Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Mental Health First Aider

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30032 dwar jekk hemmx Mental Health First Aider appuntat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-ftehim mal-Organizzazzjoni non-governattiva ġiex milħuq? Jekk iva, meta ser jibda’ t-taħriġ għal Mental Health First Aiders? Jekk le, jista’ jagħti indikazzjoni meta ser jintlaħaq dan il-ftehim?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li il-ftehim mal-Organizzazzjoni non-governattiva ġie milħuq u ffirmat u t-taħriġ se jibda fil-jiem li ġejjin.

Santwarji tal-Annimali – Klieb jistennew li jiġu addottati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma r-razez ta’ klieb li hemm fis-santwarji tal-annimali jistennew biex jiġu addottati? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm klieb minn kull razza?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 31410.

VAT - Stabbilimenti tal-ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru flus mill-VAT fuq l-istabbilimenti tal-ikel fl-2025 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba ser tingħata f’Seduta oħra.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - Pulizija li nstabu ħatja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm pulizija li nstabu ħatja mill-qrati li wettqu reat u ġew sentenzjati u qegħdin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi bejn is-sena 2020 u -il 15 ta’ Ottubru 2025 ma kienx hemm Pulizija li nstabu ħatja b’sentenza definittiva mill-qrati li wettqu reat u ġew sentenzjati u li qegħdin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Klieb għall-addozzjoni fis-santwarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm klieb għall-adozzjoni fis-santwarji? Jista’ jagħti ż-żmien, li ilu hemm l-iktar kelb li ilu f’santawarju l-aktar?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Santwarji tal-annimali huma stabbilimenti mmexxija minn organizzazzjonijiet volontarji li huma liċenzjati skont il-Liġi Sussidjarja 439.14 - Regolamenti dwar Standards Minimi għal Santwarji tal-Annimali. Għaldaqstant, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali mhux id-detentur tal-informazzjoni mitluba u ma għandux din l-informazzjoni fil-pussess tiegħu.

American University of Malta - Kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kuntratt mal-American University of Malta (AUM) għadux fis-seħħ jew ġiex annullat? Jekk dan għadu fis-seħħ, jista’ jgħid kemm daħlu studenti ġodda f’din is-sena skolastika?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru mhuwiex f’pożizzjoni li jagħti informazzjoni dwar l-ebda istituzzjoni privata, inkluż din msemmija. Dan għaliex din hija informazzjoni ta' entita privata, u hija miksuba u maħżuna mill-istess entita b’mod kunfidenzjali.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Gwardjani jaħdmu fil-kċina

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31000 dwar gwardjani li jaħdmu fil-kċina tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki għandu l-Ispettur relatati mat-tmexxija tal-kċina?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Ispettur responsabbli mit-tmexxija tal-kċina ilu jokkupa din il-pożizzjoni għal dawn l-aħħar seba’ snin u għalhekk huwa meqjus bħala persuna b’esperjenza fl-immaniġjar tal-kċina.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - Gabbana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-gabbana li tinsab quddiem il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin taqax taħt is-sjieda (ownership) tal-istess faċilità u jekk iva, jista’ jgħid lejn xiex imur il-qligħ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-gabbana li tintrama minn żmien għal żmien quddiem il-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin hija propjetà tal-istess Faċilita u l-qliegħ imur għal attivitajiet li jsiru għal ħaddiema tal-Aġenzija w anke għal priġuniera.  Infurmat ukoll li Parti mil-qliegħ jiġi mogħti bħala donazzjoni waqt inizzjattivi għal dawk inqas ixxurtjati bħall-Istrina.

Skema Treatment Abroad

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm pazjenti li ħadu trattament barra minn Malta permezz tal-iskema Treatment Abroad fis-snin 2024 u 2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fl-2024 kien hemm 537 pazjent u fl-2025 kien hemm 440 pazjent li ħadu trattament barra minn Malta permezz tal-iskema Treatment Abroad,

Trasport Pubbliku - Rotot 403 u 405

Question

Fid-dawl li dan l-aħħar ġew introdotti r-rotot tat-trasport pubbliku 403 u 405 li minn Ta’ Qali Park & Ride jmorru jew għall-Pjazza tal-Mosta jew għall-Isptar Mater Dei, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ftit li xejn hemm informazzjoni dwar dan is-servizz fuq il-website tat-trasport pubbliku? Jista’ l-Ministru jgħid f’liema parti f’Ta’ Qali jibda u jispiċċa dan is-servizz? Jista’ jgħid ukoll għaliex dawn il-karozzi tal-linja ma jservux il-bus stops kollha fuq ir-rotta tagħhom u allura ma jieqfux għall-persuni li jkunu jridu jitilgħu jew jinżlu fuq bus stops?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rotta 403 tgħaqqad il-Park & Ride il-ġdid f’Ta’ Qali b’mod dirett mal-Università kif ukoll mal-Isptar Mater Dei. Peress li hija rotta diretta, din ma tieqaf fuq ebda bus stop sabiex il-vjaġġ isir b’mod aktar rapidu. Ir-rotta 405 hija rotta oħra li tikkonnettja mal-istess Park & Ride f’Ta’ Qali u toffri konnessjoni diretta lejn il-Mosta. Din isservi wkoll bħala rotta ċirkulari ġewwa l-Mosta. Minbarra l-waqfa li tinsab quddiem il-parkeġġ, din ir-rotta tieqaf ukoll fuq il-bus stops Rotunda (Triq il-Kungress Ewkaristiku, ftit metri ’l bogħod mill-pjazza), Waqqafa (fuq iż-żewġ naħat ta’ Vjal l-Indipendenza) u Bezzina (Triq il-Kbira). Simili għar-rotta 403, ir-raġuni għalfejn din ir-rotta ma tieqafx fuq kull bus stop hija sabiex jitħaffef it-traġitt tagħha. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni dwar dawn ir-rotot tinsab kemm fuq il-website kif ukoll fuq il-mobile app.

Korp tal-Pulizija – Dog Section – Klieb li ser jirtiraw

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ser jiġu rtirati klieb mid-Dog Section tal-Korp tal-Pulizija fl-2025/2026?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi bħalissa it-Taqsima tal-Klieb tal-Pulizija għandha tletin kelb operattiv, u tnejn li ġew irtirati però għadhom jieħdu ħsiebhom membri fl-istess Taqsima. Ninsab infurmat li huwa diffiċli li wieħed ibassar meta xi klieb mit-taqsima ser jiġu rtirati f’dan l-istadju, minħabba li dan jiddependi minn diversi fatturi li jinkludu kwistjonijiet ta’ saħħa, marbuta ma’ l-attività tagħhom u l-prestazzjoni waqt xogħolhom.

Ħ’Attard – Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet f'Ħ'Attard fl-2025 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jindika kemm kienu mill-pulizija, kemm mil-LESA, u kemm minn Transport Malta (TM), u jgħid x’kienet il-kontravenzjoni?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul din is-sena inħarġu 544 ċitazzjoni f’Ħ’Attard min-naħa ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta.

Il-Mosta – Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet fil-Mosta fl-2025 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jindika kemm kienu mill-pulizija, kemm mil-LESA, u kemm minn Transport Malta (TM), u jgħid x’kienet il-kontravenzjoni?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul din is-sena inħarġu 222 ċitazzjoni fil-Mosta min-naħa ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta.

Laboratorji tal-Gvern - Riċerka

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30860, jista’ l-Ministru jgħid hux qed issir xi forma ta’ riċerka fid-diversi laboratorji tal-Gvern maqsuma taħt il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u l-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, u jekk iva jista' jagħti xi eżempji?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fid-domanda tiegħu.