Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni mressqa l-Qorti — Traffikar ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28448 u jgħid kemm-il persuna tressqet il-Qorti matul is-sena 2024 b’rabta ma’ traffikar ta’ droga?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29544 li staqsa hu stess u weġibt fis-seduta numru 368.

Ħ’Attard – Triq is-Sienja u Triq il-Blanzuni — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlesta x-xogħol fi Triq is-Sienja u fi Triq il-Blanzuni, f’Ħ’Attard? Jista’ jgħid ukoll kemm ser jiswa dan ix-xogħol?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi Triq is-Sienja u Triq l-Istwiel mistennija jkunu lesti fl-aħħar ta’ Lulju. Triq il-Blanzuni huwa mistenni li tkun lesta għal nofs Settembru. L-ispiża finali tkun tista’ tinħadem kif ikunu lesti x-xogħlijiet kollha.

Il-Belt Valletta – Stabbilimenti tal-ikel

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm stabbilimenti tal-ikel liċenzjati fil-Belt Valletta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Belt Valletta hemm 279 stabbiliment tal-ikel liċenzjati.

Il-Belt Valletta — Lukandi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm lukandi / boutique hotels fil-Belt Valletta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva fil-Belt Valletta huwa ta’ 14 il-hotel, 35 guest house u 2 hostels għal total ta’ 51 stabbiliment.

Sptar Mater Dei u Ċentri tas-Saħħa — Kura b’xejn għal TCNs

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy li tintuża fl-Isptar Mater Dei u fiċ-Ċentri tas-Saħħa biex tiġi determinata l-eleġibbiltà ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) biex ikollhom aċċess għall-kura b’xejn u li tindika wkoll il-bażi legali li hija msejsa fuqha din il-policy?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Att dwar is-Saħħa — Regola 24(2) - Kura b’xejn għal TCNs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-policy dwar il-kura b’xejn għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) ma kinitx ippubblikata permezz tar-regolamenti taħt l-Att dwar is-Saħħa (Kap. 528), kif mitlub mir-Regola 24(2)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Bajjiet aċċessibbli

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29143 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat u jgħid liema huma l-bajjiet li huma aċċessibbli għal persuni b'diżabilità?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Asset Recovery Bureau – Assi miġbura

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29023 u jgħid kemm, u x’valur ta’ assi, inġabru mill-Asset Recovery Bureau minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni għada qed tinġabar.

Asset Recovery Bureau – Assi mibjugħa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29024 u jgħid l-ammont ta’ assi, bħala assi, li nbiegħu mill-Asset Recovery Bureau minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni għada qed tinġabar.

Newrokirurġija — Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28771 u jgħid kemm hemm persuni fuq il-lista ta’ stennija għal intervent newrokirurġiku?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm 230 pazjent li ilhom jistennew intervent newrokirurġiku u ilhom jistennew aktar miż-żmien stipulat fiċ-Charter tal-Pazjent. Ikun hemm diversi raġunijiet għala dan jiġri, inkluż raġunijiet mediċi. Inserraħ ras kulħadd li kull operazzjoni urġenti ssir fl-iqsar żmien possibbli.

Każijiet ta’ suwiċidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ suwiċidji f’Mejju u f’Ġunju 2025 u jaqsam din l-informazzjoni skont l-età u l-ġeneru?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ każijiet ta’ suwiċidji rreġistrati mal-pulizija f’Mejju u f’Ġunju 2025, kien kif jidher fit-tabella, li tinkludi wkoll l-etajiet u l-ġeneru tal-vittmi. Xahar Nru ta’ ka ż i Etajiet Maskili Femminili Mejju 2025 3 37 – 36 -72 3 0 Ġunju 2025 2 27 - 76 2 0

Stabbilimenti — Liġi dwar storbju

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29035 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u jgħid jekk hemmx pjanijiet għal bidliet fil-liġi dwar storbju li jkun ġej minn stabbilimenti, li qed ikun ta’ inkonvenjent għal pubbliku ġenerali?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern dejjem lest li jisma’ u jfittex li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. F’każ ta’ storbju li jkun ta’ inkonvenjent, il-pubbliku jista’ jirrapporta lill-Awtoritajiet kompetenti biex tkun tista tittieħed azzjoni skont il-każ kif diġà tippermetti l-liġi preżentement.

Belt Valletta — Triq San Pawl - Parkeġġ riservati - Permessi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw permessi mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta biex isir parkeġġ riservat fi Triq San Pawl, mill-bidu tal-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-permessi ġew imġedda b’ġimgħat u xhur?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, hekk kif miġbura mill-Kunsill rispettiv.

