Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Mosta — Ċentru tas-Saħħa - Servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni użaw is-servizz taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta matul l-2024? Minn dawk li ngħataw dan is-servizz, jista’ jgħid kemm minnhom huma mill-Mosta u kemm minnhom huma minn Ħ’Attard?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul l-2024, kien hemm 194,800 darba fejn persuni rrikorrew għas-servizzi tas-saħħa fiċ-Ċentru tal-Mosta. Minn dawn id-drabi, 50,983 kienu minn residenti li joqogħdu fil-Mosta u 5,687 darba minn residenti li joqogħdu Ħ’Attard.

Il-Mosta — Ċentru tas-Saħħa - Servizzi mogħtija lil TCNs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) u kemm ċittadini tal-Unjoni Ewropea li użaw is-servizz taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta matul l-2024 u kemm ħallsu għal dawn is-servizzi? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizzi ngħataw?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li mill-informazzjoni disponibbli, matul l-2024 kien hemm 44,117-il darba fejn dawk li rrikorrew għal servizz miċ-Ċentru tas-Saħħa ma kinux Maltin. Minn dawk li ma kinux intitolati għall-kura tas-saħħa b’xejn, is-somma mħallsa kienet ta’ €23,679.

Każijiet ta’ żgumbrament

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28838, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ żgumbrament seħħ għax skada l-kuntratt jew minħabba mġiba ħażina tal-persuni, matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar 2024 u Lulju 2025 ma seħħewx żgumbramenti minħabba skadenza ta’ kuntratt jew minħabba mġieba ħażina. L-iżgumbramenti li seħħew f’dan il-perjodu kienu: 4 każi relatati ma’ okkupazzjoni mingħajr titolu legali, 9 każi minħabba li l-postijiet ma kinux qed jiġu okkupati mill-inkwilini, u 5 każi fejn l-inkwilin legali miet u l-post ma ġiex ritornat lura lill-Awtorità tad-Djar.

Breathalyser tests

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru breathalyser tests mill-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm persuni m’għaddewx minn dan it-test?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi mill-ewwel ta’ Jannar 2024 sat-30 ta’ Ġunju 2025 saru mitejn u tmenin (280) breathalyser test. Minn dawn kien hemm mija u sebgħa u ħamsin (157) test li rriżultaw fil-pożittiv u ċjoè sewwieqa konċernati saqu meta qabżu l-limitu ta’ alkoħol ikkonsmat, kif stabbilit mill-liġi.

Persuni impjegati minn kuntratturi li jipprovdu servizzi f’Dipartimenti jew Ministeri

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28253 u jgħid kemm persuni ġew impjegati mal-kuntratturi li jipprovdu servizzi f’Dipartimenti jew Ministeri bejn l-2020 u l-2024? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom qed jagħmlu xogħol klerikali/customer care, messaġġiera, jew cleaners?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux fil-kompitu tal-Gvern li jidħol f’kemm jimpjegaw nies dawn il-kumpaniji privati.

Il-Belt, Valletta — Aċċess adegwat għall-persuni vulnerabbli

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28265 u jgħid kemm hemm binjiet fil-Belt Valletta, inklużi ristoranti, uffiċini u ħwienet, li ġew infurzati biex jirranġaw il-binja biex jipprovdu aċċess adegwat għall-persuni vulnerabbli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Transport Malta – Jottijiet reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm jottijiet reġistrati ma’ Transport Malta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi: · Sal-aħħar ta’ April 2025, kien hemm 5,942 yacht (taħt il-24 metru) rreġistrati taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili, permezz tad-Direttorat għall-Bastimenti Merkantili fi ħdan Transport Malta. · Sal-aħħar ta’ April 2025, kien hemm 14,555 bastiment attivament irreġistrat fir-Reġistru tal-Bastimenti Żgħar, li huwa mmexxi mid-Direttorat għall-Portijiet u l-Yachting fi ħdan Transport Malta.

Sentenzi tal-Qorti — Multi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru flus mill-multi minn sentenzi tal-Qorti matul is-sena 2024?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta’ flus miġbura minn sentenzi tal-Qorti matul is-sena 2024 kien fl-ammont ta’ €2,354,887.49 mill-Qrati tal-Maġistrati/Qrati Kriminali ta’ Malta u l-ammont ta’ €229,261.11 mill-Qrati tal-Maġistrati ta’ Għawdex. L-ammonti indikati jirrappreżentaw multi, disprezzi u spejjeż tal-perizji.

