Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5139, u ċjoè: Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni ta’ kif intgħażel individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament partikolari biex imexxi t-transizzjoni tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi u jieħu l-kejl meta dan mhuwiex kwalifikat? Jista' jgħid ukoll jekk ħarġitx call for application għas-sejħa ta’ dan l-individwu? Kemm hemm aktar persuni nvoluti f' dan il-proċess? Dan l-individwu ser jinżamm responsabbli tat-translokazzjoni minn Pembroke għal Ħal Luqa?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-CEO tal-Istitut huwa responsabbli mit-traslokazzjoni minn Pembroke għal Ħal Luqa, u mhux il-persuna msemmija.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser titneħħa siġra mwaqqa’ fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata (lejn in-naħat ta' Section L.A) liema siġra ilha hekk imwaqqa’ min-nofs Frar (ritratti qed jingħataw separatament)?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-uffiċċjal fit-Taqsima tad-Dfin fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali diġà għamel il-proċess kollu amministrattiv sabiex jinġabru l-kwotazzjonijiet neċessarji u s-siġra indikata tkun tista’ titneħħa.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm daħlu fl-emerġenza, matul is-sena 2017 persuni intossikati mid-droga? Jista' jgħid l-età medja ta' dawn u kemm minnhom kienu rġiel kemm kienu nisa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ attendenzi ġewwa d-Dipartiment tal-Emerġenza fis-sena 2017 fejn kien irreġistrat fil-Presenting Complaintjew fit-Triage Notes li kien hemm Overdosejew abbuż ta’ xi tip ta’ droga (jew mediċina), sew jekk seħħet jew jekk kien hemm suspett li ġrat, ammontaw għal 401 attendenzi. Minn dawn, 242 kienu rġiel u 159 kienu nisa. L-età medja ta’ dawn l-attendenzi kienet ta’ 44 sena.
Mewt f'inċidenti tat-traffiku minħabba sewqan taħt alkoħol jew droga
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk matul is-sena 2017, kienx hemm każijiet ta' fatalitajiet fit-toroq minħabba li s-sewwieq ikun vittma ta' xi sustanza waqt is-sewqan, bħal alkoħol jew droga?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru responsabbli mill-Pulizija.
Jista’ l-Ministru jindika fid-dettal fiex jikkonsistu l-proġetti Youth in Focus u Embark for Life? X’għandu wieħed jagħmel biex jagħmel użu minn dawn is-servizzi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Kurrikulu Nazzjonali biex dan jiġi implimentat fl-iskejjel kollha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-Kurrikulu Nazzjonali tal-pajjiż ġie żviluppat f’Learning Outcomes Framework li jinsab online fuq il-website – www.schoolslearningoutcomes.edu.mt
Jista’ l-Ministru jagħti fid-dettal is-servizz ta’ customer care biex jiġu ttrattati l-ilmenti ta’ studenti, ġenituri u għalliema skont il-policies maħruġa mid-Direttorati? Kemm kien hemm każijiet li ġew ittrattati fis-sena skolastika li għaddiet u fuqiex kienu l-ilmenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz ta' customer care li qiegħed jirreferi għalih huwa servizz ġdid li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi (DES) qiegħed jieħu azzjoni permezz tal-KPI 23 (Key Performance Indicator 23): Jiġu introdotti ħdax-il proċedura fl-iskejjel tal-Istat biex nagħtu lill-edukaturi aktar serħan tal-moħħ u niffaċilitaw ix-xogħol siewi tagħhom. Dawn il-proċeduri jinkludu Proċedura 1: Customer Care Service: Office of the College Principal and College Schools fejn qiegħda tiġi fformulata Standard Operations Procedure biex ilmenti, appuntamenti u kull mhu meħtieġ mill-ġenituri u l-kommunità mill-uffiċini tal-Prinċipal u l-iskola jiġu ttrattati bl-istess mod u fl-istess tul ta’ żmien. Dan is-servizz se jkun attwat għas-sena skolastika 2018-19.
Sadanittant, il-prassi fl-iskejjel Maltin huwa li jitrattaw kull każ jew sitwazzjoni li jidħlu l-uffiċċju tal-Prinċipal, l-uffiċċju tal-Kap tal-iskola, tal-Assistent Kap jew l-uffiċini klerikali tagħhom malajr kemm jista’ jkun.
Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-Customer Care fl-uffiċċju prinċipali tal-Edukazzjoni ittratta 245 każ fis-sena skolastika 2016-2017. Dawn iżda mhux kollha kienu marbuta ma' edukazzjoni. Il-każijiet li jikkonċernaw edukazzjoni kienu jinkludu problemi fi skejjel tal-Istat jew tal-Knisja, ilmenti fuq kotba tal-iskola, eżamijiet fl-iskejjel primarji u trasport tal-iskola, LSAs għat-tfal, u ilmenti oħrajn dwar skejjel li ġew mgħoddija lill-Prinċipal tal-Kulleġġ.
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istrateġija nazzjonali dwar il-vjolenza domestika?
Response (DALLI, HELENA)
Qed nerġa’ inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istrateġija nazzjonali dwar il-vjolenza a bażi ta’ ġeneru u vjolenza domestika li jien diġà poġġejt fuq il-mejda ta’ din il-kamra fl-24 ta’ Jannar 2018.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u fil-Forensic Unit tal-Isptar Monte Karmeli, li wettqu self-harm matul dawn l-aħħar tliet snin?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jsegwi l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, dwar operazzjoni urġenti li suppost saret fil-ġimgħat li għaddew, iżda ma rċevew l-ebda avviż?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ qed jiġi segwit.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, minħabba li l-pilloli offruta lilha mill-POYC jagħmlulha l-ħsara, u jekk hijiex intitolata għall-pilloli simili b'ditta differenti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ ġie segwit.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi servizz għal dawk l-anzjani li jużaw is-servizz tal-POYC u li huma taħt is-70 sena u m' għandhomx min iġibilhom il-pilloli d-dar, minħabba li huma kostretti li jibqgħu f'darhom minħabba mard?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-iskema tas-70+ ġiet imnedija fl-2016 u hija provduta fil-lokalitajiet kollha. Sa l-aħħar ta' Frar ta’ din is-sena il-POYC kellu 832 pazjent irreġistrat u li qed jibbenefika minn din l-inizjattiva. Din l-istess skema hija miftuħa għal pazjenti ta' 70 sena jew aktar kif ukoll għal persuni ta’ kull eta’ b'diżabilità rreġistrati mal-KNPD.
Ninfurmah ukoll illi dan il-gvern beda jipprovdi servizzi bħal
Renal Home Replacement Therapy
kif ukoll
Oxygen refilling services
lill-pazjenti kollha u ta’ kull eta’.
Fil-każ tal-
Continuous Ambulatory Peritoneal Dialysis
(CAPD), dan is-servizz tnieda fl-2016 u minnu ibbenefikaw pazjenti b’
kidney impairment for home dialysis
. In-numru ta' pazjenti li jibbenefikaw minn dan is-servizz huwa ta' madwar 80.
Is-servizz tal-
Oxygen refilling services
tnieda fl-2017 għal pazjenti li jsofru minn problemi respiratorji. In-numru ta' pazjenti li jibbenefikaw minn dan is-servizz huwa ta’ madwar 250.
Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni ta’ kif intgħażel individwu partikolari biex immexxi t-transizzjoni tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi u jieħu l-kejl meta dan mhuwiex kwalifikat?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħid min hu l-individwu li qed jirreferi għalih.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’rakkomandazzjonijiet elenkaw il-Bord tad-Diretturi għas-Saħħa Mentali li ilu mwaqqaf mill-bidu tas-sena li għaddiet?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Bord għas-Saħħa Mentali jiddiskuti materji varji relattati mal-qasam tas-Saħħa Mentali. Sadanittant fil-ġimgħat li għaddew sar xi tibdil fil-membri tal-bord imsemmi minnu u ġew maħtura chairperson u membru ġdid.
