Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tiġdid tal-karti tal-identità — Formola ġdida

Question

In vista tal-formola l-ġdida għat-tiġdid tal-Karta tal-Identità li fiha ddaħħal ir-rekwiżit li wieħed jagħti prova dokumentata li għandu jedd jabita fl-indirizz indikat fuq il-Karta tal-Identità tiegħu, jista' l-Ministru jgħid: 1. għaliex fil-formola nnifisha ma hemm l-ebda struzzjonijiet dwar dan ir-rekwiżit; 2. jekk hemmx struzzjonijiet dwar dan ir-rekwiżit f'xi websajt jew xi mkien ieħor; u 3. fin-nuqqas taż-żewġ struzzjonijiet kif mistoqsi hawn fuq, jista’ jgħid x'inhuma l-istruzzjonijiet għal dan ir-rekwiżit?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda formola ġdida biex wieħed iġedded il-Karta tal-Identità. L-applikazzjoni għat-tiġdid tal-Karta tal-Identità hija Formola 10A, u din ilha tintuża għal dawn l-aħħar snin. F’sezzjoni numru 2 ta’ din il-formola u fuq is-sit elettroniku taħt is-sezzjoni tal-Karti tal-Identità, l-applikant huwa nfurmat li f’każ li qed jibdel id-dettalji tal-indirizz, irid jipprovdi dokumenti bħala prova tal-indirizz.

Sewqan taħt l-effett tal-alkoħol – Persuni mressqa l-Qorti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26167 u 24322 li kienet saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni dwar kemm tressqu persuni l-Qorti minħabba li kienu qed isuqu taħt l-effett tal-alkoħol f'dawn l-aħħar ħames snin, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawk li tressqu l-Qorti nstabu ħatja, u jekk ingħatawx sentenza ta' ħabs jew multa?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każijiet imsemmija jinstemaw ma’ każijiet oħra relatati mat-traffiku u għalekk m’hemmx informazzjoni speċifika.

WRO- Diskrepanzi

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26094 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u jgħid għaliex hemm diskrepanza fl-implimentazzjoni tal-Wage Regulation Orders (WRO) bejn setturi varji tal-impjieg b’mod li hawn min għandu għaxart ijiem sick leave bil-paga sħiħa u hawn min għandu 30 ġurnata sick leave bil-paga sħiħa?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li d-diskrepanzi fid-drittijiet ta’ leave għall-mard li jeżistu fil-liġijiet tax-xogħol, hekk imsejħa Wage Regulation Orders, huma minħabba l-fatt li dawn id-diversi liġijiet ġew promulgati matul żminijiet differenti. Bħala parti mit-twettiq tal-programm tal-Gvern, dawn il-liġijiet qed jiġu riveduti u armonizzati. Fil-fatt, filwaqt li sar eżerċizzju fejn ġew analizzati l-anomaliji u d-diskrepanzi kollha f’dawn il-liġijiet; fil-bidu ta’ din is-sena ġie imwaqqaf Kumitat Permanenti biex ikompli bit-tieni fażi tar-riforma fejn preżentement qiegħed iħejji l-abbozzar tal-ewwel emendi ta’ dawn il-liġijiet.

WRO — Diskrepanzi

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26095 u jgħid għaliex hemm diskrepanza fl-implimentazzjoni tal-Wage Regulation Orders (WRO) bejn setturi varji tal-impjieg b’mod li hawn min għandu għaxart ijiem sick leave bil-paga sħiħa u hawn min għandu 30 ġurnata sick leave bil-paga sħiħa?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26704.