Sleeping policeman

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28772 u jgħid kemm hawn “sleeping policeman” fit-toroq f’Malta u Għawdex? Jista’ wkoll: i. jassigura jekk humiex konformi mal-liġijiet Ewropej; ii. jassigura jekk humiex konformi ma’ regoli tekniċi; iii. jgħid x’regoli jaffettwaw il-frekwenza ta’ kif jitpoġġew fit-toroq; iv. jgħid għaliex ħafna minnhom ivarjaw fil-materjal u fid-daqs; v. jgħid għaliex fost dawk li huma maħduma bis-siment qed joħolqu ħsara lill-vetturi minħabba l-għoli jew id-daqs eċċessiv tagħhom; vi. jgħid min hu responsabbli għall-ħsarat ikkaġunati lill-vetturi (isem tal-entitajiet governattivi, kunsilli lokali u oħrajn); u vii. jgħid x’liġi teżisti li tikkontempla kumpens għall-ħsarat ikkaġunati minn dawn is-“sleeping policeman”?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmat li mis-sena 2020 ’l hawn, Transport Malta approvat 414 “road humps” f’Malta. Il-Liġijiet Ewropej ma jagħtux technical specifications għal dawn it-tip ta’ traffic calming measures. Lanqas ma jeżisti CEN standard li jittratta speċifikament “sleeping policemen”. Kull pajjiż ikollu l-guidelines tiegħu. Dawn it-tip ta’ traffic calming measures jitpoġġew skont il-bżonn u l-konfigurazzjoni tat-triq u m’hemmx frekwenza speċifikata minħabba li kull każ jista’ jkun partikolari. Il-mod tekniku ta’ kif jintagħżel it-tip ta’ traffic calming measure huwa bbażat fuq il-bżonn u t-tip ta’ riżultat li wieħed ikun jixtieq jara.

BCA — Kamra tal-Ġeoloġi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx rappreżentant mill-Kamra tal-Ġeoloġi fuq il-Bord tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA)? Jekk le, jista’ jgħid jekk hux ser ikun hemm rappreżentant?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) jinħatar ai termini ta’ artiklu 11 tal-Att dwar l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, Kap 623.

Ħ’Attard — Ċentru tas-Saħħa - Servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni użaw is-servizzi tas-saħħa fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħ’Attard matul l-2024? Jista’ jgħid ukoll liema kien l-iktar servizz li rrikorrew għalih?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Edukazzjoni — Spiża

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 23329, 25601, 28028 u 28766 u jgħid kemm jiswa student lill-Gvern tul l-edukazzjoni tiegħu sal-Università?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jinvesti madwar €146,000 fuq kull student tul l-edukazzjoni tiegħu sabiex jingħata l-għodod neċessarji u l-edukazzjoni mistħoqqa.

Protokoll numru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 13629, 18994, 21842, 25604, 28030 u 28768 u jgħid għala l-Gvern għadu m’għamilx traspożizzjoni tal-Protokoll numru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (li tipprojbixxi kull forma ta’ diskriminazzjoni)? Jista’ jgħid jekk huwiex konxju li l-Avukat tal-Istat qiegħed f’diversi kawżi jgħid li la l-Gvern Malti għadu m’għamilx tali Protokoll bħala parti mil-Liġi Maltija, ħadd ma jista’ jinvokaha u allura qiegħed iċaħħad liċ-ċittadini minn tali protezzjoni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

Priġuniera meħlusa mill-ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm priġunieri ħarġu mill-ħabs wara li kienu skontaw is-sentenza, fis-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-persuni li skontaw is-sentenza tagħhom kienu 333 fl-2024, u 174 sal-20 ta’ Ġunju 2025.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Imwiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mietu priġunieri b’mewta naturali, waqt li kienu qegħdin jiskontaw sentenza, mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li mill-2020 sal-lum mietu sitt persuni li kienu qed jiskontaw sentenza.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Persuni reċidivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni reġgħu saru reċidivi u reġgħu daħlu l-ħabs, wara li kienu ħarġu għax skontaw is-sentenza, mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-informazzjoni provduta dwar kemm kien hemm persuni fil-ħabs li kienu diġà fil-ħabs fil-bidu ta’ Diċembru ta’ kull sena huma kif jidher fit-tabella hawn taħt. Infurmat ukoll li dan mhux bilfors ifisser li persuna tkun riċediva, peress li jista’ jkun kellu aktar minn każ wieħed pendenti meta daħal l-ewwel darba, u jkun ingħata s-sentenzi tagħhom. Date 01-Dec-20 01-Dec-21 01-Dec-22 01-Dec-23 01-Dec-24 25-Jun-25 Total 273 252 223 218 192 189

Linja 179 — Telefonati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu telefonati fuq il-linja 179 matul ix-xhur Jannar sa Ġunju 2025 u kemm minnhom kienu relatati mas-solitudni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-FSWS tippubblika l-istatistika tagħha darbtejn fis-sena. L-istatistika ta’ nofs is-sens tiġi ppubblikata (jiġifieri Jannar sa Ġunju tas-sena kurrenti) fl-aħħar ta’ Settembru / bidu ta’ Ottubru tas-sena kurrenti. L-istatistika ta’ sena sħiħa (jiġifieri Jannar sa Diċembru) tiġi ppubblikata f’ Marzu / April tas-sena ta’ wara.