Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar/Qawra, Tas-Sliema u Wied il-Għajn — Road Police u Community Police

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju tal-Pulizija żiedx il-preżenza ta’ Road Police u Community Police għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika in ġenerali (kemm jekk intalbu u kemm jekk le) f’lokalitajiet f’Malta bħal San Pawl il-Baħar/Qawra, Tas-Sliema u Wied il-Għajn?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat l-uffiċjali tal-Pulizija jservu skont l-eżiġenzi tas-servizz, fejn l-ammont ta’ uffiċjali meħtieġa jiġi determinat abbażi ta’ analiżi regolari li ssir għal kull distrett u taqsima fi ħdan il-Korp. Din l-analiżi tqis diversi fatturi relatati mal-lokalitajiet rispettivi u mal-attivitajiet li jsiru fihom. L-istess approach jittieħed fil-lokalitajiet imsemmija. Kif dejjem isir, kemm il-Pulizija distrettwali kif ukoll dawk tal-Komunità f’dawn il-lokalitajiet u f’oħrajn madwar il-pajjiż, jiġu assistiti mill-uffiċjali tar-RIU waqt ir-rondi regolari bil-vetturi tagħhom.

Malta u Għawdex – Spezzjonijiet fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fit-toroq tal-lokalitajiet f’Malta u Għawdex sabiex ma jkunx hemm ostakli kontra l-liġi kemm fejn jidħol sewqan, parking u mixi speċjalment għall-persuni b’diżabilità mill-bidu tas-sena 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi kemm membri tal-Korp tal-Pulizija kif ukoll l-Uffiċjali tal-Komunità (LESA) jwettqu d-doveri tagħhom erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, permess ta’ b’rondi kontinwi tagħhom f’dawn il-gżejjer. Waqt dawn ir-rondi, isiru spezzjonijiet regolari biex jiġu identifikati u miġġielda kull forma ta’ kontravenzjoni, fosthom dawk imsemmija mill-Onor. Membru, u ċjoè ostakli fit-toroq, sewqan perikoluż, parkeġġ ħażin, u ksur ta’ aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità. Għaldaqstant dawn isiru kuljum u ma jistax ikun provdut numru speċifiku.

Mediċini out of stock

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm mediċini out of stock (liema huma) matul l-2024 u kemm minnhom ġew in stock din is-sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi pubblika. Screenshot tas-sit elettroniku qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel tal-Gvern — Klassijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel tal-gvern bi klassijiet li għandhom sistema ta’ arja kundizzjonata, oħrajn b’sistema ta’ fannijiet, u oħrajn li m’għandhom xejn?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba parlamentari 21280.

Karozzi għall-użu tal-Gvern Ċentrali – Liċenzji ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il liċenzja ġdida fuq karozzi għall-użu tal-Gvern Ċentrali nħarġu matul l-2023 u l-2024, u kemm minnhom kienu fuq il-kunsilli lokali?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull vettura ġdida li tinxtara kemm mill-Gvern, mill-Kunsilli Lokali u miċ-ċittadini privati, tiġi rreġistrata skont il-liġi sussidjarja 268.02.

Persuni impjegati minn kuntratturi li jipprovdu servizzi f’Dipartimenti jew Ministeri

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm persuni ġew impjegati mal-kuntratturi li jipprovdu servizzi f’Dipartimenti jew Ministeri bejn l-2020 u l-2024? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom qed jagħmlu xogħol klerikali/customer care, messaġġiera, jew cleaners?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Special Student Allowance — Ġenituri barranin u TCNs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ġenituri barranin Ewropej u Third Country Nationals (TCNs) li matul is-sena 2024 ibbenefikaw mill-iSpecial Student Allowance fuq ulied li baqgħu jistudjaw wara l-età ta’ 16-il sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Formularju tal-Gvern — Injezzjoni ‘Apomorphine’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-injezzjoni ‘Apomorphine’ hijiex inkluża fil-Formularju tal-Gvern? Jekk le, jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiġi inkluża fil-futur?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-injezzjoni ‘apomorphine’ qed tiġi ikkunsidrata biex tkun inkuża fil-formularju fil-futur.

Taħriġ tal-IPS — Impjegati tal-Gvern

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il impjegat tal-Gvern ibbenefika minn taħriġ organizzat mill-Institute for the Public Services (IPS) matul is-sena 2024?

