Fid-dawl li fl-Istati Uniti (USA) ħafna persuni qed jintalbu d-dokumenti u qed jiġu deportati, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’inhi s-sitwazzjoni għall-Maltin ġewwa l-Istati Uniti?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministeru tal-Affarjiet Barranin u t-Turiżmu flimkien mal-Ambaxxata ta’ Malta f’Washington u l-Konsulat Ġenerali ta’ Malta fi New York qed isegwu mill-qrib u b’attenzjoni l-iżviluppi li għaddejjin fl-Istati Uniti. F’dan il-kuntest, l-Ambaxxata qed iżżomm kuntatt kontinwu mad-dijaspora Maltija, inkluż permezz tan-netwerk tal-Konsli Onorarji ta’ Malta fl-Istati Uniti.
Dawk iċ-ċittadini Maltin li qed jirrisjedu fl-Istati Uniti b’mod regolari u għandhom id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa skont il-liġi applikabbli, m’għandhomx jiffaċċjaw diffikultajiet.
Sal-preżent, l-Ambaxxata ma rċeviet l-ebda komunikazzjoni li tindika li hemm membri tad-dijaspora Maltija detenuti jew qegħdin fil-proċess ta’ deportazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-immigrazzjoni tal-Istati Uniti.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il każ ġie segwit mill-Employee Support Programme, min-Novembru 2023 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li bejn Novembru 2023 u Novembru 2025 kien hemm 8370 sessjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa s-siġra tal-Milied li qiegħda fi Pjazza Ħelsien, il-Belt, quddiem il-Parlament?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) li s-Siġra tal-Milied li ntramat din is-sena fi Pjazza Ħelsien ġiet iddisinjata mill-artist Malti rinomat anki lil hinn minn xtutna Henry Galea. Din is-siġra kellha ornamenti li ġew magħmulin kollha bl-idejn u fost id-disinji li saru kien hemm il-merill, iż-żebbuġa, il-ballottra, il-qabru u l-lampuka – simboli li konna naraw fil-muniti Maltin u li għalhekk huma marbutin mal-istorja u l-kultura ta’ pajjiżna. Apparti wkoll l-eluf ta’ dwal, ċfuf magħmulin bl-idejn u n-nutcrackers kbar imdawrin mas-siġra, ġiet ikkreata wkoll riħa apposta għal din is-siġra tal-Milied bil-għan li tinħoloq esperjenza multisensorjali.
Ninnota kif din is-sena, is-siġra intlaqgħet tajjeb ħafna mill-pubbliku li ta’ kuljum, għal aktar minn xahar sħiħ, mijiet u eluf ta’ Maltin u turisti kienu jieqfu biex jieħdu ritratt magħha. Diversi persuni prominenti, inkluż mill-kollega tal-Onor. Interpellant, il-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu, żaru din is-siġra u faħħru x-xogħol artistiku li sar minn Henry Galea u t-tim tiegħu.
Inoltre, l-isbuħija ta’ din l-instalazzjoni artistika kien irrimarkat ukoll mill-profil popolari fuq Instagram Pubity, li huwa magħruf l-aktar għall-kontenut ta’ divertiment li jtella’ u li huwa segwit minn madwar 42 miljun persuna minn madwar id-dinja kollha, tant ikklassifika lil din is-siġra tal-Milied bħala waħda mill-isbaħ siġar tal-Milied fid-dinja.
Ninsab infurmat li l-ispiża totali kienet tammonta għal €80,000 (VAT Eskluż) li tinkludi l-materjal tas-siġra, it-transportazzjoni, arrangamenti logistici, assikurazzjoni u pubbliċità fost oħrajn. Kienu segwiti l-proċeduri applikabbli tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.
FSWS - Passi li jittieħdu f’każijiet fejn koppji jgħixu f’postijiet dilapidati
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31942 u 32207 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat u jgħid x’passi jittieħdu ma’ dawk il-koppji li jkunu ser jittieħdulhom it-tfal mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) minħabba li jkunu jgħixu f’postijiet dilapidati?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill Onor Interpellant li d-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Minuri jimxi fuq il-principju li kemm jista’ jkun jippreserva l-entità tal-familja u fejn ikun hemm sitwazzjoni ta’ familji li jgħixu f’postijiet mhux edegwati, il-Ħaddiema Soċjali fi ħdan id-Direttorat jaħdmu ma’ entitajiet u servizzi varji biex jassiguraw li l-minuri jgħixu f’post sikur u fejn il-bżonnijiet bażiċi tagħhom ikunu mħarsa.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31941 u 32206 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u jgħid jekk teżistix definizzjoni legali ta’ ‘homelessness’?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31869 u 32182 u jgħid kemm hemm produzzjonijiet ġodda maħsuba li jinġibdu bħala films f’Malta fl-2026?
