Jista' l-Ministru jgħid x’passi ħadet EquestriMalta fuq Equidrome Malta li minħabba li ttardjat biex ġabet biżżejjed ramel, Malta ttardjat ukoll biex bdiet l-istaġun tat-tiġrijiet fil-Korsa tal-Marsa?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Racing Club ħareġ il-kalendarju fit-30 ta’ Diċembru 2024 li jindika il-25 ta’ Jannar bħala l-bidu tal-kampjonat filwaqt li kien hemm bl-iswed fuq l-abjad li dan il-programm jista’ jinbidel jew jiġi aġġornat skont il-ħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm live births lil ommijiet ta' iktar minn 40 sena mill-2020 sal-2024, maqsuma sena b'sena?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ live births lill-ommijiet ta’ iktar minn 40 sena huwa kif ġej: fl-2020 kien hemm 100; fl-2021 kien hemm 131; fl-2022 kien hemm 135 u fl-2023 kien hemm 142.
Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu trabi, sena b'sena, mill-2020 sal-2024, li kienu bl-IVF?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ trabi imwielda mill-proceduri tal- IVF (IVF u ICSi imma ma jinkludux IUI) sal-31 ta’ Jannar 2025, hu ta’ 308 trabi
Infurmat ukoll li fl-2020 kien hemm 27; fl-2021 kien hemm 47; fl-2022 kien hemm 85; fl-2023 kien hemm 103; u mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 tal-Jannar 2025 kien hemm 46.
Politika tad-djar — Inizjattivi għat-tnaqqis tal-faqar
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’azzjonijiet speċifiċi qed jieħu jew hemm ippjanati li jittieħdu mill-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli biex tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-politika tad-djar u l-inizjattivi għat-tnaqqis tal-faqar?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm kollaborazzjoni konġunta bejn numru ta’ entitajiet u organizzazzjonijiet li jaħdmu fis-settur tal-faqar. Ewlenija fosthom hemm dik ma’ Ministeri u aġenziji oħra, bħall-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, biex jiġu kkoordinati inizjattivi li jindirizzaw il-faqar. Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, kif ukoll l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilita' tiegħu, iżommu relazzjoni kontinwa mal-istakeholders fil-qasam tal-faqar sabiex jiġu maħluqa inizjattivi bbażati fuq riċerka, data, kif ukoll l-esperjenzi ta’ dawn l-istakeholders.
Persuni homeless — Inizjattivi nazzjonali għat-tnaqqis tal-faqar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal qed jiżgura li l-politika soċjali li timmira għat-tnaqqis tal-faqar tiġi kkordinata mal-inizjattivi nazzjonali għall-persuni mingħajr dar? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-istrutturi ta' koordinazzjoni formali jew informali bejn il-Ministeru tiegħu u l-Ministeru responsabbli għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Istrateġija Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Faqar u tal-Inklużjoni Soċjali (li inħarġet għal konsultazzjoni pubblika f’Ottubru li għadda), ġiet ikkordinata minnn “Kumitat ta’ Tmexxija Nazzjonali” li kkontribwixxa għat-tfassil u l-abbozzar ta’ din il-konsultazzjoni pubblika. Dan il Kumitat kien jikkonsisti ukoll minn rappreżentanti mill-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli (MSAA) fost oħrajn.
Ta’ min ukoll isemmi li fl-istrateġija qed jiġi ukoll propost li jiġi stabbilit “Kumitat ta’ Livell Għoli għat-Tnaqqis tal-Faqar u għall-Inklużjoni Soċjali” biex imexxi u jimmonitorja l-progress fl-implimentazzjoni. Huwa propost li d-Direttur Ġenerali, fid-Diviżjoni tal-Istrateġija u l-Implimentazzjoni, jippresiedi l-Kumitat ta’ Livell Għoli u jkollu r-rappreżentanti minn setturi oħra, b’mod partikolari mis-setturi tal-edukazzjoni, tal-impjiegi, tas-saħħa, tal-inklużività, tal-akkomodazzjoni, u tal-ġustizzja. Ir-rappreżentanza f’dan il-Grupp ta’ Livell Għoli għandha tkun fil-livell ta’ Direttur Ġenerali.
