Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Mosta – Vjal l-Indipendenza — bankina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-bankina fi Vjal l-Indipendenza, il-Mosta (faċċata tal-ironmongery li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament) liema bankina ġiet mibnija b’mod temporanju u ‘l barra min-normal, sabiex ikunu jistgħu jgħaddu l-pedestrians? Peress li din saret b’mod temporanju minħabba xogħlijiet ta’ kostruzzjoni mill-ironmongery, liema xogħol sar bil-permess u li għalih tħallset is-somma ta’ €2,000, u issa li x-xogħol ta’ kostruzzjoni tlesta u l-boundary wall tneħħa, jista’ jgħid għalfejn din il-bankina baqgħet ‘il barra kif kienet? Jista’ l-Ministru jgħid jekk din il-bankina hijiex se tidjieq, qabel jingħata t-tarmak, sabiex il-karozzi jkunu jistgħu jipparkjaw miflok il-bankina wiesgħa (peress li l-karozzi qed jiġu pparkjati ħażin, sabiex ikunu jistgħu jixtru mill-ħwienet fil-viċinanzi u qed ikunu pparkjati ‘l barra b’detriment għas-sewwieqa u għal min juża l-pedestrian crossing)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bankina temporanja li kienet saret fil-post indikat, u li issa m'għadhiex meħtieġa, ser titneħħa.

Kontijiet tad-dawl — każ ta' familja

Question

Jista' l-Ministru jagħmel kuntatt mal-familja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, minħabba li qed jirċievu kontijiet tad-dawl ħafna għola minn meta kienu jgħixu aktar membri fl-istess dar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilment imressaq ġie mistħarreġ u ġie nnotat diskrepanza fin-numru ta’ persuni kif imniżżla fuq il-kont. F’dan ir-rigward, ARMS Ltd ħadet il-provvedimenti kollha meħtieġa sabiex tirranġa din l-anomalija u jinħareġ kont rivedut.

Divorzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm divorzji mill-introduzzjoni tal-Liġi tad-Divorzju sal-ġurnata tal-lum, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

In-numru ta’ talbiet għal divorzju f’Malta mill-introduzzjoni tal-liġi dwar id-Divorzju sal-5 ta’ Marzu 2018 huwa kif indikat fit-tabella t’hawn taħt: SenaTalbiet għal divorzju milqugħa 2011 (minn Ottubru sa Diċembru)42 2012432 2013349 2014320 2015354 2016367 2017310 2018 (sal-5 ta’ Marzu)68 In-numru ta’ talbiet għal divorzju f’Għawdex mill-introduzzjoni tal-liġi dwar id-Divorzju sal-5 ta’ Marzu 2018 huwa kif indikat fit-tabella t’hawn taħt: SenaTalbiet għal divorzju milqugħa 2011 (minn Ottubru sa Diċembru)2 201218 201311 20145 201522 201612 201715 2018 (sal-5 ta’ Marzu)1

Separazzjonijiet u Annullamenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta’ separazzjonijiet u annullamenti taż-żwieġ li seħħew f’din il-Leġiżlatura?

Response (BONNICI, OWEN)

In-numru ta’ kawżi ta’ separazzjoni personali jew tal-annullament taż-żwieġ li daħlu quddiem il-Qorti Ċivili ta’ Malta (Sezzjoni tal-Familja) f’din il-leġiżlatura u għalhekk mill-24 ta’ Ġunju 2017 sas-6 ta’ Marzu 2018 kienu dawn: Introdotti Kawżi ta’ separazzjonijiet 64 Kawżi ta’ annullament 7 In-numru ta’ kawżi ta’ separazzjoni personali jew ta’ annullament taż-żwieġ li daħlu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) Sezzjoni tal-Familja, f’din il-leġiżlatura u għalhekk mill-24 ta’ Ġunju 2017 sas-6 ta’ Marzu 2018 kienu dawn: Introdotti Kawżi ta’ separazzjoni 5 Kawżi ta’ annullament 1

Separazzjonijiet imwaqqa’

