Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru flus mis-CVA fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2025?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-ewwel sitt xhur tas-sena inġabru €348,255.55 (tlett mija, tmienja u erbgħin elf, mitejn ħamsa u ħamsin, punt ħamsa u ħamsin Euro).
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hawn każijiet ta’ Covid-19 fl-ewwel 6 xhur tal-2025 u jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kemm kien hawn?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fl-ewwel sitt xhur tas-sena kien hemm 222 każ ta’ Covid-19. Dawn kienu maqsuma hekk: Jannar – 19; Frar – 11; Marzu – 22; April – 19; Mejju – 68; u sal-15 ta’ Ġunju – 89.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22389, 25600, 28027 u 28765 u jgħid jekk hux ser issir estensjoni fl-Iskola taż-Żokrija l-Mosta? Jista’ jgħid kemm ser jiżdiedu klassijiet u kif ser ssir l-estensjoni pereżempju jekk hux ser jinbena sular ieħor? Jekk ser ssir estensjoni, din ser issir matul is-sena skolastika għad-detriment kemm għal saħħet l-istudenti kif ukoll l-edukaturi?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri favur l-ambjent (green measures) hemm fid-dekasteru tagħha? Tista’ wkoll telenkahom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma favur l-ambjent hija prijorità ewlenija tal-Ministeru tiegħi u tal-Gvern inġenerali. Il-miżuri mwettqa huma bosta u jvarjaw; fost l-oħrajn dawn jinkludu miżuri relatati mat-tibdil fil-klima, it-tħaddir, ir-riabilitazzjoni ta’ siti protetti, l-immaniġġar tal-iskart, l-effiċjenza f’infrastrutturi varji, mhux l-inqas fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ilma, l-investimenti f’oqsma ta’ enerġija aktar nadifa, s-sostenibbiltà, u l-baħar.
Nirreferih ukoll għall-pubblikazzjoni dwar it-twettiq li ħareġ is-Servizz Pubbliku f’Ottubru li għadda; għalkemm ma tirreferix għall-ħidma kollha li wettaq il-Ministeru, f’din il-pubblikazzjoni wieħed jista’ jsib sommarju tal-miżuri ewlenin li twettqu.
Jista’ l-Ministru jindika jekk kienx hemm każijiet ta’ mwiet attribwiti għall-obeżità minn Jannar sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jekk kien hemm, kemm kienu dawn il-każijiet?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li skont ir-Reġistru Nazzjonali tal-Imwiet, matul is-sena 2024 kien hemm 7 mwiet direttament attributi għall-obeżità. Madankollu, l-obeżità hija wkoll fattur ta’ riskju għal kawżi oħra tal-mewt.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li ġejjin minn pajjiżi terzi (TCNs) li użaw is-servizzi tas-saħħa diversi fl-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm ħallsu b’kollox għal dawn is-servizzi?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li n numru ta' persuni ġejjin minn pajjiżi terzi u ħallsu għal xi servizz mediku mogħti mill-Isptar Mater Dei fl-2025 jammonta għal 1,787 b'dawn il-pazjenti jħallsu s-somma komplessiva ta' €1,323,284.36
Livelli post-sekondarju u terzjarju — Suġġetti ġodda bħal xjenza forensika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiddaħħlu suġġetti ġodda bħal xjenza forensika fil-livelli post-sekondarju u terzjarju?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Infurmat li preżentement, fl-Istitut għax-Xjenzi Applikati fi ħdan l-MCAST hemm programmi ġeneriċi li jistgħu iwasslu gradwati biex jaħdmu fil-laboratorji f’xogħol relatat max-xjenza forensika. Dawn huma l-Advanced Diploma in Applied Sciences u Bachelor of Science (Hons) in Chemical Technology.
Infurmat ukoll li fl-Istitut tal-Informatika u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni fi ħdan l-MCAST ukoll hemm programm ta’ taħriġ li jkopri l-Forensika Diġitali - Irkupru u analiżi ta' data minn apparat elettroniku bħala parti mill-
B.Sc. in Cyber Security.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28733 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u jagħti rendikont ta’ liema mediċini raw roħs fil-prezz bejn l-2020 u l-2024, maqsuma sena b’sena?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2020 u l-2024 , kien hemm traħħis ta’ 96 mediċina u ġew introdotti 39 mediċina ġenerika fis-suq bi prezz aħjar.
Dan kien riżultat ta’ ħidma sfieqa mill-Gvern flimkien mal-stakeholders biex jiġu dejjem aktar megħjuna l-familji Maltin u Għawdxin.