Dan kollu għandu jiżgura li l-politiki u l-miżuri jiġu allinjati mal-ħtiġijiet tas-soċjetà, inkluż dawk relatati mal-akkomodazzjoni soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid x'eżempji jista' jipprovdi l-Ministeru ta' kollaborazzjonijiet ta' suċċess li jsaħħu s-sinerġiji bejn il-politiki għat-tnaqqis tal-faqar u l-politika dwar persuni mingħajr dar? Liema dgħufijiet strutturali jew operazzjonali jfixklu tali kollaborazzjonijiet, u kif qed jiġu indirizzati?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Ministeru għall-Politika Soċjali u D-Drittijiet tat-Tfal konsistentement jikkollabora ma’ entitajiet oħra, speċjalment dawk taħt il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli. Dan qed iseħħ sabiex jiġu implimentati diversi miżuri li jgħaqqdu l-istrateġiji soċjali u dawk tal-akkomodazzjoni affordabbli, biex jgħin lil dawk f’riskju ta’ faqar u persuni mingħajr dar. Dawn l-inizjattivi mhux biss jipprovdu akkomodazzjoni lil dawk fil-bżonn billi jindirizzaw dgħufijiet strutturali jew operazzjonali, imma jaffettwaw ukoll, id-dimensjonijiet soċjali u ekonomici li jwasslu għas-sitwazzjoni tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid x’riformi daħħal il-Ministeru mill-2021 'l hawn biex jitnaqqas il-faqar li jindirizzaw ukoll il-persuni mingħajr dar? Dawn kienu influwenzati mid-Dikjarazzjoni ta' Lisbona? Kif jallinjaw dawn ir-riformi mal-impenji tal-Unjoni Ewropea taħt id-Dikjarazzjoni ta' Lisbona, u x'evidenza tappoġġja s-suċċess tagħhom?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2021 'l hawn, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, introduċa diversi riformi mmirati biex jitnaqqas il-faqar u jiġu appoġġjati persuni mingħajr dar.
Dawn ir-riformi jinkludu il-Viżjoni Soċjali Għal Malta 2035, il-Qafas ta’ Politika għat-Tfal 2024-2030, il-Pjan Soċjali għall-Familja, u l-Politika Stateġika Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Faqar u l-Inklużjoni Soċjali, b’dik tal-aħħar tkun kemm dik li kopriet il-perjodu 2014-2024 kif ukoll dik imġedda, li tkopri l-perjodu ta’ bejn 2025-2035.
Ir-riformi introdotti mill-Ministeru jallinjaw mal-għanijiet tad-Dikjarazzjoni ta' Lisbona, billi jiffokaw fuq it-tnaqqis tal-faqar, it-titjib tal-inklużjoni soċjali, u l-appoġġ lil dawk l-aktar żvantaġġati fis-soċjetà. L-istrateġiji mfassla jikkunsidraw il-prinċipji Ewropej ta' koeżjoni soċjali u żvilupp sostenibbli.
Preżentament, parti mill-istrateġiji msemmija jinsabu f'fażi ta' implimentazzjoni, u oħrajn jinsabu fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.
Barra minn hekk, ir-Rapport ta’ Implimentazzjoni u Evalwazzjoni 2020 – 2022 fuq l-Politika Stateġika Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Faqar u tal-Inklużjoni Soċjali 2014-2024, jipprovdi evidenza ddettaljata li tappoġġja s-suċċess tat-tali strateġija.
Persuni homeless — Inizjattivi nazzjonali għat-tnaqqis tal-faqar
Question
Jista’ l-Ministru jiddeskrivi x’riformi hemm ippjanati jew hemm maħsuba li jindirizzaw it-tnaqqis fil-faqar u biex jindirizzaw il-problema ta’ persuni mingħajr dar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Istrateġija Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Faqar u tal-Inklużjoni Soċjali (li inħarġet għal konsultazzjoni pubblika f’Ottubru li għadda), tinkludi diversi riformi u miżuri mmirati biex jindirizzaw il-faqar u l-problema ta’ persuni mingħajr dar.