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm kien in-numru ta’ separazzjonijiet li saru f’din il-leġiżlatura u li twaqqgħu minħabba medjazzjoni jew minħabba ftehim milħuq bejn il-koppja?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar is-separazzonijiet li saru fil-Qorti ta’ Malta f’din il-leġi¿latura (mill-24 ta’ Ġunju 2017 sal-5 ta Marzu 2018) u li fihom inbdiet il-medjazzjoni hija kif muri fit-tabella t’hawn taħt: Total ta’ talbiet għal separazzjoni permezz ta’ ittri jew noti li jwasslu għall-proċess ta’ medjazzjoni833 Total ta’ rikonċiljazzjonijiet44 Total ta’ separazzjoni bonarja 527 Total ta’ ka¿ijiet fejn ma ntlaħaqx ftehim waqt il-medjazzjoni u l-partijiet ġew awtorizzati jipproċedu b’kaw¿a ta’ separazzjoni 256 L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar is-separazzonijiet li saru f’din il-leġi¿latura (mill-24 ta’ Ġunju 2017 sal-5 ta Marzu 2018) fil-Qorti ta’ Għawdex u li fihom inbdiet il-medjazzjoni hija kif muri fit-tabella t’hawn taħt: Total ta’ talbiet għal separazzjoni permezz ta’ ittri jew noti li jwasslu għall-proċess ta’ medjazzjoni 44 Total ta’ rikonċiljazzjonijiet 5 Total ta’ separazzjoni bonarja 21 Total ta’ ka¿ijiet fejn ma ntlaħaqx ftehim waqt il-medjazzjoni u l-partijiet ġew awtorizzati jipproċedu b’kaw¿a ta’ separazzjoni 7

Djar Residenzjali tal-Anzjani — attivitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’attivitajiet ġew organizzati f’kull Residenza tal-Anzjani tal-Istat matul is-sena l-oħra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, matul is-sena 2017, ġew organizzati diversi attivitajiet għall-anzjani, kemm ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule, kif ukoll fir-Residenzi tal-Anzjani tal-Istat, fosthom; - attivitajiet organizzati mill-Active Ageing Unit tad-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`, bħal sezzjonijiet ta’ crafts u qari ta’ kotba; - attivitajiet ta’ tagħlim fit-tul illi jinkludi sessjonijiet ta’ tisjir; - sessjoniet fiżiċi; - ħruġ darbtejn fil-ġimgħa; dawn jinkludu ħruġ kulturali u ħruġ ta’ rikreazzjoni - ċelebrazzjonijiet spiritwali; - attivitajiet tal-Ġimgħa l-Kbira, tal-Milied u festi oħra; - attivitajiet oħra skont it-talba tar-residenti bħal dawk tas-sajd u logħob tal-boċċi; Residenza San Vincenz de Paule: - Attivitajiet Teatrali - ċelebrazzjonijiet spiritwali; - festini okkażjonali, bħal tal-karnival u tal-festa tal-maħbubin; - festini marbuta mal-festa ta’ Jum l-Omm u Jum il-Missier; - kunċerti mużikali; - barbeques; - festi tar-raħal; - ikliet barra mir-Residenza; - ħarġiet kulturali - diskussjonijiet u laqgħat - sessjonijiet ta’ logħob, kompetizzjonijiet u żfin

Ġenituri li ttelgħu l-Qorti minħabba assenteiżmu ta’ uliedhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ dawk il-ġenituri li weħlu multi u li ttelgħu l-Qorti minħabba assenteizmu ta’ uliedhom mill-iskola matul din il-leġiżlatura u kemm minn dawn il-ġenituri ħallsu l-multa imposta fuqhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab annessa ma’ din ir-risposta. Contravention Status Total Tickets Judged - Paid 4 Judged - Not Paid 494 Judged - No Fine Due 73 Pending Judgement 1,009 Grand Total 1,580

Stennija għall-operazzjoni ta’ knee replacement – każ ta’ persuna

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4480, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara meta l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ser tissejjaħ biex tagħmel l-operazzjoni tan-knee replacement?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ qed jiġi segwit.

Stennija għall-operazzjoni ta’ knee replacement – każ ta’ persuna

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara meta l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ser tissejjaħ biex tagħmel l-operazzjoni tan-knee replacement?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-isem u n-numru tal-karta tal-identità tal-persuna msemmija minnu u kif mogħtija minnu ma jikkorrispondux ma xulxin.

