Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz Pubbliku — Irtirar

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema li rtiraw bl-età mis-servizz pubbliku fl-2024 u kemm kienu waslu għall-età tal-irtirar u għażlu li jibqgħu jaħdmu?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li fl-2024, 462 ħaddiem rtiraw u 524 għażlu li jibqgħu jaħdmu.

Parties – Linji gwida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jistax isir aktar minn ‘party’ wieħed, b’aktar minn 100 ruħ, fl-istess inħawi u jekk iva, x’inhuma l-linji gwida (guidelines) biex jinħareġ permess?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li m’hemm xejn li jimpedixxi li jsir aktar minn ‘party’ wieħed, b’aktar minn 100 ruħ, fl-istess inħawi, jekk kemm il-darba qabel joħroġ il permess tal-Pulizija, tkun aċċertat li l-applikanti jikkonformaw ruħhom ma’ diversi kundizzjonijiet marbuta mal-organizzazzjoni ta’ ‘one-time event’. Fost ir-rekwiżiti tal-Pulizija, li dwarhom hemm proċeduri operattivi standard, l-applikanti għal tali avvenimenti jkunu meħtieġa li minn żmien qabel id-data stabbilita tal-istess avveniment, jipproduċu diversi dokumentazzjoni u ċertifikati, fosthom pjanti tal-lok, kif ukoll ċertifikati ta’ periti u inġinier tal-elettriku, ċertifikat ta’ saħħa u sigurtà u polza ta’ sigurtà, fost oħrajn. Barra mill-Pulizija, it-talba trid tgħaddi u tiġi approvata minn diversi dipartimenti u entitajiet oħra. Meta u jekk joħroġ il-permess dan ikun marbut ma’ numru ta’ kundizzjonijiet li jkopru diversi aspetti relatati mal-avveniment.

Rapporti dwar storbju eċċessiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport daħal lill-pulizija dwar ħsejjes eċċessivi, matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni hija kif jidher fit-tabella hawn taħt. Dawn ikopru rapporti relatati ma' entitajiet kummerċjali, bħal storbju minn bars u ristoranti b'mużika u inkonvenjenti oħra, storbju b'użu ta' makkinarju, ħsejjes minn residenzi privati inkluż dawk ikkaġunati minn annimali, u inkonvenjenti ta' storbju oħra inkluż argumenti. Sena 2021 2022 2023 2024 2025 sa Mejju Numru ta’ rapporti 341 260 415 473 186

Għawdex — Akkomodazzjoni soċjali - Kiri

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28279, dwar kemm-il appartament, binja, jew unit f’Għawdex, inkera mill-privat biex jintuża bħala akkomodazzjoni soċjali, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-inkwilini huma Għawdxin, kemm huma Maltin u kemm huma barranin?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn dawn l-units, 85 huma mikrija lil persuni mwielda f’Malta, 28 huma mikrija lil persuni mwielda f’Għawdex u 4 units oħra huma mikrija lil persuni barranin.

Kanċer tal-ġilda — Persuni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni ġew diagnosed b'kanċer tal-ġilda minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jekk kienx hemm żieda fuq l-istess perjodu fl-2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ persuni li saritilhom dijanjosi ta’ kanċer tal-ġilda minn Jannar 2025 sal-15 ta’ Ġunju 2025 kien ta’ 819 . Fl-istess perjodu fl-2024 in-numru kien ta’ 576. Ir-rapporti ta’ dawn is-sentejn għadhom deħlin u anki għadhom qed jiġu verifikati/validati.

Mard newroloġiku — Infermiera speċjalizzati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm infermiera speċjalizzati fil-mard newroloġiku u jispeċifika f’liema oqsma huma speċjalizzati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi hemm 63 infermiera li huma speċjalizzati fil-mard newroloġiku. Dawn jaħdmu f’dawn il-wards: Neuromedical, Neurosurgical, Neurosurgery u Stroke Wards.