B’mod partikolari din l-istrateġija tiffoka fuq li tagħti s-setgħa lill-individwi biex joħorġu miċ-ċiklu tal-faqar, billi tipprovdi għodod għal tkabbir personali u professjonali.
Se tiġi ukoll introdotta definizzjoni uffiċjali ta’ “persuni mingħajr dar” biex tkun tista’ tinġabar dejta aktar preċiża u jsiru interventi aktar effettivi. Barra minn hekk se jitkompla l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ akkomodazzjoni affordabbli kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat kif ukoll se jitkomplew jisaħħu l-iskemi dawk diġa eżistenti.
Apparti dan kollu se tkompli tisaħħaħ l-għajnuna li tingħata mill-Gvern permezz ta’ ftehimiet ma’ għaqdiet non governattivi li joffru servizzi għal persuni li ma jkollhomx djar.
Ser jiżdiedu ukoll s-sussidji għal persuni li jkollhom jitilqu minn djarhom minħabba vjolenza domestika.
L-istrateġija tipproponi ukoll Pjan fit-tul għall-akkomodazzjoni soċjali (2027-2037) biex jiġu żgurati aktar opportunitajiet ta’ djar għall-familji f’sitwazzjoni vulnerabbli.
B’dawn l-interventi strateġiċi, fost ħafna aktar, l-istrateġija tiffoka fuq approġġ ħolistiku u kollaborattiv biex tnaqqas il-faqar u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali fit-tul.
Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri speċifiċi qed jieħu l-Ministeru biex tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-politika li tindirizza l-faqar mal-politika mmirata biex tindirizza l-problema ta’ persuni mingħajr dar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Istrateġija Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Faqar u tal-Inklużjoni Soċjali (li nħareġet għal konsultazzjoni pubblika f’Ottubru li għadda), tipproponi diversi miżuri biex tintegra l-politika li tindirizza l-faqar mal-politika dwar il-persuni mingħajr dar. Dawn il-miżuri huma mfassla biex joffru soluzzjonijiet sostenibbli u effettivi għall-isfidi relatati mal-inklużjoni soċjali u l-akkomodazzjoni.
Barra minn hekk, il-Ministeru għandu wkoll ftehim ma għaqdiet non-governattivi li joffru servizzi relatati għal persuni mingħajr dar. Dawn jinkludu ftehim ma’ Fondazzjoni Suret il-Bniedem, Dar Patri Leopoldo, Dar Tereża Spinelli, Fondazzjoni Kenn u Tama, kif ukoll mal-YMCA. Minbarra dawn il-ftehimiet, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, għandu ukoll ftehim mas-Sależjani ta’ Don Bosco li joffru Out of Home Care lil klijenti rġiel ta’ bejn it-18 u l-25 sena, kif ukoll ftehim ieħor ma’ Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl li joffru programm ta’ servizz residenzjali għal dawk li jkunu għadhom kif ħargu mill-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin u li m’għandhomx fejn joqogħdu.
Asset Recovery Bureau – ġbir ta’ assi li ġejjin mill-Kriminalità
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm, bħala valur, inġabru assi mill-Asset Recovery Bureau li ġejjin mill-kriminalità fl-2024? Jista' jelenka wkoll x'tip ta' assi nġabru?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2024 l-Asset Recovery Bureau ġabret assi bil-valur ta’ totali ta’ €1,046,641. Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji hekk kif mitluba minnu.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 21319 u 23019 dwar l-istrateġija mill-Awtorità tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla, jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tax-xogħol li sar fuq kull rakkomandazzjoni tal-istrateġija, rakkomandazzjoni b’rakkomandazzjoni u inizjattiva b’inizjattiva u d-dati ta’ meta sar dak ix-xogħol?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istrateġija ġiet imnedija f’Lulju tal-2024 u l-implimentazzjoni tagħha minn naħa tal-MFHEA hija kontinwa.