Trasferiment mill-Isptar Mater Dei għall-Isptar Karen Grech – każ ta’ persuna

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħmel kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li waqt li kienet qed tiġi trasferita mill-Isptar Mater Dei għall-Isptar Karen Grech għar-riabilitazzjoni, għal xi raġuni mhux determinata, waqt it-tali trasferiment intilfulha affarijiet personali kif ukoll hearing aids, liema hearing aids jammontaw għal aktar minn €1,000? Jista’ jinvestiga wkoll dan il-każ u jara x’jista’ jsir?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-każ qed jiġi segwit.

Trattament ta’ anzjan

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li jsir kuntatt mal-anzjan lid-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament dwar trattament li għandu jsir bil-loppju, liema trattament li għandu jistenna għalih seba’ xhur, u l-anzjan jinsab b'uġigħ insapportabbli?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-każ qed ikun segwit.

Każ ta’ Individwu b’marda terminali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara kif l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw seperatament u li jinsab rikoverat fl-isptar b'marda terminali, apparti li t-tobba stess iċċertifikaw li l-mard jinsab fi stadju avvanzat ġie rilaxxat u mibgħut id-dar? Jista’ jara l-każ, u jara li dan l-individwu jsib post f'home adattata fejn ikun jista’ jiġi assistit f'każ ta' emerġenza; f'każ li ma jistax jokkupa aktar sodda fl-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-każ qed jiġi segwit.

Benefiċċji Soċjali – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li ġiet maqtugħa mill-benefiċċji soċjali minħabba li biegħet ir-residenza tagħha u bl-istess flus xtrat dar oħra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, huwa normali li d-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali iwaqqaf il-benefiċċji meta jkun hemm tranżazzjonijiet ta’ flus. It-talba għal benefiċċju ġiet mistħarrġa mill-ġdid wara li l-benefiċjarja pprovdiet l-irċevuti, iżda ġiet mitluba tipprovdi iktar dokumenti u tikkjarifika xi mistoqsijiet illi d-dipartiment kellu fuq l-każ tagħha. Bħalissa d-Dipartiment qiegħed jara l-każ mill-ġdid, wara li s-Sinjura bgħatet aktar dokumenti kif mitlub.

Il-Mosta — Triq il-Piżatur u l-Industrial Estate tal-madwar ta' Triq il-Fortizza - ġbir ta' skart

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk munzell skart fi Triq il-Piżatur u l-Industrial Estate tal-madwar fi Triq il-Fortizza fil-Mosta, għandux jinġabar mill-Kunsill Lokali jew mill-MIP, peress li t-tnejn li huma qed jitfgħu r-responsabilità fuq xulxin (kif jidher fid-dettalji li qed jidhru separatament), b'detriment lejn ir-residenti ta' Triq il-Fortizza u l-madwar?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Spiżerija tal-Għażla Tiegħek – każ ta’ individwu

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkomunika mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, minħabba diffikultà li għaddha minnha fl-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek dwar għoti ta' pilloli li jenħtieġ b'urġenza, imma mill-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek qalulu li għad m'għandhomx il-go ahead li dawn jingħataw?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-mediċina msemmija separatament minnu ma tinsabx fuq il-formolarju tal-Gvern, din tinxtara speċifikament għall-pazjent. Il-proċedura titlob li jkun hemm permess speċjali li joħroġ mid-Dipartiment għall-Affarijiet Farmaċewtiċi. F’dan il-każ dan id-dipartiment irċieva ordni fil-5 ta’ Frar tal-2018, mill-ispiżerija kkonċernata għal żieda fl-intitolament. Dakinhar stess il-POYC talab lid-DPA biex dan il-permess jinħareġ urġenti. L-istess permess ġie approvat u maħruġ fis-7 ta’ Frar 2018 u immedjatament fl-istess ġurnata l-mediċina ntbagħtet fl-ispiżerija kkonċernata. Il-mediċina ġiet dispensata fit-8 ta’ Frar 2018.

Raħal Ġdid – ilmenti minn residenti

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi segwit ilment minn residenti ta' Triq it-Tramuntana f’Raħal Ġdid fejn qed jilmentaw li ma kenux infurmati mill-Awtorità tal-Ippjanar dwar gate, peress li n-notifika twaħħlet fin-naħa l-oħra tal-Pjazza Agatha Barbara u saru jafu biha b'kumbinazzjoni u minħabba Summary Procedure, allura ż-żmien biex wieħed jinduna kien qasir? Jista' jara jekk huwx possibli li jiġi rrevokat il-permess u ssir konsultazzjoni mir-residenti sabiex wieħed jistabilixxi l-impatti li qed jiġu mponuti fuq din it-triq 'dead end'?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4096, l-Awtorità tal-Ippjanar ma tistax tirrispondi din il-mistoqsija mingħajr ma jkollha referenza ċara għal liema applikazzjoni qed jirreferi għalija l-Onor. Interpellant. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant ipoġġi quddiem il-Kamra n-numru tal-applikazzjoni sabiex l-istess Awtorità tkun f’pożizzjoni li tirrispondi d-domanda mressqa.

