Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tribunal Industrijali — Każijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet pendenti quddiem it-Tribunal Industrijali mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Liċenzji tas-sewqan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġabet il-liċenzja tas-sewqan matul is-sena 2024 u kemm minnhom kienu ċittadini barranin?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2024, total ta’ 19,488 telgħu għat-test tas-sewqan u li minnhom għaddew 8,890 u inħarġu total ta’ 7,824 liċenzja tas-sewqan Maltija.

Persuni mressqa l-Qorti — Pussess ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna tressqet il-Qorti matul is-sena 2024 b’rabta ma’ pussess ta’ droga?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2024 l-ammont ta’ persuni li tressqu l-Qorti b’rabta ma’ pussess ta’ droga kienu fl-ammont ta’ disgħin (90) fil-Qrati ta’ Malta u persuna waħda (1) fil-Qrati ta’ Għawdex.

Ħ’Attard u l-Mosta — Toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx toroq f’Ħ’Attard u l-Mosta li huma ppjanati biex jiġu rranġati fl-2025 u 2026 u liema huma?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-diskussjonijiet mal-Kunsilli Lokali rispettivi għadhom għaddejjin u jiffurmaw parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni kontinwa.

Reġistru Part 1 — Persuni barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni barranin fuq ir-reġistru Part 1 li qed jistennew biex isibu xogħol? Jista’ jgħid ukoll kemm huma mill-Unjoni Ewropea u kemm huma minn Pajjiżi Terzi (TCNs)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li sal-aħħar t'April third country nationals huma biss 24 u Ewropej huma 146.

Ħ’Attard u l-Mosta — Bankini wheelchair friendly

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li jiġu rranġati l-bankini f’Ħ’Attard u l-Mosta biex isiru iktar wheelchair friendly?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsilli Lokali tal-Mosta u ta’ Ħ’Attard qed jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw mal-istandards tas-CRPD meta jiġu installati bankini ġodda. Il-Kunsill Lokali tal-Mosta sa issa m’għandux pjan biex jitneħħew jew jinbidlu l-bankini eżistenti sabiex dawn ikunu aktar aċċessibbli iżda ser jara x'jista' jsir fil-futur. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard informa li, fejn hu possibbli, il-bankini ġodda kif ukoll dawk li jiġu rranġati bħala parti minn xogħlijiet ta’ manutenzjoni, qed isiru aċċessibbli għas-siġġijiet tar-roti.

Mosta u Ħ’Attard — Tnaqqis fin-numru ta’ parkeġġi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm naqas in-numru ta’ parkegġi fit-toroq fil-Mosta u f’Ħ’Attard matul is-snin 2024 u 2025 minħabba l-iddisinjar ta’ toroq ġodda jew minħabba żieda fil-garaxxijiet f’binjiet ġodda?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tirrevedi proġetti li jinvolvu disinni ġodda ta’ toroq fuq diversi kriterji, fosthom il-kunsiderazzjonijiet relatati mas-sigurtà fit-triq u l-kapaċità tat-traffiku. L-Awtorità dejjem tipprova tara li dawn id-disinni ikollhom l-inqas impatt possibbli fuq il-parkeġġ. Rigward garaxxijiet, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Test tas-sewqan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawk il-persuni li telgħu għat-test tas-sewqan fl-2024 għaddew mal-ewwel, kemm għaddew mat-tieni darba u kemm għaddew mat-tielet darba? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom baqgħu m’għaddewx matul l-istess sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2024, total ta’ 19,488 telgħu għat-test tas-sewqan u li minnhom għaddew 8,890. 54.81% għaddew mal-ewwel tentattiv, filwaqt li 25.79%, 12.13% u 7.27% għaddew mat-tieni, tielet u raba’ tentattiv rispettivament.

Għawdex — Akkomodazzjoni soċjali - Kiri

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27706 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u jgħid kemm-il appartament, binja, jew unit f’Għawdex, inkera mill-privat biex jintuża bħala akkomodazzjoni soċjali għal kull sena bejn l-2020 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ mingħand min ġew mikrija, il-lokalità u kemm hu l-ħlas li qed isir għal kull unit?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-1 ta’ Jannar 2020 u t-22 ta’ Mejju 2025, ġew mikrija 144 unit ta’ akkomodazzjoni mill-privat sabiex jintużaw bħala akkomodazzjoni soċjali. Il-ħlas annwali għal kull unit ivarja bejn €3,520 u €9,417. Id-dettalji dwar dawn l-units jinsabu fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tipjip fi stabbilimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni nqabdu jpejpu fi stabbilimenti mill-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ kontravenzjonijiet maħruġa kontra persuni li nqabdu mill-Pulizija jpejpu f’żoni maħluqa, bejn l-2024 u d-19 ta’ Mejju 2025, kien ta’ tliet mija u disgħa u sittin (369). Barra minn hekk, ġew maħruġa sbatax (17) -il kontravenzjoni oħra kontra persuni li ppermettew dan it-tipjip fuq il-proprjetà tagħhom.

Il-Belt, Valletta — Tiswija tal-bankini

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27906, jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni ta’ meta ser jibda x-xogħol ta’ tiswija tal-bankini fil-Belt, Valletta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li bħalissa qed iwettaq xogħol preliminari biex jibda tiswijiet fuq diversi bankini f’żoni differenti tal-Belt Valletta, fosthom Triq Sant’Ursula.

Il-Belt, Valletta — Aċċess adegwat għall-persuni vulnerabbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm binjiet fil-Belt Valletta, inklużi ristoranti, uffiċini u ħwienet, li ġew infurzati biex jirranġaw il-binja biex jipprovdu aċċess adegwat għall-persuni vulnerabbli?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Oqbra tal-Gvern — Ċittadini Maltin u barranin midfuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ċittadin Malti u kemm-il ċittadin barrani li mietu matul l-2023 u l-2024, indifnu fl-oqbra tal-Gvern?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul l-2023 kien hemm 661 persuna li ndifnu fl-oqbra komuni tal-Gvern. Minn dawn 563 twieldu Malta, filwaqt li 98 twieldu barra minn Malta. Infurmat ukoll li matul l-2024, kien hemm 558 persuna mwielda Malta u 109 mwielda barra minn Malta li ndifnu fl-oqbra komuni.

Vetturi tat-trasport pubbliku — Spezzjonijiet relatati mas-saħħa u s-sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq vetturi tat-trasport pubbliku matul is-sena 2024 relatati mas-saħħa u s-sigurtà? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-vetturi ġew imwaqqfa milli joperaw sakemm jiġu rranġati?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2024, Transport Malta wettqet total ta’ 13,782 spezzjoni fuq vetturi li jintużaw għas-servizz tat-trasport pubbliku bi skeda, bil-għan li tiġi vverifikata s-saħħa u s-sigurtà ta’ dawn il-vetturi. Minn dawn l-ispezzjonijiet, 47 vettura ġew sospiżi milli joperaw sakemm issewwew in-nuqqasijiet identifikati.

Qorti — Persuni mressqa fuq sewqan bla liċenzja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li tressqu l-qorti għax kienu qed isuqu mingħajr liċenzja jew liċenzja skaduta fl-2024 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu Maltin u kemm kienu barranin?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Persuni bil-kundizzjoni ta’ cystic fibrosis

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom il-kundizzjoni ta’ cystic fibrosis u x’miżuri jew inizjattivi qed jittieħdu mill-Gvern biex jassisti lil dawn il-persuni?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26473.