Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proprjetà alternattiva – każ ta’ individwi

Question

Jista' l-Ministru jara kif il-familja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ilhom jgħixu ġo dan il-post ikkundannat, bid-drenaġġ dieħel fil-proprjetà tagħhom u bħala alternattiva l-Gvern tahom post f'Għawdex, meta dawn għandhom 70 sena u mingħajr familjari f'dawk in-naħat?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Awtorita` tad-Djar infurmat lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall-Mistoqsija Parlamentari li saret f’isimha.
Leg 13 PQ #6321 Sitting 132 2018-06-18 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu

Titjiriet tal-Air Malta — delays

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm tant delays fuq it-tijiriet tal-Air Malta?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġa’ spjegajt fis-seduta Parlamentari tal-11 ta’ Ġunju, kien hemm dewmien imprevist sabiex l-ajruplan il-ġdid jingħaqad mal-kumplament tal-flotta tal-Air Malta. Saru arranġamenti biex it-titjiriet skedati li kellhom isiru b’dan l-ajruplan jiġu operati minn ajruplani oħra fuq bażi ta’ wet lease.Wieħed minn dawn l-ajruplani kellu jiddaħħal għal manutenzjoni minħabba ħsara teknika. Kien hemm ukoll dewmien li l-Air Malta ma kellha l-ebda kontroll fuqu fosthom strikes tal- Air Traffic Control ġewwa diversi pajjiżi, żewġ bird strikes , kundizzjonijiet ta’ temp ħażin fl-Ewropa, kif ukoll aċċident fejn trakk laqat wieħed mill-ajruplani.
Leg 13 PQ #6322 Sitting 132 2018-06-18 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu

Żieda ta’ rotot

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex żdiedu r-rotot meta m'hemmx biżżejjed ajruplani? Tant hu hekk li sar reklamar fuq wieħed mill-mezzi soċjali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6321, ninfurmah li l-Air Malta għamlet arranġament sabiex iżżid il-flotta tagħha b’żewġ ajruplani oħra biex topera l-iskeda kollha tagħha.

Xiri ta’ flat – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara kif l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kien issottometta applikazzjoni biex jixtri l-flat tal-housing u wara li għamel il-konvenju u saħansitra kellu jagħmel kuntratt f’Diċembru, ċemplulu u qalulu li dan ma jistax isir għax il-post hu tal-Lands? (Dan meta ż-żewġ appartamenti ta’ fuqu nbiegħu). Jista’ jgħid x’inhi l-problema?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar infurmat lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall-mistoqsija li saret f’isimha.

Hepatitis C – persuni li jieħdu l-kura

Question

Jista' l-Ministru jkompli jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6292 u jgħid x'jisimhom il-pilloli li jingħataw għall-kura tal-Hepatitis C u kemm jiswew dawn?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jagħti dettalji dwar l-istrateġija li se titħaddem bil-għan li filwaqt li jkunu kkurati dawk milqutin mill-Hepatitis C, din tkun eliminata mill-pajjiż.

Dar tal-Anzjani – każ ta’ persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li teħtieġ tidħol f'home minħabba l-kundizzjoni tagħha, u li din tinsab weħidha?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, qed isegwi mill-qrib dan il-każ u diġa nforma lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għall- mistoqsija li saret f’isimha.

Hepatitis C – persuni li jieħdu l-kura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna tieħu l-kura tal-Hepatitis C b’xejn? Jista’ jgħid x' jisimhom il-pilloli li jingħataw għal Hepatitis C, u f'każ li persuna tixtrihom minn butha, xi kemm jiswew? Jista’ jgħid fiex tikkonsisti l-kura tal-Hepatitis C u kemm hu l-perjodu ta' din il-kura?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kura tal-Epatite Ċ hija b'xejn għal kull min huwa ntitolat għas-servizzi tas-saħħa b'xejn f'pajjiżna. Fil-ħames snin li ġejjin se jiġu kkurati madwar 1000 persuna. L-għan huwa li nittrattaw lil kulħadd u li neliminaw din il-marda minn pajjiżna. Il-perjodu ta' kura permezz ta’ dawn il-mediċini huwa madwar 12-il ġimgħa, iżda jibqa jkun hemm monitoraġġ sa 24 ġimgħa wara li jinbeda t-trattament.