Response (BONNICI, OWEN)
Waqt li għadu prematur li jingħataw dettalji speċifiċi ta' numri, kollox qed jindika li din is-sena se tkun sena oħra sabiħa għal dan is-settur.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31868 u 32181 u jgħid kemm-il safra għamel il-Kummissarju tal-Films fl-2024 u 2025? Jista’ jgħid ukoll għal kemm żmien damet kull safra u kemm ġiet tiswa?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba kif mgħoddija lili. Irrid infakkar li f'dawn l-okkażżjonijiet il-Kummissjoni tkun qed tiltaqa’ ma’ counterparts oħrajn biex tkompli twassal il-pakkett li joffri pajjiżna f’dan is-settur sabiex ikun jista’ jinġieb aktar investiment, produzzjonijiet u films lejn Malta. Minn dan il-ġid u xogħol igawdi kulħadd.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il lift ġie installat fi blokok tal-Gvern mill-Awtorità tad-Djar minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll f’liema lokalità jinsabu u kemm minnhom bdew jiffunzjonaw?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lil Onorevoli interpellant li fl-2024, ingħataw total ta’ wieħed u għoxrin lift fil-lokalitajiet tal-Furjana, Birkirkara, Bormla, Ħal Għaxaq, il-Kalkara, il-Mosta, il-Marsa, l-Imtarfa, il-Pietà, Raħal Ġdid, Santa Luċija (2), Ħal Tarxien (2), il-Belt Valletta (3), Ħaż-Żebbuġ (3) u iż-Żurrieq.
Fl-2025, ġew mogħtija tnejn u erbgħin lift. Dawn kienu jinsabu fl-Imsida (2), il-Pietà (2), il-Marsa, Birkirkara (6), Santa Luċija (2), il-Belt Valletta (4), Santa Venera (2), Bormla (2), Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, Pembroke, Ħal Luqa (8), iż-Żejtun (2), il-Furjana, l-Isla, Ħal Lija, il-Kalkara, ir-Rabat u Ħaż-Żabbar (2).
Barra minn hekk, lift wieħed fil-Marsa, wieħed fir-Rabat, wieħed fis-Siġġiewi u wieħed f’Santa Venera bħalissa qed jistennew iċ-ċertifikazzjoni. Għaddejjin ukoll ix-xogħlijiet fi sittax-il blokka f’ tlettax-il lokalità differenti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il blokka qiegħda tistenna ċ-ċertifikat li lift ikun lest u konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tat-tender u r-regolamenti tal-liftijiet, biex b’hekk ikun ‘placed into service’?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lil Onorevoli interpellant li bħalissa, hemm erba’ liftijiet li għadhom qed jistennew iċ-ċertifikazzjoni u l-ikkummissjonar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm idum biex jissewwa lift f’binja ta’ akkomodazzjoni soċjali, minn meta jiġi rrappurtat?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lil Onorevoli interpellant li d-dewmien għat-tiswijiet tal-lift jiddependi min-natura u l-kumplessità tal-problema. Filwaqt li xi ħsarat jistgħu jiġu solvuti fl-istess jum, oħrajn jistgħu jeħtieġu bejn sitt u tmien ġimgħat, soġġetti għad-disponibbiltà tal-partijiet meħtieġa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tqassmu units ta’ akkomodazzjoni soċjali minn Settembru 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll fejn jinsabu dawn il-postijiet u kemm għandhom kera?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Awtorità tad-Djar - Xiri ta’ units biex isiru sidien ta’ darhom
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikant hemm bħalissa quddiem l-Awtorità tad-Djar, għal xiri ta’ units biex isiru sidien ta’ darhom?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa, quddiem l-Awtorità tad-Djar, hemm total ta’ 884 applikant li ressqu talba għall-akkwist ta’ units sabiex isiru sidien ta’ darhom.
Skema ‘Inċentivi għal ritorn ta’ ċwievet ta’ post’ - Ritorn ta’ ċwievet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikant ta ċ-ċwievet tal-post tiegħu, taħt l-iskema ‘Inċentivi għal ritorn ta’ ċwievet ta’ post’ minn Novembru 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, minn Novembru 2023 sal-lum, ġew irritornati total ta’ 54 cavetta taħt l-iskema ‘Inċentivi għal ritorn ta’ ċwievet ta’ post’.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt sar fl-iskema ‘Nikru biex nassistu’ minn Ottubru 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll f’liema lokalità jinsabu?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna żaret l-uffiċini tal-Awtorità tad-Djar matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2024 sa t-3 ta’ Novembru 2025, żaru lill-Awtorità tad-Djar total ta’ 50,019 persuna.