NGOs relatati mal-mużika, baned u orkestri - Fondi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn NGOs relatati mal-mużika, baned u orkestri u kemm ingħataw fondi f’dawn l-aħħar tliet snin?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm 108-il NGO relatata mal-mużika, baned u orkestri. Matul l-aħħar tliet snin, dawn l-NGOs ingħataw bejniethom fondi li jammontaw għal €523,020.83.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31485 peress li huma ftit il-konsulenti/tobba msemmija, jista’ l-Ministru jgħid x'investiment se jsir biex jiżdiedu?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm żewġ trainees jitħarrġu fil-clinical genetics fis-settur Nazzjonali tas-Saħħa. Wieħed minn dawn it-Trainees jinsab barra minn Malta għat-taħriġ tiegħu. F’Ottubru li għadda nħarġet sejħa ġdida għal trainees fil-clincal genetics.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31457 u jgħid kemm inġabru flus mill-VAT fuq l-istabbilimenti tal-ikel fl-2025 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba ser tingħata f’Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn adulti li huma dijanjostikati bil-kundizzjoni tal-ADHD u x’tip ta’ mediċina qed jieħdu?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fuq is-sistema tal-POYC hemm reġistrati 1,783 pazjent li huma ntitolati għal Methylphenidate u li huma minn 18-il sena ’l fuq. Dan ma jfissirx li bilfors kollha ġew dijanostikati bil-kundizzjoni tal-ADHD.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett għall-akkomodazzjoni soċjali f’Ħal Luqa għadux immexxi mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk dan il-proġett waqaf, jista’ jgħid għaliex?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31355 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u jgħid kemm hemm persuni mniżżla fuq is-Sex Offenders Register? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-proċedura biex jiġi mħares li dawn il-persuni ma jerġgħux jagħmlu reat simili?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-reġistru ta’ persuni mixlija b’reati ta’ natura sesswali, kif ukoll persuni oħra kkundannati li jkunu wettqu reati ta’ vjolenza gravi, ġie stabilit permezz ta’ Att Nru XXIII tal-2011. Dan l-Att, inter alia, jiddetermina li r-responsabbiltà għaż-żamma tar-reġistru hija tal-Reġistratur tal-Qorti. Sal-ġurnata tal-lum, hemm 145 persuna mniżżla fuq dan ir-reġistru.
Akkomodazzjoni soċjali - Lista ta’ stennija għall-ġenituri li għandhom tfal b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk tingħatax attenzjoni partikolari lil dawk il-ġenituri li għandhom tfal b’diżabilità, li jkunu fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanti kollha jsirilhom Initial Assessment, kif ukoll fejn hu possibbli ssir follow-up visit minn fejn saret l-applikazzjoni biex l-Awtorità jkollha l-informazzjoni adekwata li twassal il-Bord tal-Allokazzjoni jara l-bżonnijiet kollha tal-familja, speċjalment għall-familji fejn hemm individwi b’diżabilità.
FSWS - Passi li jittieħdu f’każijiet fejn koppji jgħixu f’postijiet dilapidati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi jittieħdu ma’ dawk il-koppji li jkunu ser jittieħdulhom it-tfal mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) minħabba li jkunu jgħixu f’postijiet dilapidati?
Response (GALDES, RODERICK)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jindirizza din id-domanda lill-Ministeru ikkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid x’kienu l-miżuri li ttieħdu fir-rigward tas-saħħa mentali tal-ħaddiema, b’mod partikolari dawk il-ħaddiema b’diżabilità, bħalma kien sar f’pajjiżi oħra madwar id-dinja wara l-pandemija?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu għall-liema ħaddiema qed jirreferi.
Freedom to Live - Tnaqqis fil-burokrazija għall-persuni b’diżabilità
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux ser titnaqqas il-burokrazija fost il-persuni b’diżabilità, b’rabta mal-objettiv dwar ir-riformi u l-kwalità tad-dokument ‘Freedom to Live’?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tnaqqis tal-burokrazija fejn jidħlu proċessi biex jinkisbu servizzi u sussidji intiżi biex jibbenefikaw minnhom in-nies b'diżabilità hija parti integrali mix-xogħol u l-ħidma tal-Ministeru.
Il-Gvern għaddej b’xogħol flimkien ma’ entitajiet differenti biex jara li proċeduri għas-servizzi jibqgħu jiġu riveduti għal aktar proċess effiċjenti skont it-timeline tad-9 snin li għandna fl-Azzjoni 1.3 tal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’ Diżabilità, filwaqt li nassiguraw konformità mal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b'Diżabilità (UNCRPD).
F’dan il-kuntest, il-Gvern nieda numru ta’ riformi relatati mal-proċess ta’ assessjar għall-benefiċċji relatati mad-diżabilità. Fil-preżent, it-talbiet u d-dokumentazzjoni meħtieġa, kemm għall-adulti kif ukoll għall-minuri, jgħaddu kollha permezz tat-tabib tal-applikant u jiġu riferuti lill-Inter-Professional Panels li ħadu post il-Bordijiet Mediċi. Dawn il-Panels jagħmlu valutazzjoni ħolistika sabiex ikunu jistgħu jiġu ndirizzati aktar persuni b’diżabilità, u mhux biss dawk li kienu elenkati f’lista kif kien isir fil-passat. Barra minn hekk, kif inkluż fl-aħħar Baġit, l-ammonti tal-benefiċċji ġew riveduti ’l fuq.
Ninfurmah ukoll li s-servizzi relatati mal-European Disability Card u dawk tal-Blue Badge ġew trasferiti mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) għall-Aġenzija Sapport. Dan sar sabiex dawn is-servizzi jkunu amministrati fi ħdan l-aġenzija nazzjonali li diġà tmexxi numru ta’ servizzi oħra offruti mill-Istat lil persuni b’diżabilità. B’dan il-pass, is-CRPD tista’ tiffoka b’mod aktar effettiv fuq l-irwol ewlieni tagħha bħala l-korp responsabbli għall-promozzjoni tal-ugwaljanza u d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità.
L-għan aħħari ta’ dawn ir-riformi huwa li jiġu stabbiliti proċessi ċari u kkonsolidati sabiex naslu għal mudell ta’ One Stop Shop. Dan jipprovdi punt ta’ aċċess uniku u aktar faċli għal persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom f’sitwazzjonijiet fejn huma jkunu qed japplikaw għal servizzi differenti li jiġu vvalutati jew offruti minn entitajiet varji.
Tista’ l-Ministru tgħid x’riżultati qed nistennew mill-konsultazzjoni ‘Freedom to Live’?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill‑Onorevoli Interpellant li r-riżultat ewlieni tal‑konsultazzjoni ‘Freedom to Live’ hu l‑ħolqien tal-Istrateġija Nazzjonali 2021-2030 għal Malta dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, li tipprovdi qafas għal aċċessibilità, edukazzjoni, impjieg u parteċipazzjoni fil‑komunità, kif ukoll proċeduri ta’ monitoraġġ tal-implementazzjoni ta’ din l-istrateġija.
Wara li l-konsultazzjoni ‘Freedom to Live’ ġiet magħluqa, tista’ l-Ministru tgħid x’azzjonijiet bdew jittieħdu?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li għalqet il-konsultazzjoni ‘Freedom to Live’ fl-2021, ġiet approvata l-Istrateġija Nazzjonali 2021-2030 għal Malta dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u bdiet tiġi implimentata skont it-tlettax (13) objettiv tagħha, b’perjodu ta’ ħidma sal‑2030.