Servizzi ta’ respite għall-familjari ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk humiex sejrin jinfetħu aktar servizzi ta’ respite għall-familjari ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali billi ta’ spiss is-servizzi li joffru Għaqdiet Mhux Governattivi bħall-għaqda li isimha qed jingħata separatament ma jkollhomx postijiet vakanti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizzi tas-saħħa mentali tal-gvern jaħdmu id f’id mal-NGOs inkluż ma dik imsemmija separatament. Jekk id-domanda tiżdied u naraw il-bżonn ta’ aktar servizzi ma neskludix li dan is-servizz ikun jista’ jiżdied.

Servizzi ta’ psikjatrija għal tfal ta’ età żgħira

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka x’servizzi jeżistu f’pajjiżna li jispeċjalizzaw fil-psikjatrija għal tfal ta’ età żgħira? Kemm hemm tfal li qed jagħmlu użu minn dawn is-servizzi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għandna tlett dipartimenti li jispeċjalizzaw fil-psikjatrija għal tfal ta’ età żgħira. Dawn huma Young People’s Unit(YPU), Child and Young Person Service(CYPS) u Child Adolescent Psychiatric Emergency Services(CAPES). Fl-2018, ġewwa l- YPU ġew ammessi 56 tifel u tifla, l- CAPES 109 u l- CYPS bħalissa hemm 1,917 li qed jieħdu l-kura meħtieġa.

Jobsplus – skemi għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Jobsplus għandhomx skema li tinkorpora miżuri mmirati għall-persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali u li jixtiequ jsibu impjieg?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Jobsplus tamministra diversi skemi li huma mmirati għall-persuni b’dizabilità inklużi dawk li għandhom problema ta’ saħħa mentali li jixtiequ jsibu impjieg. Biex persuni li għandhom diffikultajiet ta’ saħħa mentali ikunu eliġibbli għal dawn l-iskemi/programmi irid ikollhom isimhom fir-Reġistru tal-Persuni b’Diżabilità tal-Jobsplus. Dawn l-iskemi/programmi jinkludu: Ftehim li għandha Jobsplus mar-Richmond Foundation li jipprovdi assistenza minn professjonisti inkluż sessjonijiet fuq livell personali mal-persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali. Il-programm Sheltered Employment Training li jipprovdi taħrig assistit għal persuni b’diżabilità iktar severi bl-għan li jtejbu l-ħiliet tagħhom għad-dinja tax-xogħol. Diversi job coaches huma assenjati sabiex jissapportjaw lill-persuni li jattendu l-programm ta’ taħriġ. Il-Job Bridge Training and Development Centre li huwa ċentru li jiffoka fuq taħriġ speċifiku fuq ħiliet soċjali u ta’ impjegabbilità kif ukoll ħiliet għal ħajja indipendenti fost l-oħrajn. L-iskema Bridging the Gap toffri opportunità ta’ prova fuq il-post tax-xogħol (work exposure) lill-persuni b’diżabilità għal numru ta’ ġimgħat. Matul il-perjodu miftiehem, il-persuni jingħataw allowance minn Jobsplus, ekwivalenti għal 80% tal-paga minima nazzjonali. Jekk il-persuna ddum aktar minn tnax-il ġimgħa f’din l-iskema, hi trid iċċedi l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali tagħha. Min-naħa l-oħra min iħaddem ma jkunx obbligat li jħallas il-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali, il-paga u benefiċċji oħra bħas-sick leave. L-iskema Access to Employment (A2E), kofinanzjata mill-Fond Socjali Ewropew u l-Gvern Malti, tipprovdi sussidju ta €125 fil-ġimgħa għal kull persuna b'diżabilità ġdida f’impjieg fultajm għal 156 ġimgħa. Fil-kaz ta’ impjieg part-time jingħata sussidju pro rata ta’ jew 20, 25 jew 30 siegħa fil-ġimgħa. Fl-impjieg ta’ persuni b’diżabilità kumpaniji (mhux governattivi) jistgħu jitolbu biex: - Jiġu eżentati mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-impjegati rreġistrati b’diżabilità. - Jirċievu inċentiv fiskali ta’ 25% tas-salarju bażiku annwali għal kull persuna b’diżabilità diġà impjegata sa massimu ta’ €4,500, immedjatament wara t-tmiem ta’ kull sena kalendarja. Barra mill-iskemi/programmi msemmija hawn fuq, il-Fondazzjoni Lino Spiteri (LSF) li ġiet imwaqqfa bejn Jobsplus u min iħaddem, tgħin lill-persuni b'diżabilità kif ukoll lil min iħaddem biex it-tnejn ikunu jistgħu jibbenefikaw minn suq tax-xogħol aktar aċċessibbli u aktar divers bl-għajnuna tal-job coaches. Il-Fondazzjoni għandha l-għan li ssib modi biex bihom tneħħi l-barrieri u tkabbar l-opportunitajiet ta' xogħol għal persuni b'diżabilità. Il-Fondazzjoni tipprovdi servizz ippersonalizzat bi pjan t’azzjoni skont il-ħtieġa tal-persuni b'diżabilità inkluż lill-persuni li għandhom problema ta’ saħħa mentali.