Jista’ l-Ministru jgħid xi jsir wara li jidħol rapport dwar ħsejjes u storbju, speċjalment wara l-ħdax ta’ billejl?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li meta l-Pulizija tirċievi rapport dwar ħsejjes u storbju għoli, tipproċedi billi tmur fil-lok minn fejn allegatament joriġina tali storbju jew ħsejjes, biex tivverifika r-rapport li jkun sar.
Il-pulizija timxi mal-liġi b'mod speċjali Leġislazzjoni Sussidjarja 441.08 Reg. 6(4).
Il-pulizija jkollha bżonn ukoll ix-xhieda ta’ min ikun għamel l-ilment biex tipproċedi fil-qrati.
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ukoll għal tweġiba parlamentari 29030, fejn ingħata tagħrif dwar numru ta’ rapporti.
L-ordni pubblika – Infurzar ta’ kontravenzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ infurzar qed isir fuq kontravenzjonijiet kontra l-ordni pubblika?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi dwar infurzar fuq kontravenzjonijiet kontra l-ordni pubblika, barra li tkun proattiva fir-rwol tagħha ta’ prevenzjoni billi tara li ma jsirux jew tnaqqas kull ksur ta’ liġi, abbażi tal-provvedimenti ta’ l-artikolu 338 tal-Kodiċi Kriminali (Kap 9), il-Pulizija dejjem tieħu azzjoni kontra l persuni responsabbli bi ksur tad-diversi kontravenzjonijiet li huma koperti minn dan l-artiklu, meta jkun il-każ.
Il-Pulizija toħroġ diversi ċitazzjonijiet permezz ta’ tickets bis-sistema elettronika użata minnha, fejn dan jista’ jsir abbażi ta’ dak provdut fil Kap 291 tal-Liġijiet ta Malta. Min dawn il-każi bejn Jannar 2024 u l-aħħar ta Mejju 2025, il-Pulizija ħarġet mitejn u tmienja u ħamsin (258) taħrika permezz ta’ ticket.
Madankollu fil-maġġoranza tal-kontravenzjonijiet, kontenut fl-istess artiklu 338, il-Pulizija mexxiet f’Seduti fil-qrati, kontra il-persuni li jkunu kisru tali provedimenti. Minn dawn il-każijiet, fl-istess perjodu kien hemm madwar elfejn u ħames mitt (2,500) każ ieħor.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hawnx xi tip ta’ apparat li bih jitkejjel il-volum tal-ħoss? Jekk il-pulizija ma għandhiex dan l-apparat, hemm xi entitajiet oħra, bħal esperti tal-qorti, li għandhom?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet għal bidliet fil-liġi dwar storbju li jkun ġej minn stabbilimenti, li qed ikun ta’ inkonvenjent għal pubbliku ġenerali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm għandha karozzi elettriċi fid-dekasteru tagħha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karozzi elettriċi li bħalissa qed jintużaw mill-entitajiet u d-dipartimenti li jiffurmaw parti mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika jammontaw għal 108.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28423 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u jgħid kemm kien hemm każijiet quddiem it-Tribunal Industrijali fl-2024?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li sal-aħħar tas-sena 2024 kien hemm 284 każijiet pendenti quddiem it-Tribunal Industrijali.
Barra minn hekk hemm 313-il każ, li kienu preżentati fil-2003 mill-ex ħaddiema tat-tarzna li mhux magħduda mat-total ta’ każijiet pendenti stante li hemm żewġ każijiet minnhom li qed jinstemgħu bħala “test cases” . Dawn iż-żewġ “test cases” ġew differiti għall-possibbiltà ta’ ftehim għas-16 ta’ Lulju ta din is-sena.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28423 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u jgħid kemm hemm każijiet pendenti quddiem it-Tribunal Industrijali mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-uniformijiet tal-uffiċjali tal-LESA humiex ser jinbidlu? Jekk iva, jista’ jgħid jekk inħatarx bord tal-għażla?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-uffiċjali tal-Komunità ser jingħataw uniformi ġdida fix-xhur li ġejjin, b’dehra iktar friska u b’materjal iktar addattat għal-klima Maltija. Ninsab infurmat ukoll li l-uniformi ġiet magħżula wara sejħa pubblika, għal liema għażla inħatar bord hekk kif jitolbu r-regolamenti tal-akkwist pubbliku. Infurmat li din l-uniformi ġdida intweriet lill-pubbliku lil kull min żar l-expo tas-servizz pubbliku.