Jista’ l-Ministru jispjega kif il-politika tal-Gvern dwar persuni mingħajr dar f’Malta (homeless) hija kkoordinata mal-politika kontra l-faqar biex tiġi żgurata politika integrata? Liema mekkaniżmi jeżistu fi ħdan il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli biex jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni ma’ entitajiet governattivi oħra li jindirizzaw il-faqar?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li, is-settur tal-akkomodazzjoni f’Malta jimxi id f’id mal-politika mmirata biex tiġġieled il-faqar. Il-Ministeru, permezz ta’ inizjattivi meħuda minn entitajiet li joperaw fl-imsemmi settur, jenfasizzaw is-sigurtà, l-istabbiltà u l-benesseri, li huma essenzjali biex individwi u familji joħorġu mill-faqar. Politika bħall-Att dwar il-Kirjiet Residenzjali Privati, u miżuri ta’ sostenn finanzjarju bħal self soċjali u benefiċċji tal-akkomodazzjoni mtejba jindirizzaw direttament l-affordabbiltà u l-aċċessibilità, u jnaqqsu l-piż finanzjarju fuq familji vulnerabbli. Inizjattivi oħra li jipprovdu akkomodazzjoni speċjalizzata għal gruppi vulnerabbli, u l-iżvilupp ta’ 1,700 unit ta’ akkomodazzjoni soċjali biex jiġu indirizzati bżonnijiet urġenti, huma wkoll fost il-miżuri li jirriflettu pjan olistiku, li jiżgura li s-soluzzjonijiet tal-akkomodazzjoni mhux biss jipprovdu kenn iżda wkoll jippromwovu inklużjoni soċjali u reżiljenza. Peress li l-politika tal-akkomodazzjoni timxi id f’id mal-Istrateġija Nazzjonali kontra l-Faqar u l-Inklużjoni Soċjali (kif ukoll ma’ strateġiji oħrajn) u din bħal issa qiegħda fil-proċess li tiġi mġedda għal-perjodu 2025-2035. Fil-fatt il-verżjoni għal konsultazzjoni pubblika ġiet imnehdija fl-aħħar t’Ottubru tas-sena l-oħra, u din tindirizza b’mod dirett l-aċċessibiltà għall-akkomodazzjoni affordabli għal kulħadd, fejn tinkludi ukoll set ta’ miżuri relatati li jkomplu jibnu fuq is-servizzi u benefiċċji eżistenti. B’hekk Malta qed toħloq soluzzjonijiet biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja u tippromovi l-ugwaljanza soċjali fit-tul. Hemm kollaborazzjoni integrata, bħal ftehim ma’ Ministeri u aġenziji oħra, fost l-oħrajn mal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, biex jiġu kkoordinati inizjattivi li jindirizzaw il-faqar.
Jista' l-Ministru jgħid liema miżuri ġew identifikati bħala partikolarment effettivi fit-tisħiħ tas-sinerġiji bejn il-politika dwar il-persuni mingħajr dar u l-politika kontra l-faqar? X’inhuma l-lakuni jew sfidi li jxekklu l-kollaborazzjoni bejn l-inizjattivi tad-djar u l-istrateġiji għat-tnaqqis tal-faqar? Il-Ministeru kif biħsiebu jindirizza dawn il-lakuni?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minkejja l-isfidi u l-bżonnijiet differenti li jħabbtu wiċċhom magħhom il-familji li jinsabu f'qagħda vulnerabbli, il-Gvern qed iwettaq ħidma kontinwa biex joffrilhom l-aqwa sostenn possibbli, u dan qed jitwettaq b'approċċ maħsub għal titjib fil-kwalità tal-ħajja ta' dawk l-aktar li għandhom bżonn. Il-Ministeru jkompli jaħdem bis-sħiħ u b'kollaborazzjoni ma' entitajiet u organizzazzjonijiet oħra, u jkompli jiżviluppa servizzi u politika li huma bbażati fuq ir-riċerka u studji lokali u internazzjonali.
