fire Safety Report ġie approvat mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-lift ġie inkluż bħala parti mill-programm ta’ liftijiet li għandhom isiru s-sena d-dieħla.

LSEs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn studenti li qed jiġu pprovduti bis-support ta' LSE? Kemm hemm minnhom fl-iskejjel primarji, sekondarji u kemm fil-livell post sekondarju? Jista’ jgħid ukoll kemm qed jirċievu one to one u kemm shared?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Kuntratti ta’ fiduċja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12071 u 18998 u jikkonferma l-entitajiet li jaqgħu taħtu? Jista’ jgħid ukoll min huma l-persuni li ngħataw kuntratti ta’ fiduċja u/jew li ġew impjegati f'dawn l-entitajiet, xi rwol ingħataw u x'kienet il-kwalifika li ddistingwithom biex intgħażlu għal dan l-irwol, minn wara li laħaq Ministru hu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Ħ’Attard — Triq iż-Żraġen - Ipparkjar ta’ vetturi ta’ distribuzzjoni tal-ikel

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex mhux qed jittieħdu passi fuq ipparkjar bl-addoċċ minn vetturi ta’ kumpaniji privati ta’ distribuzzjoni tal-ikel fi Triq iż-Żraġen, f’Ħ’Attard?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sezzjoni tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorità għat-Trasport f’Malta wettqet spezzjoni fiż-żona sabiex tieħu l-miżuri neċessarji. Madankollu, matul tali spezzjoni, il-vetturi kkonċernati ma kienux fuq il-post. Is-sezzjoni tal-Infurzar ser tibqa tissorvelja ż-żona sabiex tiżgura l-konformità mar-regolamenti u tieħu azzjoni kif meħtieġ

Studenti ta’ ċittadinanza barranija — Rendikont

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20905, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu s-suġġetti, l-ismijiet tal-korsijiet u l-livelli EQF jew livelli oħrajn, li għalihom studenti barranin ingħataw VISAs biex jistudjaw f’Malta? Peress li kull entità edukattiva tgħaddi minn awditjar komprensiv mill-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA), jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-istudenti barranin, istituzzjoni edukattiva b’istituzzjoni edukattiva inkluż l-Università ta’ Malta, l-MCAST, l-ITS u istituti privati oħra, inkluż dawk reġistrati mal-MFHEA u dawk li mhumiex, maqsuma sena b’sena għal dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istituzzjonijiet edukattivi tal-pajjiż ma jħarsux lejn in-nazzjonalità, iżda lejn ir-rekwiżiti neċessarji li jkollu l-istudent sabiex kull student jingħata l-edukazzjoni xierqa.

Studenti ta’ ċittadinanza barranija

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20905 u peress li kull student ta' nazzjonalità barranija jrid jgħid f'liema istituzzjoni Maltija se jkun qed jistudja u li jkun ġie aċċettat minnha qabel jingħata l-Visa, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid ma’ liema istituzzjoni edukattiva ngħataw permess u visa biex jistudjaw dawn l-istudenti barranin fl-aħħar għaxar snin? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni sena b’sena u istituzzjoni edukattiva b'istituzzjoni edukattiva?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu ma jżommx din l-istatistika.

Studenti ta’ ċittadinanza barranija

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20905, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jaqsam iċ-ċifri ta’ studenti barranin li pprovda fl-istess tweġiba, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-istess statistika ġiet revista u emendata minħabba diverġenzi żgħar fin-numri. L-istatistika, li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, tkopri bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u d-29 ta’ Lulju 2024.