Ilma dieħel ġewwa residenza – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, peress li wara diversi rapporti ta’ ilma li daħal ġewwa mill-fili tal-faċċata, baqa’ ma sar xejn? Jista’ jara li almenu tissolva din il-problema, sakemm titranġa l-faċċata kollha li għal din is-sena żgur li mhux ser issir?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, dwar il-każ imsemmi, min naħa tal-Awtorita' tad-Djar kienu saru tiswijiet ġewwa l-appartament madwar sena ilu. Madanakollu, dwar id-dħul ta' ilma mill-fili tal-faċċata ser terġa ssir spezzjoni biex jiġi vverifikat l-ilment u naraw x'jista' jsir biex tissolva din il-problema.

Adopt-A-Pet Allowances – adozzjoni minn Santwarji tal-Annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Adopt-A-Pet Allowance ta' €150 li tingħata lil kull min jadotta kelb jew qattus minn santwarju tal-annimali skont kif tħabbret fil-manifest elettorali, bdietx taħdem? Jekk iva, kemm-il allowance ingħatat s’issa? Jekk le, meta hemm pjan li tibda tingħata din l-allowance?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Adopt-A-Pet Allowance ta' €150 li tingħata lil kull min jadotta kelb jew qattus minn santwarju tal-annimali skont kif tħabbret fil-manifest elettorali, għada ma bdietx tingħata. Din l-allowance ħa tibda tingħata hekk kif tiġi stabilita s-sistema u jiġu allokati l-fondi neċċessarji.

Tiswijiet ta’ saqaf ta’ kamra tal-banju – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara kif dan l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bidlulu s-saqaf tal-kamra tal-banju u fil-proċess kissrulu s-sett tal-banju u ma jridux jagħmlulu t-tiswijiet tas-sett għax kienu tawh xi sussidju għaxar snin ilu? Jista’ jara kif mhux talli ma ssewwewx il-ħsara li għamlulu meta bidlulu s-saqaf, imma talli wkoll bagħtulu kont ta’ €105 ewro għar-riċerki?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, mill-informazzjoni li għandha l-Awtorita’ tad-Djar dwar il-każ imsemmi, is-saqaf tal-kamra tal-banju ma kienx ġie mibdul imma ġie msewwi u intrifed permezz ta’ travu. Il-kuntrattur imqabbad mill-Awtorita’ tad-Djar m’għamel l-ebda ħsara fis-sett tal-banju kif qed jiġi allegat. Fil-fatt l-inkwilin kien diġa’ ssottometta l-applikazzjoni biex jibdel il-kamra tal-banju qabel ma l-kuntrattur beda x-xogħol fuq it-tiswija tas-saqaf. Skont il-kundizzjonijiet tal-iskema, jekk jinstab li l-applikant kien diġa’ bbenefika mill-istess xogħlijiet fi skemi preċedenti hu ma jkunx intitolat jerġa’ jibbenefika fuq l-istess xogħol. Għaldaqstant l-applikazzjoni tal-persuna msemmija biex jerġa’ jingħata sussidju sabiex jibdel il-kamra tal-banju ma setgħetx tiġi approvata.

Single parent unemployment benefit

Question

Jista’ l-Ministru jinforma kemm hawn nisa jirċievu s-Single Parent Unemployment Benefit?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Unemployment Benefit jitħallas biss jekk persuna tkun ħadmet u ħallset il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali u tkun qiegħda tirreġistra għax-xogħol, fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru tal-Jobsplus, filwaqt illi tkun tissodisfa l-kriterji, kif stabbiliti fil-liġi tas-Sigurtà Soċjali (Kap 318). Jista’ l-Onor. Interpellant jiċċara l-mistoqsija tiegħu, peress illi ma jeżisti l-ebda Unemployment Benefit illi jitħallas speċifikament għal single parents?