Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il persuna ġiet diagnosed bil-kundizzjoni tas-Sleep Apnea matul l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li l-maskri għal min ibati b’din il-kundizzjoni jibdew jingħataw permezz tal-POYC?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Jannar u t-30 ta’ Settembru 2026, 684 pazjent li dehru fil-Kliniċi Respiratorji ġew iddijanjostikati wara l-istudju tal-irqad tagħhom. Il-Gvern kommess li jkompli jinvesti fil-maskri fejn meħtieġ.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali li għandhom carer?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma llil Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ma żżommx din l-informazzjoni, peress li l-fatt li persuna jkollha carer mhuwiex rekwiżit jew kriterju għall-allokazzjoni jew għall-okkupazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali. Għaldaqstant, din id-data mhijiex disponibbli.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ġenituri waħedhom li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ma żżommx profil tal-inkwlini skont il-qagħda familjari tagħhom. Għaldaqstant, din l-informazzjoni mhijiex disponibbli.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali u jekk l-akkomodazzjoni fejn jgħixu hijiex aċċessibbli għal persuni b’diżabilità?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm madwar 209 persuni b’diżabilità li ġew allokati akkomodazzjoni soċjali.
Fl-allokazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali lil persuni b’diżabilità, jitqiesu l-ħtiġijiet partikolari tal-persuna kkonċernata sabiex l-akkomodazzjoni allokata tkun adegwata għaċ-ċirkostanzi u l-bżonnijiet tagħha.
Il-ħtiġijiet ta’ aċċessibbiltà jvarjaw minn persuna għal oħra u jistgħu jinkludu, fost oħrajn, aċċess għall-entratura mingħajr turġien, akkomodazzjoni fil-pjan terran, aċċess permezz ta’ lift, kif ukoll spazji u faċilitajiet interni adattati għall-ħtiġijiet tal-persuna. Kien hemm ukoll każijiet fejn sar bdil ta’ akkomodazzjoni sabiex il-proprjetà tkun aktar adegwata għall-ħtiġijiet tal-persuna kkonċernata.
Id-deċiżjoni finali dwar l-adegwatezza tal-akkomodazzjoni li tiġi allokata taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Bord tal-Allokazzjonijiet, li għandu quddiemu ċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet partikolari tal-applikant. Għandi fiduċja li l-Bord jagħmel l-evalwazzjoni meħtieġa u jieħu d-deċiżjoni finali tiegħu abbażi tal-ħtiġijiet, inklużi dawk ta’ aċċessibbiltà, tal-persuna kkonċernata.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm familji bi dħul baxx, jew li d-dħul primarju tagħhom ġej minn servizzi soċjali, li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ma żżommx informazzjoni dwar it-tip ta' dħul li jirċievu l-kerrejja, iżda biss dwar l-ammont ta' dħul iddikjarat għall-finijiet tal-proċess ta' reviżjoni tal-kera. Din hija informazzjoni ta' natura dinamika li tista' tinbidel maż-żmien skont il-bidliet fiċ-ċirkostanzi tal-individwi, inkluż id-dħul tagħhom fis-suq tax-xogħol jew il-waqfien mill-impjieg.
Ministeru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol - Impjegati li ma jistgħux jaħdmu ġimgħa ta’ 40 siegħa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistux policies, skemi jew arranġamenti fi ħdan il-Ministeru jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu, għal impjegati li minħabba kundizzjoni medika ċċertifikata jew diżabilità, ma jkunux jistgħu jaħdmu ġimgħa ta’ 40 siegħa? Jista’ jgħid ukoll:
i. x’inhuma dawn l-arranġamenti u taħt liema kriterji jingħataw;
ii. kemm hemm persuni li bħalissa qed jibbenefikaw minn dawn l-arranġamenti, maqsuma skont l-entità u n-numru ta’ sigħat li jaħdmu; u
iii. jekk hemmx pjanijiet biex dawn il-miżuri jissaħħu jew jiġu estiżi sabiex aktar persuni b’kundizzjonijiet ta’ saħħa jkunu jistgħu jibqgħu fis-suq?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tiġi miġbura.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati dgħajjes ġodda fl-2026, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONETT, CHRIS)
Nistieden lill-Onor. Interpellant sabiex jiċċara x’inhu mifhum bit-terminu “dgħajjes”, u jispeċifika għal liema tip jew kategorija ta’ bastimenti qiegħed jirreferi, sabiex tkun tista’ tingħata informazzjoni korretta u preċiża.