Sabiex nilħqu l-mira ambizzjuża li jiġi eradikat il-homelessness sa 2030, hekk kif stabbilit mill-Unjoni Ewropea, u li hija enfasizzata fil-European Pillar of Social Rights, partikolarment Prinċipju 19, li jenfasizza fuq id-dritt għall-housing u assistenza għall-homeless, l-Awtorità tad-Djar żviluppat policy li tagħti għajnuniet finanzjarji u sussidju fuq kirjiet lil Organizzazzjonijiet Non-Governattivi li jaħdmu fil-qasam tal-homelessness u l-faqar.
Fl-istess waqt, l-istess Awtorità tħaddem mekkaniżmu sabiex persuna li m'għandhiex indirizz fiss tista' tapplika għal Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista’ l-Ministru jagħti deskrizzjoni dettaljata tar-riformi fil-politika tad-djar introdotti mill-2021 u mmirati biex jindirizzaw il-persuni mingħajr dar? Dawn ir-riformi kienu influwenzati mid-Dikjarazzjoni ta' Lisbona? X'evidenza teżisti biex turi l-impatt ta' dawn ir-riformi fuq il-kisba tal-għanijiet tad-Dikjarazzjoni ta' Lisbona?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-viżjoni tibbaża l-ħsieb tagħha fuq l-element tad-dar bħala l-qalba tas-soċjetà, u qed tħares lejn l-akkomodazzjoni b’mod holistiku, billi tinvesti fi djar adegwati, tiżgura s-sigurtà, il-prosperità, u l-kwalità tal-ħajja f’dan is-settur.
Din il-viżjoni hija bbażata fuq il-prinċipji fundamentali tad-Dikjarazzjoni ta’ Lisbona. Fosthom hemm dak ta’ prevenzjoni biex l-inkwilini ma jispiċċawx bla saqaf fuq rashom, bħal l-introduzzjoni ta’ għajununa fuq il-kirjiet ta' qabel l-1995, fejn aktar minn 2,301 persuna huma benefiċarji u baqgħu jirrisjedu f'darhom.
Jista’ l-Ministru jispjega x’riformi hemm maħsuba u/jew ippjanati fis-settur tad-djar biex jiġġieldu l-problema ta’ persuni mingħajr dar? Jekk hemm, jista’ jgħid x'inhuma r-riżultati mistennija tagħhom, u meta huma ppjanati li jidħlu fis-seħħ?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-settur tal-akkomodazzjoni f’Malta jaħdem f'sinerġija mill-qrib mal-politika mmirata biex tiġġieled il-faqar, fosthom b'inizjattivi li jservu ta’ safety net sabiex persuna jkollha akkomodazzjoni denja fejn tgħix. Fost dawn l-inizjattivi nsibu l-Att dwar il-Kirjiet Residenzjali Privati u miżuri ta’ sostenn finanzjarju bħal self soċjali u benefiċċji tal-akkomodazzjoni mtejjba li jindirizzaw direttament l-affordabbiltà u l-aċċessibbiltà, u jnaqqsu l-piż ekonomiku fuq familji vulnerabbli. Tul din is-sena, se jiddaħħlu numru ta’ emendi fi skemi eżistenti li jipprovdu aktar opportunitajiet għall-homeownership sabiex aktar ċittadini jkunu eliġibbli għal dawn l-iskemi. Sal-ġimgħa li għaddiet ġew emendati l-kriterji ta’ eliġibbiltà tas-Sussidju fuq Kirjiet Privati, billi żdied b’elf ewro d-dħul massimu ta’ eliġibbiltà sabiex aktar persuni jkunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema.
Ministeru għall-Ġustizzja u r-Rifroma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — ħaddiema reġistrati b'diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema reġistrati b’diżabilità fid-dekasteru tiegħu u x’investiment sar biex dawn ikunu komdi waqt il-ħin tax-xogħol?
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — ħaddiema reġistrati b'diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema reġistrati b’diżabilità fid-dekasteru tiegħu u x’investiment sar biex dawn ikunu komdi waqt il-ħin tax-xogħol?
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi — ħaddiema reġistrati b'diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema reġistrati b’diżabilità fid-dekasteru tiegħu u x’investiment sar biex dawn ikunu komdi waqt il-ħin tax-xogħol?