Special Student Allowance — Ġenituri barranin u TCNs

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28264 u jgħid kemm kien hemm ġenituri barranin Ewropej u Third Country Nationals (TCNs) li matul is-sena 2024 ibbenefikaw mill-iSpecial Student Allowance fuq ulied li baqgħu jistudjaw wara l-età ta’ 16-il sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

SDA — Persuni li qed jaħdmu

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28288 u jgħid kemm hawn persuni li qegħdin jirċievu l-Assistenza għal Diżabilità (SDA) u qegħdin jaħdmu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li qiegħdin jirċievu Assistenza għal Diżabilità Severa u qiegħdin jaħdmu huwa 1,575.

National Support Line 179 — Telefonati ġenwini

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28831 u jgħid kemm kien in-numru ta’ telefonati ġenwini li daħlu fuq in-National Support Line 179 minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-problemi li ġew ippreżentati? Jista’ jgħid ukoll kemm-il linja telefonika hemm biex jitmexxa dan is-servizz?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-FSWS tippubblika l-istatistika tagħha darbtejn fis-sena. L-istatistika ta’ nofs is-sens tiġi ppubblikata (jiġifieri Jannar sa Ġunju tas-sena kurrenti) fl-aħħar ta’ Settembru / bidu ta’ Ottubru tas-sena kurrenti. L-istatistika ta’ sena sħiħa (jiġifieri Jannar sa Diċembru) tiġi ppubblikata f’ Marzu / April tas-sena ta’ wara. Fl-2024 in-National Support Line 179 irċieva total ta’ 11,068 telefonata ġenwina. Is-suġġetti varji li dwarhom saru dawn is-sejħiet jinsabu elenkati f’estratt tar-Rapport Statistiku Annwali tal-Aġenzija Appoġġ fi FSWS li kien ippubblikat fuq is-sit elettroniku tal-istess FSWS f’ Marzu ta’ din is-sena. Fir-rigward tal-aħħar parti ta’ din il-mistoqsija dwar kemm hemm linji telefoniċi, infakkar lill-Onor. Interpellant li din kienet waħda mill-kisbiet ewlenin tal-FSWS matul dawn l-aħħar snin dan billi qabel l-2013 in-National Support line 179 kien immexxi minn numru ta’ voluntiera li minn hawn inroddilhom ħajr għas-servizz li taw għal ħafna snin. Maż-żmien, iżda, dawn il-voluntiera naqsu u din l-amministrazzjoni ħadet ħsieb li jkunu impjegati numru ta’ nies full-time li huma imħarrġin apposta biex iwieġbu kull forma ta’ problema li tinqala’. Minn dawn ir-responders hemm 12 li jaħdmu sistema ta’ xift ta’ day-night-rest-off u jkunu 3 f’ kull xift. Minbarra dawn hemm ukoll supervisor professjonista u professjonisti oħra 24 siegħa kuljum li mbagħad jidħlu biex jagħtu aktar assistenza fuq it-telefonati li jidħlu skont il-ħtieġa ta’ kull kas partikolari.

Awtorità tad-Djar — Akkomodazzjoni soċjali li ġew rifjutati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28829 u jgħid kemm-il każ li jinsab fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali, irrifjuta post mogħti lill-applikanti mill-Awtorità tad-Djar, u x’raġunijiet ingħataw?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mil-lista ta’ stennija hemm 102 applikazzjoni fejn l-applikanti kienu ġew murija proprjetà li ġiet irrifjutata. Għalkemm mhux dejjem tingħata raġuni għalfejn proprjetà tiġi rrifjutata, ir-raġunijiet primarji għalfejn l-applikanti irrifjutaw kienu minħabba nuqqas ta’ aċċessibilità jew minħabba li l-post ma kienx fil-lokalità preferuta tagħhom.

L-Awtorità tad-Djar — Applikanti biex isiru sidien ta’ darhom

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28842 u jgħid kemm-il applikant hemm bħalissa quddiem l-Awtorità tad-Djar għal xiri ta’ units, biex isiru sidien ta’ darhom?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 838 applikazzjoni attiva quddiem l-Awtorità tad-Djar għal skemi relatati max-xiri ta’ unitajiet biex dawn l-applikanti jsiru sidien ta’ darhom.

Persuni mressqa l-Qorti — Traffikar ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28448 u jgħid kemm-il persuna tressqet il-Qorti matul is-sena 2024 b’rabta ma’ traffikar ta’ droga?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi tinzamm statistika dwar kazijiet fejn l-ammont ta’ persuni li tressqu l-Qorti b’rabta ma’ traffikar ta’ droga fl-ammont ta’ 300 gramma jew aktar. Matul is-sena 2024 l-ammont ta’ persuni li tressqu kienu dawk ta’ disgħa u ħamsin (59) fil-Qrati ta’ Malta u żewġ persuni (2) fil-Qrati ta’ Għawdex. Il-każijiet ta’ dawk il-persuni mressqa l-Qorti b’rabta ma’ traffikar ta’ droga f’ammont ta’ inqas minn 300 gramma jinstemgħu mill-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali.