Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Mosta – Skola Sekondarja taż-Żokrija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22389, 25600 u 28027 u jgħid jekk hux ser issir estensjoni fl-Iskola taż-Żokrija l-Mosta? Jista’ jgħid kemm ser jiżdiedu klassijiet u kif ser ssir l-estensjoni pereżempju jekk hux ser jinbena sular ieħor? Jekk ser ssir estensjoni, din ser issir matul is-sena skolastika għad-detriment kemm għal saħħet l-istudenti kif ukoll l-edukaturi?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

EquestriMalta — Membri tal-bord

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 24754, 25602 u 28029 u jgħid min huma l-membri fuq il-bord ta’ EquestriMalta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament il-bord imsemmi hu kompost minn; Rwol Isem u Kunjom Chairperson Dr. Dean Hili Deputy Chair Dr. Amy Chircop Member Ms. Kirsten Borġ Member Mr. Adrian Fabri Member Ms. Paula Calamatta Member Dr. Philip Scerri Member Mr. Johann Scicluna Secretary Ms. Marisa Marmara Infurmat li s-Segretarja tal-Bord talbet sabiex l-entitajiet l-oħra li jiffurmaw parti mill-bord jinnominaw il-membri tagħhom hekk kif titlob il-liġi tal-EquestriMalta, sabiex jiżdiedu mal-kumplament tal-Bord.

Protokoll numru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 13629, 18994, 21842, 25604 u 28030 u jgħid għala l-Gvern għadu m'għamilx traspożizzjoni tal-Protokoll numru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (li tipprojbixxi kull forma ta’ diskriminazzjoni)? Jista' jgħid jekk huwiex konxju li l-Avukat tal-Istat qiegħed f’diversi kawżi jgħid li la l-Gvern Malti għadu m'għamilx tali Protokoll bħala parti mil-Liġi Maltija, ħadd ma jista’ jinvokaha u allura qiegħed iċaħħad liċ-ċittadini minn tali protezzjoni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

Occupational Therapists, Physiotherapists, Speech & Language Therapists, Podiatrists u Radiographers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20361 u jgħid kemm hemm Occupational Therapists, Physiotherapists, Speech & Language Therapists, Podiatrists u Radiographers u kif inhuma mqassmin fis-servizz tas-saħħa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm 95 Terapista Okkupazzjonali, 290 Fiżjoterapista, 131 Terapista tad-Diskors u l-Lingwa, 63 Podoloġista u 218 Radjografu.

TCNs — Permess ta’ residenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) li għandhom permess ta’ residenza biex jgħixu f’Malta, mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għaċ-ċifri uffiċjali maħruġa mill-Eurostat li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

TCNs — Permess ta’ residenza

Question

Jista’ l-Ministru jelenka minn liema pajjiżi ġejjin iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) li għandhom permess ta’ residenza, mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni li twieldu qabel l-1962 – Reviżjoni tal-pensjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28200 u jgħid kemm għad hemm pensjonanti li twieldu qabel l-1962 li għadhom ma ħadux iż-żieda dovuta mill-2023? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma romol?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor, Interpellant li bir-riforma li kienet saret kważi 20 sena ilu fl-2006, kien ġie deċiż. li d-dħul massimu pensjonabbli għal dawk li twieldu qabel is-sena 1962 kellu jiżdied biż-żieda tal-għoli tal-ħajja biss u d-dħul pensjonabbli massimu ta’ dawk li twieldu wara s-sena 1962, wara żieda ta’ Lm1,500 (€3,494 maqsuma fuq 3 snin bejn l-2011 u l-2013), kellu jiżdied b’dak l-ammont li jkun jikkorrispondi għal sebgħin fil-mija miż-żieda perċentwali fil-paga medja nazzjonali kif pubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika mwaqqaf bis-saħħa tal-artikolu 9 tal-Att dwar l-Awtorità tal-Istatistika ta’ Malta u bi tletin fil-mija tar-rata tal-inflazzjoni kif pubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għas-sena kalendarja ta’ qabel. B’konsegwenza ta’ dan, tali parti tar-riforma tal-2006 ħolqot żewġ kategoriji ta’ pensjonanti. Kien għalhekk li ddaħħlu żewġ miżuri fil-Budget 2024, sabiex fl-ewwel lok il-pensjonanti kollha twieldu meta twieldu ikollhom iż-żidiet fil-pensjoni tagħhom kkalkulati fuq il-mekkaniżmu tas-70%/30% imsemmi fuq u mhux dawk li twieldu qabel l-1962 kellhom biss garanzija li jiżdiedu bil-COLA waqt li dawk li twieldu wara jiżdiedu bil-mekkaniżmu msemmi. Barra minn hekk, għal dawk il-pensjonanti li twieldu qabel l-1962, id-Dħul Pensjonabbli Massimu issa beda jiżdied b’mod aċċellerat sabiex eventwalment jilħaq id-Dħul Pensjonabbli Massimu ta’ dawk li twieldu wara l-1962. Waqt li l-ewwel miżura tolqot lill-pensjonanti kollha, din it-tieni miżura tolqot lil dawk li d-Dħul Pensjonabbli tagħhom huwa ogħla mid-Dħul Pensjonabbli Massimu, kif rivedut. Mit-tieni miżura, il-persuni li kienu eliġibbli matul is-sena 2024 kienu madwar 22,600 pensjonanti, fosthom 3,600 romol. Matul is-sena 2025 kienu eliġibbli madwar 20,000 pensjonanti, fosthom 3,000 romol. Ta’ min jgħid li aktar ma jogħla d-Dħul Pensjonabbli Massimu, jistgħu ikunu anqas il-pensjonanti li jibqgħu jibbenefikaw, jekk dan jaqbeż id-Dħul Pensjonabbli tagħhom. Dan għaliex ikunu laħqu ż-żewġ terzi sħaħ li jistgħu jieħdu u jibqgħu mbagħad jiżdiedu kull sena bil-mekkaniżmu tas-70%/30% imsemmi fuq.