Response (ABELA, ROBERT)

Dan il-Gvern huwa komess li jsaħħah u jifrex aktar it-taħriġ mogħti lill-impjegati tiegħu. B’aktar taħriġ, l-impjegati jkunu aktar mħarrġa u jkunu jistgħu joffru servizz aħjar liċ-ċittadin. FL-2024 kien hemm 221 tip ta’taħriġ fejn 14,742 impjegat bbeniffikaw minn dawn. Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq l-Mejda tal-Kamra.

Nuqqas ta’ ħlas tal-VAT — Persuni mressqa l-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna tressqet il-Qorti fl-2024 minħabba nuqqas ta’ ħlas tal-VAT?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ persuni li tressqu l-Qorti fl-2024 minħabba nuqqas ta’ ħlas tal-VAT kienu dawk ta’ elf ħames mija tnejn u erbgħin (1542) fil-Qrati ta’ Malta u mija u wieħed (101) fil-Qrati ta’ Għawdex.

Ċittadinanza b’investiment – Applikazzjonijiet revokati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew revokati applikazzjonijiet taċ-ċittadinanza b’investiment mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Membru għar-rapporti annwali li tat-Regolatur maħtur taħt id-dispożizzjonijiet tal-Liġi taċ-Ċittadinanza Maltija (Kap 188) li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċittadinanza b’investiment – Ċittadinanzi rtirati jew revokati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ċittadinanzi ġew irtirati jew revokati wara li ngħataw bl-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa mill-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-akkwist taċ-ċittadinanza Maltija b’investiment, ġew ipprivati miċ-ċittadinanza Maltija total ta’ 15-il persuna. Dawn il-persuni kienu akkwistaw iċ-ċittadinanza taħt id-dispożizzjonijiet kollha tal-liġi, mhux biss permezz ta’ investiment. Infurmat li preżentament hemm proċess għaddej skont il-liġi ta' 4 persuni.

Persuni li twieldu qabel l-1962 – Reviżjoni tal-pensjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għad hemm pensjonanti li twieldu qabel l-1962 li għadhom ma ħadux iż-żieda dovuta mill-2023? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma romol?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Operazzjonijiet tal-ENT — Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq il-lista ta’ stennija għall-operazzjoni tal-ENT mill-bidu tas-sena 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ kazijiet miftuħa taħt l-ispeċjalità ta’ l-ENT irreġistrati mill-bidu tas-sena 2025 sal-bidu ta’ Mejju 2025 huwa ta’ 450 proċedura. Każijiet urġenti dejjem jingħataw priorità.

Sptar Mater Dei — Dipartiment tal-Emerġenza - Pazjenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna użat id-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei mill-bidu tas-sena 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li 46,513-pazjent marru fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei minn Jannar sa April 2025. Jannar kien ix-xahar meta marru l-akbar għadd ta’ pazjenti: 12,129.

Sptar Mater Dei — Dipartiment tal-Emerġenza - Pazjenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna użat is-servizz tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei mill-2020 sal-2024, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ pazjenti li marru fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei huwa kf ġej: fl-2020 l-attendenza kienet ta’ 96,382; fl-2021 l-attendenza kienet ta’ 115,068; u fl-2024 l-attendenza kienet ta’ 140,150 persuna. Għall-2022 u l-2023 nirreferik għat-tweġiba li tajt għall-misotqsija parlamentari 15244.

Irziezet li jrabbu l-baqar, il-majjali, in-nagħaġ u l-mogħoż — Spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq irziezet li jrabbu l-baqar, il-majjali, in-nagħaġ u l-mogħoż mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u x’irriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispezzjonijiet li saru mill-VRD fuq irziezet li jrabbu l-baqar, il-majjali, in-nagħaġ u l-mogħoż mill-2020 sa issa huma dawn li ġejjin: Sena Numru ta’ spezzjonijiet 2020 2,087 2021 1,603 2022 2,237 2023 2,118 2024 2,087 2025 689 Fir-rigward ta’ x’irriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li biex tinġabar din l-informazzjoni jinqabeż l-advisory cost limit.

Sptarijiet barra minn Malta — Pazjenti li qed jirċievu kura paljattiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ pazjenti li qed jirċievu kura paljattiva fi sptarijiet barra minn Malta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li pazjenti li jiġu riferuti għall-isptarijiet barra minn Malta huma esklussivament għall-trattamenti mediċi speċjalizzati.