HIV – Persuni infettati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni infettati bl-HIV mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni nfettati bl-HIV mill-2020 ’l hawn huwa kif ġej: fl-2020 kien hemm 457 persuna; fl-2021 kien hemm 539 persuna; fl-2022 kien hemm 612 persuna; fl-2023 kien hemm 650 persuna; fl-2024 kien hemm 696 persuna; u din is-sena hawn 754 persuna. Dawn il-figuri li qed jidhru f'din it-tweġiba huma akkumulattivi minn sena għall-oħra. Dawn in-numri jindikaw ukoll persuni barranin li jkunu rriżultaw pożittiv u wara ma jkomplux bil-kura f’Malta jew isiefru.

Asset Recovery Bureau – Assi mibjugħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid l-ammont ta’ assi, bħala assi, li nbiegħu mill-Asset Recovery Bureau minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Aġenzija Appoġġ — Tfal addottati minn persuni Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tifel u tifla ġew addottati b’suċċess minn persuni Maltin, permezz tas-servizz li toffri l-Aġenzija Appoġġ, mill-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bis-saħħa tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Kura Alternattiva), Kap 602 tal-liġijiet ta’ Malta, l-addozzjonijiet fi ħdan l-FSWS jsiru mid-Direttorat għall-Kura Alternattiva. L-addozzjonijiet konklużi mis-servizz rispettiv tad-Direttorat għall-Kura Alternattiva huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt: Sena Tfal Adottati 2023 7 2024 8

Akkomodazzjoni soċjali — Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikanti fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali li huma persuni b’diżabilità, ġenituri waħedhom (single parents), jew anzjani li jgħixu waħedhom, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali, l-Awtorità tad-Djar għandha 63 applikant li huma persuni b’diżabilità, 878 applikant li huma ġenituri waħedhom, u 50 applikant li huma anzjani li jgħixu waħedhom.

Postijiet mibjugħa lill-inkwilini rikonoxxuti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew mibjugħa postijiet lill-inkwilini rikonoxxuti, fejn il-Gvern huwa s-sid tagħhom, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar 2024 u t-12 ta’ Ġunju 2025, ġew mibjugħa 196 unit lill-inkwilini rikonoxxuti.

National Support Line 179 — Telefonati ġenwini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ telefonati ġenwini li daħlu fuq in-National Support Line 179 minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-problemi li ġew ippreżentati? Jista’ jgħid ukoll kemm-il linja telefonika hemm biex jitmexxa dan is-servizz?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Servizz ta’ night shelter — Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il anzjan/a użaw is-servizz tan-night shelter mill-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li mill-1 ta’ Jannar 2024 sas-16 ta’ Ġunju 2025 kien hemm 26 anzjan/a li għamlu użu mis-servizz tan-night shelter.

Applikazzjonijiet għall-akkomodazzjoni soċjali li ma setgħux jiġu proċessata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali ma setgħetx tiġi proċessata minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kif provduta lili minn nofs Marzu 2024 sal-lum. Infurmat li biex testrapola l-informazzjoni qabel Marzu 2024, l-Awtorità teħtieġ li tagħmel eżerċizzju intensiv mill-impjegati tagħha b’mod manwali minħabba li l-ipproċessar diġitali tal-applikazzjonijiet għall-Akkomodazzjoni Soċjali beda propju mill-perjodu indikat aktar qabel. Minn nofs Marzu 2024 sal-20 ta’ Ġunju 2025 kien hemm total ta’ 43 applikazzjoni li ma setgħux jiġu pproċessati. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

L-Awtorità tad-Djar — Tiswija ta’ djar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tiswija ta’ djar li jaqgħu taħt l-Awtorità tad-Djar saret minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-total tat-tiswijiet ġewwa r-residenzi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tad-Djar kien hemm 1,502 intervent fl-2024 u 413 intervent s’issa fl-2025. In-nefqa totali għal dawn it-tiswijiet kienet ta’ €3,683,487 għall-2024 u €1,321,405 għall-2025 rispettivament. Dawn it-tiswijiet jinkludu biss rapporti relatati ma’ ħsarat interni u esterni, iżda ma jinkludux każijiet fejn l-inkwilini applikaw għal xi skema offruta mill-Awtorità tad-Djar.