Servizz pubbliku ta’ emerġenza għall-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali biss

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitwaqqaf servizz pubbliku ta’ emerġenza biex jintuża’ minn persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali biss, billi s-servizz eżistenti ta’ għajnuna (179) qiegħed ikun ta’ spiss okkupat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament hemm biss s-servizz ta’ għajnuna 179.

Community Work Scheme – ħaddiema bi problema ta’ saħħa mentali

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5785, jista’ l-Ministru jgħid kemm parteċipanti mit-total ta’ 839 persuni li qegħdin f’din l-iskema, għandhom xi problema ta’ saħħa mentali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-preżent, mal-Community Work Scheme Enterprise Foundation hemm 15-il persuna li għandha problema ta’ saħħa mentali.

Akkomodazzjoni Soċjali – problema ta’ drenaġġ – każ ta’ individwi

Question

Jista' l-Ministru jara kif żewġ postijiet li huma tal-Akkomodazzjoni Soċjali, u li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, liema proprjetajiet is-sidien tagħhom ilhom ġimgħat sħaħ jirrapurtaw li qed jinżel id-drenaġġ ġewwa dawn iż-żewġ proprjetajiet, u peress li l-foreman kien tahom indikazzjoni li se jmur għandhom fi żmien tliet ġimgħat imma għadhom qed jistennew u peress li post minnhom huwa ħanut tal-ikel u l-għejxien tas-sid jiddependi minn hemm, jista’ jara l-każ ta’ dawn iż-żewġ postijiet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorita tad-Djar infurmat lill-persuni kkonċernati b’risposta bil-miktub għall-mistoqsija parlamentari li saret f’isimhom.

Appuntament – każ ta’ persuna

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament liema każ huwa urġenti imma l-appuntament huwa għas-7 ta’ Diċembru 2018 f'Mater Dei? Possibbli l-Ministru jara li dan l-appuntament isir qabel minħabba l-urġenza tiegħu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ qed ikun segwit.

Work permit — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fejn jidher li l-file tagħha qiegħed għand il-Jobsplus u tixtieq li jitħaffef il-proċess għall-work permit?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi Jobsplus hija fid-dmir li tuża kull kawtela u żmien neċessarju sabiex tassigura li l-proċess tal-permessi għax-xogħol isir b’reqqa bla ebda interferenza jew indħil.

Stennija ta’ appuntament – każ ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fejn tliet snin ilu qalulu li għandu blockage f'saqajh u qalulu wkoll li kienu ser jibgħatu għalih, iżda sal-lum għadu jistenna?

Response (FEARNE, CHRIS)

Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ ġie segwit, ninfurmah ukoll illi f’inqas minn sena l-isptar Mater Dei kien ta d-data lill-pazjent biex issirlu l-proċedura li kellu bżonn iżda l-istess pazjent irrifjuta.

Dħul f’San Vinċenz de Paule – każ ta’ anzjana

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, fejn din l-anzjana ġiet offruta biex tidħol f’San Vinċenz de Paule, iżda hi rrifjutat u llum il-ġurnata l-kundizzjoni tagħha ggravat u ma tistax tgħix aktar waħedha?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Kommunità qed isegwi mill-qrib dan il-każ u nforma lill-persuna kkonċernata b’risposta bil-miktub għal mistoqsija li saret f’isimha.

Stennija għal CT Scan – każ ta’ anzjana

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fejn din l-anzjana għaddejja minn uġiegħ insapportabbli, u li ilha tistenna CT Scan mill-2017 u li se jsir f'Lulju li ġej? Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-proċess jitħaffef?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ qed ikun segwit.