Jista’ l-Ministru jgħid fid-dettal fiex jikkonsisti s-servizz tal-Co-Parenting? Meta twaqqaf dan il-programm u kemm kien hemm koppji li għamlu użu minnu? X’wieħed jista’ jagħmel biex jagħmel użu minn dan is-servizz?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, dan is-servizz huwa proġett pilota, bil-għan li jgħin lill-ġenituri li jkunu għaddejjin minn seperazzjoni, jiffaċċjaw l-isfidi ta’ kuljum kemm bħala individwi u anke bħala ġenituri. Il-programm jindirizza temi speċifiċi bil-għan li l-interessi tat-tfal dejjem jiġu mħarsa. Waħda mill-akbar sfidi li ħafna ġenituri jiltaqgħu magħha hi kif itejjbu l-komunikazzjoni mal-ġenitur l-iehor sabiex il-bżonnijiet tat-tfal dejjem ikunu prijorità. Il-klijenti jingħataw l-ispazju jitkellmu fuq l-impatt li s-separazzjoni tkun ħalliet fuqhom u jiġu mgħallma kif jistgħu jieħdu ħsieb aħjar tagħhom infushom. L-għan aħħari ta’ dan il-programm hu li l-ġenituri jgħinu lil uliedhom jifhmu aħjar il-proċess ta’ separazzjoni b’mod emozzjonali u prattiku.
Il-programm ġie mniedi f’Ġunju tal-2017, fejn tminn professjonisti ġew imħarrġa barra minn Malta, speċifikament fl-Irlanda, sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-aħjar għajnuna lill-familji li jersqu lejn il-Fondanzzjoni tas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali. Il-programm beda jopera f’Settembru tal-2017. Sa Diċembru tal-2017, 52 persuna irrikorrew għall-għajnuna tal-Coparenting. Fil-preżent hemm 30 persuna f’kuntatt ma’ dan is-servizz.
Dawk kollha li attendew għas-sessjonijiet tal-Copareting, kellhom kliem ta’ tifħir fuq l-programm imħejji, hekk kif fi kliemhom stess, il-programm huwa ta’ għajnuna kbira kemm għax tgħallmu ħiliet ġodda, kabbru l-għarfien tagħhom fuq x’inhuma l-bżonnijiet t’uliedhom u wkoll għax sabu s-sapport ta’ professjonisti esperti fil-qasam u ltaqgħu ma’ individwi oħra li wkoll kienu għaddejjin minn sitwazzjonijiet simili.
Kull min juri x-xewqa li jattendi, jgħaddi minn proċess ta’ screening fejn jiġu diskussi l-għanijiet li l-individwu jkun jixtieq jilħaq. Il-programm huwa mifrux fuq medja ta’ 6 ġimgħat, fejn ikun hemm 6 laqgħat ta’ 3 siegħat il-waħda, kollha immexxija minn professjonisti mħarrġa fis-settur.
Kull min huwa interessat fis-servizz, jista’ jagħmel kuntatt mas-Servizz tal-Coparenting fuq in-numru telefoniku 22959000 jew permezz ta email fuq coparenting@gov.mt.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm hemm ħaddiema neqsin f’kull servizz mogħti fil-qasam tas-saħħa mentali? X’qiegħed isir biex dawn il-postijiet vakanti jimtlew kemm jista’ jkun malajr?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-reklutaġġ isir skont il-proċeduri stabbiliti fis-Servizz Pubbliku u l-esiġenzi tas-servizz. F’dawn il-ġranet, kif jiġri kull sena qegħda ssir kampanja kongunta mid-Dipartiment tas-Saħħa u l-MUMN sabiex aktar żagħżagħ jitħajru jitħarrġu f’dan is-settur.
Care Plan Coordinators fil-qasam tas-Saħħa Mentali
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx impjegati bħala Care Plan Coordinators fil-qasam tas-Saħħa Mentali sabiex jaraw li l-programmi mfassla mit-team multi-dixxiplinarju fil-care plans tal-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali, ikunu qed jiġu implimentati u konformi mal-pjan ta’ kura miftiehem?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-moniteraġġ tal-Care Plans isir bħala parti mill-audits u sistemi ta’ moniteraġġ tas-servizz kemm mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali u kif ukoll mid-Dipartiment tal-Psikjatrija.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li kkommettew suwiċidju fis-snin 2015, 2016 u s-sena l-oħra? F’kull każ, jista’ jagħti wkoll l-età ta’ dawn il-persuni u kemm minnhom kienu rġiel u kemm kienu nisa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 27335, tat-tnax il-leġiżlatura.