Annimali li jgħixu f’kundizzjonijiet sub-standard — Ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27524 u jgħid kemm kien hemm ilmenti dwar annimali li qed jgħixu f’kundizzjonijiet sub-standard mill-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-ġurnata tal-lum id-Dipartiment għas-Saħħa u t-Trattament Xieraq tal-Annimal irċieva total ta’ 1,353 allegat ilment dwar annimali.

Stabbilimenti tal-ikel — Spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27908 u jgħid kemm kien hemm spezzjonijiet fi stabbilimenti tal-ikel fl-2024? Jista’ jgħid ukoll jekk instabux irregolaritajiet u x’passi ttieħdu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-2024 saru total ta’ 811 spezzjonijiet f’istabbilimenti tal-ikel mill-Ministeru li jien tiegħu responsabbli. Dawn ma jinkludux l-ispezzjonijiet li jsiru ta’ rutina fil-biċċeriji kull meta ssir il-qatla. Kien hemm 91 irregolarità u ttieħdu dawn l-azzjonijiet skont is-severità tal-każ: 2 sospensjonijiet ta' approvazzjonijiet; 55 talba ta' azzjoni korrettiva u 34 ittra ta' twissija.

Vjolenza domestika — Rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ vjolenza domestika minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn ir-rapporti ġew riċevuti mill-helpline?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni disponibbli min-naħa tal-Korp tal-Pulizija hi dwar kemm saru rapporti ta’ vjolenza domestika. Bejn Jannar u l-20 ta’ Mejju ta’ din is-sena kien hemm 800 rapport ta’ vjolenza domestika.

Żwiġijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru żwiġijiet bejn ċittadini Maltin u barranin fl-2024, kemm dawk bir-Reġistru kif ukoll dawk iċċelebrati b’rit reliġjuż?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li ż-żwiġijiet li ġew reġistrati u li seħħew fis-sena 2024 f’Malta u Għawdex, kienu ta’ 391 żwieġ bejn ċittadini Maltin u barranin, kemm dawk bir-rit ċivili kif ukoll dawk iċċelebrati b’rit reliġjuż.

Numru tal-emerġenza 112 — Telefonati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il telefonata waslet fuq in-numru tal-emerġenza 112 minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jelenka dawn it-telefonati jekk kinux relatati mal-Pulizija, mal-Protezzjoni Ċivili jew mal-ambulanza?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni hi kif qed tidher fit-tabella hawn taħt bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sal-aħħar ta’ Mejju 2025. Irrid ngħid ukoll li mill-informazzjoni li ngħatatli jirriżulta li f’dan il-perjodu kien hemm 68,663 telefonata li saru fuq il-112 u li ma kellhom qatt isiru fuq dan in-numru. Nappella lill-pubbliku biex juża dan in-numru b’responsabbiltà għax telefonata tista’ saħansitra tfisser ħajja. Numru tal-emerġenza – 112 – Telefonati minn Jannar u Mejju 2025 Xahar Total ta’ telefonati fuq 112 Telefonati mgħoddija lid- Dipartiment tal-Emerġenza (Ambulanzi) Telefonati mgħoddija lil Protezzjoni Ċivili Telefonati mgħoddija lil Pulizija, Telefonati mgħoddija lil Armata Jannar 30,545 6,182 668 495 7 Frar 25,887 5,095 559 495 6 Marzu 30,381 5,982 734 666 5 April 29,360 5,756 673 602 11 Mejju 32,238 6,072 923 628 10 Totali 148,411 29,087 3,557 2,886 39

Tribunal għal Talbiet Żgħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet quddiem it-Tribunal għal Talbiet Żgħar fl-2024?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella ta’ hawn taħt li tagħti tagħrif dwar il-każijiet quddiem it-Tribunal għal Talbiet Żgħar matul is-sena 2024. Malta Għawdex Talbiet Preżentati 352 29 Talbiet Terminati 392 30 Talbiet Pendenti sal-31 ta’ Diċembru 2024 612 62