Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu ilmenti lid-Domestic Violence Unit (DVU) minn irġiel, minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi bejn l-ewwel ta’ Jannar 2025 u t-22 ta’ Awissu 2025, kien hemm tlett mija u tmien (308) persuna maskili li rreġistraw rapporti mad-Domestic Violence Unit (DVU).
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu ilmenti lid-Domestic Violence Unit (DVU) minn koppji tal-istess sess, minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi bejn 1 ta’ Jannar 2025 u 22 ta’ Awwissu ġew irreġistrati għaxar (10) rapporti lid-Domestic Violence Unit (DVU), minn koppji tal-istess sess, kemm sħab kif ukoll miżżewġa.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk hemmx ċittadini Maltin maqbuda fl-Ukrajna?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu mhuwiex infurmat b’ċittadini Maltin li huma maqbuda fl-Ukrajna. Il-Ministeru jkompli jsegwi l-iżviluppi u jinstab lest biex jassisti ċittadini Maltin li jirrikjedu l-għajnuna.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk hemmx ċittadini Maltin maqbuda f’Gaza?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu mhuwiex infurmat b’ċittadini Maltin li huma maqbuda f’Gaza. Il-Ministeru jkompli jsegwi l-iżviluppi u jinstab lest biex jassisti ċittadini Maltin li jirrikjedu l-għajnuna.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29150 u jgħid kemm persuni jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-iskema tas-CVA, għal xi raġuni jew oħra?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-1 ta’ Mejju 2024 u t-30 t’April 2025 kien hemm 39,099 vettura, li jinkludu wkoll il-vetturi elettriċi kollha, li bbenefikaw minn eżenzjoni mill-ħlas tas-CVA fil-Belt Valletta.
Protokoll numru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 13629, 18994, 21842, 25604, 28030, 28768 u 29168 u jgħid għala l-Gvern għadu m’għamilx traspożizzjoni tal-Protokoll numru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (li tipprojbixxi kull forma ta’ diskriminazzjoni)? Jista’ jgħid jekk huwiex konxju li l-Avukat tal-Istat qiegħed f’diversi kawżi jgħid li la l-Gvern Malti għadu m’għamilx tali Protokoll bħala parti mil-Liġi Maltija, ħadd ma jista’ jinvokaha u allura qiegħed iċaħħad liċ-ċittadini minn tali protezzjoni?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Protokoll Nru. 12 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ġie ffirmat u rratifikat minn Malta fit-8 ta’ Diċembru 2015. Madankollu, kif jipprovdi b’mod ċar l-Att dwar ir-Ratifika tat-Trattati (Kap. 304 tal-Liġijiet ta’ Malta), ebda dispożizzjoni ta’ trattat ma tista’ ssir, jew tiġi infurzata bħala, parti mil-liġi ta’ Malta ħlief permezz ta’ Att jew taħt Att tal-Parlament.
F’dan il-kuntest, wieħed jinnota li l-projbizzjoni kontra d-diskriminazzjoni hija diġà protetta b’mod robust u komprensiv fil-liġi nazzjonali, permezz ta’ diversi strumenti legali, inkluż, inter alia, il-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Kapitolu 319 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġi kkonfermat li l-Avukat tal-Istat għandu mhux biss id-dritt, iżda wkoll l-obbligu li jinvoka kull difiża opportuna b’konformità mal-prinċipji fundamentali tas-Saltna tad-Dritt.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 28773 u 29198 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u jgħid kemm hu l-ħlas fiċ-childcare centres f’każ li t-tfal jimirdu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li ċ-ċentri liċenzjati mid-Direttorat għall-Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni (DKSE) u li jagħmlu użu mill-iskema tal-Free Child Care, jitħallsu għan-numru ta’ sigħat li jiġu bbukkjati. Jekk ma jsirx użu minn dawn is-sigħat għal raġuni ta’ mard jew raġuni oħra, iċ-ċentri xorta jitħallsu għal dawn is-sigħat għax isir użu mill-Absence Entitlement Hours li huma abbinati ma’ kull tifel u tifla fuq bażi ta’ 25% tas-sigħat ibbukkjati.
Awtorità tad-Djar — Akkomodazzjoni soċjali li ġew rifjutati
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28829 u jgħid kemm-il każ li jinsab fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali, irrifjuta post mogħti lill-applikanti mill-Awtorità tad-Djar, u x’raġunijiet ingħataw?
L-Awtorità tad-Djar — Applikanti biex isiru sidien ta’ darhom
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28842 u jgħid kemm-il applikant hemm bħalissa quddiem l-Awtorità tad-Djar għal xiri ta’ units, biex isiru sidien ta’ darhom?
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28831 u jgħid kemm kien in-numru ta’ telefonati ġenwini li daħlu fuq in-National Support Line 179 minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-problemi li ġew ippreżentati? Jista’ jgħid ukoll kemm-il linja telefonika hemm biex jitmexxa dan is-servizz?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi għat-tweġiba li ngħatat lill-mistoqsija parlamentari 29541.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29023 u jgħid kemm, u x’valur ta’ assi, inġabru mill-Asset Recovery Bureau minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-risposta tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29024 u jgħid l-ammont ta’ assi, bħala assi, li nbiegħu mill-Asset Recovery Bureau minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22389, 25600, 28027, 28765 u 29166 u jgħid jekk hux ser issir estensjoni fl-Iskola taż-Żokrija l-Mosta? Jista’ jgħid kemm ser jiżdiedu klassijiet u kif ser ssir l-estensjoni pereżempju jekk hux ser jinbena sular ieħor? Jekk ser ssir estensjoni, din ser issir matul is-sena skolastika għad-detriment kemm għal saħħet l-istudenti kif ukoll l-edukaturi?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Persuni impjegati minn kuntratturi li jipprovdu servizzi f’Dipartimenti jew Ministeri
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28253 u jgħid kemm persuni ġew impjegati mal-kuntratturi li jipprovdu servizzi f’Dipartimenti jew Ministeri bejn l-2020 u l-2024? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom qed jagħmlu xogħol klerikali/customer care, messaġġiera, jew cleaners?
Response (ABELA, ROBERT)
Nerġa' ntenni mhux fil-kompitu tal-Gvern li jidħol f’kemm jimpjegaw nies dawn il-kumpaniji privati.
Special Student Allowance — Ġenituri barranin u TCNs
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28264 u jgħid kemm kien hemm ġenituri barranin Ewropej u Third Country Nationals (TCNs) li matul is-sena 2024 ibbenefikaw mill-iSpecial Student Allowance fuq ulied li baqgħu jistudjaw wara l-età ta’ 16-il sena?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li ssegwi:
Benefiċċjarji ta’ SSCA 2024
Total
Pajjiżi Ewropej
347
TCN
173
Total
520
Il-Belt, Valletta — Aċċess adegwat għall-persuni vulnerabbli
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28265 u jgħid kemm hemm binjiet fil-Belt Valletta, inklużi ristoranti, uffiċini u ħwienet, li ġew infurzati biex jirranġaw il-binja biex jipprovdu aċċess adegwat għall-persuni vulnerabbli?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28288 u jgħid kemm hawn persuni li qegħdin jirċievu l-Assistenza għal Diżabilità (SDA) u qegħdin jaħdmu?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant, sabiex jirreferi għat tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 29540.