RSSL — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25982 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hemm impjegati fuq il-kotba tal-RSSL li għandhom impjieg kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-servizz pubbliku? Jista’ jagħti wkoll il-pakkett finanzjarju ta’ kull impjegat; l-iskala jew titlu tal-impjieg; jekk il-kuntratt hux definit jew indefinit; l-etajiet tal-impjegati, kif ukoll kemm minnhom huma ex impjegati tal-AirMalta?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Shelter Homes — Għajnuniet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jagħtix għajnuniet lid-djar li jservu ta' shelters kemm għall-adulti kif ukoll għat-tfal? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni dar b’dar, jgħid x’inhu l-ammont u x’jiddetermina l-ammont?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern għandu 34 ftehim ma’ 24 għaqda volontarja u mhux governattiva differenti. Fost id- diversi għajnuniet li jofru hemm dawk lid-djar li jservu ta' shelters kemm għall-adulti kif ukoll għat-tfal.

Housing Estates — Xogħlijiet ta’ embellishment

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt u t-tender ta’ min ħa x-xogħlijiet ta’ embellishment fil-Housing Estates madwar Malta?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Housing Projects Solution hija responsabbli għal xogħlijiet ta' embellishment fil-Housing Estates madwar Malta.

Koppji tal-istess sess — Rapporti ta’ vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' vjolenza domestika minn koppji tal-istess sess fl-2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li minn informazzjoni miġbura mit-Taqsima dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika tal-Pulizija, jirriżulta illi matul is-sena 2024 kien hemm: (6) sitt każijiet ta' vjolenza domestika bejn ex-imsieħba tal-istess sess, (2) żewġ każijiet bejn msieħba tal-istess sess, u każ wieħed (1) bejn kopja miżżewġa tal-istess sess.

Għeluq il-25 sena servizz — Pulizija li baqgħu jaħdmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-għadd ta’ pulizija li għalqu ż-żmien ta' 25 sena servizz u baqgħu jaħdmu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li hemm mitejn u erba’ (204) uffiċjal tal-Pulizija li għalqu l-ħamsa u għoxrin sena servizz u sal-lum baqgħu iservu fil-Korp tal-Pulizija. Infakkar lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru ħa numru ta’ miżuri biex dawk li jagħżlu li jibqgħu jservu lill-pajjiż f’forza dixxiplinata wara 25 sena servizz jiġu inċentivati u premjati.

Irtirar — Pulizija li baqgħu jaħdmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-għadd ta’ pulizija li rtiraw u reġgħu daħlu jaħdmu mal-korp?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fil-perjodu ta’ bejn is-sena 2015 sat-13 ta’ Marzu 2025 kien hemm tmienja u għoxrin (28) uffiċjal tal-Pulizija li kienu rtirati u reġgħu bdew iservu fil-korp. Dawn ma jinkludux pulizija ta' riserva.

L-Awtorità tal-Ippjanar — Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għall-iżvilupp għand l-Awtorità tal-Ippjanar li għadhom pendenti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha quddiemha sitt elef mitejn u erba’ u disgħin (6,294) applikazzjoni attiva vvalidatata u/jew ippubblikata.

Dgħajjes tas-sajd liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25941 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u li issa ġiet riferut lilu u jgħid kemm hawn dgħajjes tas-sajd liċenzjati, kemm f’Malta u kemm f’Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella segwenti li turi n-numru ta’ dgħajjes tas-sajd liċenzjati f’Malta u f’Għawdex. Tip ta’ dgħajsa tas-sajd Total MFA 395 MFB 405 MFC 2,352

Freephone 153 – Telefonati għas-settur tas-Saħħa

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm telefonati fuq il-Freephone 153 fl-2024 dwar is-settur tas-Saħħa u kemm minnhom kienu lmenti?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li fil-perjodu msemmi kien hemm 7,341 telefonata dwar is-settur tas-Saħħa li minnhom 95 kienu lmenti.

Freephone 153 — Telefonati dwar Servizzi Soċjali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm telefonati fuq il-Freephone 153 fl-2024 dwar is-Servizzi Soċjali u kemm minnhom kienu lmenti?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li fil-perjodu msemmi kien hemm 434,467 telefonata dwar is-Servizzi Soċjali li minnhom 121 kienu lmenti.